Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna se jingħata t-tifel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jinstab fil-ħames sena ta' l-iskola Primarja tal-Qrendi u li għandu diffikultajiet kbar biex jitgħallem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan it-tifel qiegħed fis-sitt sena Year 6 (2) u mhux fil-ħames sena. Tfal f'din il-klassi hemm disgħa u x-xogħol li jsir huwa ppjanat speċifikament għalihom.
Jista' l-Ministru jara li tiġi pprovduta attenzjoni speċjali għat-tfal, li isimhom qed jintbagħat separatament, li jinsabu fil-ħames klassi ta' l-Iskola Primarja tal-Qrendi li huma batuti ħafna u ta' għaxar snin diġa' huma kkundannati li jispiċċaw l-edukazzjoni primarja b'nuqqasijiet kbar? Hemm xi tama li nagħtu opportunita' lil dawn it-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qed tingħata kull attenzjoni minn naħa ta' għalliema biex dawn it-tfal jimxu l-quddiem.
Kif jaf sew l-Onor. Membru huma biss dawk it-tfal li jkunu referuti lill-iStatementing Board u li jinstabu li għandhom bżonn l-għajnuna ta' facilitator li jingħataw din l-għajnuna.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet mal-Floriana Football Club dwar l-użu tal-ground tagħhom fejn il-gvern irid jorganizza ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju? Ma jistax il-gvern isib alternattiva oħra meta jaf li l-ground għadu kemm ġie miżrugħ mill-ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
Diġa' poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija pubblika li tittratta s-suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun in-nefqa taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju? X'sejħiet għall-offertu ħarġu s'issa għall-makkinarji varji biex ikunu jistgħu jittellgħu l-attivitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Tagħrif dwar l-ewwel parti għad irid jinġabar.
S'issa ħarġu sejħiet għall-offerti dwar it-tiżjin u mixgħela tat-toroq mill-Monument ta' Spencer, il-Blata l-Bajda sal-Monument ta' Kristu Re fil-Furjana, Triq Ġilormu Cassar u Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta.
Is-sejħa għall-offerti saret flimkien mal-Kumitat Festi Nazzjonali peress li t-tiżjin ippjanat ser jintrama għall-perijodu bejn l-10 u l-31 ta' Diċembru 1999, fl-okkażjoni tal-25 Anniversarju ta' Malta Repubblika, il-Festi tal-Milied u ċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millennju.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 10105, jista' l-Ministru jgħid jekk intgħażilx xi ħadd biex imexxi u jopera dance studio fil-Pixxina Nazzjonali? X'inhuma l-kondizzjonijiet imposti?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-fuel li qed jintuża biex isaħħan il-Pixxina Nazzjonali? Kemm intuża fuel għal dan l-iskop, kull sena, mill-1993 sa Ottubru ta' din is-sena?
Kemm intnefqu kull sena għal dan il-fuel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-'fuel' li qiegħed jintuża biex isaħħan il-pixxina huwa 'Kerosine' u 'Light Heating Oil'.
Informat ukoll li sa l-aħħar ta' Ottubru ta' din is-sena inxtraw 355,736 litru ta' pitrolju li swew Lm44,467 biex tissaħħan il-Pixxina.
Fis-sena 1998, l-ammont ta' 19,659 litri ta' paraffin u 48,550 litri ta' light heating oil, li swew Lm50,105 għall-istess skop.
Fl-1997 in-nefqa għall-fuel kienet ta' Lm78,813.
Għas-snin ta' qabel, id-Dipartiment m'għandux records għax il-Pixxina Nazzjonali kienet taħt ir-responsabbilta` tal-Ministeru tal-Ġustizzja u Arti.
Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 10491?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-esperti barranin imsemmija fit-twġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9599 (Seduta 149) kienu fil-fatt diversi kuntratturi f'dan il-qasam b'esperjenza sostanzjali f'kostruzzjonijiet simili barra minn Malta. Il-laqgħat, li kienu primarjament ta' natura ta' tfittix ta' informazzjoni, saru fi tmiem is-sena li għaddiet u kmieni din is-sena bil-parteċipazzjoni ta' membri tal-Board ta' Tmexxija tal-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali. F'ebda stadju ma konna jiena jew is-Segretarju Parlamentari involut f'dawn it-taħditiet.
Issa li l-gvern iddeċieda li juża x-Xagħra ta' l-Indipendenza fil-Furjana għal attivitajiet tal-Millenju, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex dispost li jintrabat biex fi żmien qasir wara dawn l-attivitajiet jerġa' jġib il-post fl-istat li qiegħed illum?
Għaliex il-gvern ħalla li jinżera' t-turf u jsir xogħol ieħor mill-klabb tal-Furjana qabel ma ħa d-deċiżjoni finali tiegħu? Għaliex ma nstabx post ċentrali ieħor?
X'inhu l-irwol tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni f'dawn l-attivitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif diġa' għidna pubblikament il-Gvern impenja ruħu bl-aktar mod ċar li jirritorna l-Arena ta' l-Indipendenza fl-istat li qiegħed illum fl-aqsar żmien possibbli wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Millennju.
Jista' l-Ministru jgħidilna xi proċedura intużat sabiex għalliema gradwata bil-B.Ed. fil-Primarja tidħol tgħallem fil-Gozo School of Music meta din lanqas qagħdet għall-interview li huwa rikjest għall-istess skola? Peress li min iggradwa fil-Primarja ma jistax joqgħod għall-interviews tas-sekondarja jew xi skola oħra bħalma hi dik tal-mużika, jista' l-Ministru jgħid jekk dan sarx irregolarment jew a skapitu ta' għalliem/a oħra li huma gradwati fil-mużika?
Jista' jgħidilna wkoll jekk hemmx xi ordni f'dan il-qasam biex l-Għawdxin jingħataw priorita' fuq il-Maltin anke jekk bħal f'dan il-każ partikolari, l-għalliema Għawdxija ma tkunx eliġibbli għal dan il-post? Xi kwalifiki mużikali (degrees/diplomi) għandha din l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema gradwata bil-B.Ed. li dan l-aħħar intbagħtet tgħallem fl-Iskola tal-Mużika f'Għawdex applikat kemm biex tgħallem fil-Primarja kif ukoll biex tgħallem il-Mużika fis-Sekondarja jew Post-Sekondarja.
Informat ukoll li meta kien hemm post vakant fl-iskola tal-Mużika, skond l-ordni ta' mertu mogħtija mis-selection board għall-għalliema tal-mużika, kien imiss lil din l-għalliema biex tkun impjegata u għaldaqstant ġiet trasferita mill-iskola Primarja f'Malta fejn diġa' kienet bdiet tgħallem għall-iskola tal-Mużika Għawdex. Dan it-trasferiment sar fuq talba tagħha. Dak iż-żmien din kienet l-unika talba għal trasferiment għal din l-iskola.
Informat ukoll li ma ingħatat ebda ordni biex l-Għawdxin jingħataw priorita` fuq il-Maltin.
Fl-aħħarnett informat li l-għalliema li ġiet trasferita fl-iskola tal-Mużika Għawdex għandha dawn il-kwalifiki:
B.Ed. (Hons.)
Pianoforte Grades 1-5 Practice Royal School of Music
1-5 Theory Royal School of Music
Pianoforte Grades 1-8 Practice Trinity College
1-8 Theory Trinity College
In vista ta' domandi parlamentari preċedenti, jista' l-Ministru jikkonsidra li jibgħat uffiċjal biex jeżamina u jagħmel studju rigward il-ħsarat li għandha l-Fortizza della Grazzja ġewwa x-Xgħajra?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli tweġiba tingħata f'Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intnefqu flus sena b'sena f'kotba bil-lingwa Ingliża għal-libreriji pubbliċi tul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul dawn l-aħħar ħames snin intefqet is-somma totali ta' Lm123,124 f'kotba bil-lingwa Ingliża, li kienet imqassma hekk sena b'sena:
1995 - Lm33,261
1996 - Lm29,627
1997 - Lm29,202
1998 - Lm20,634
1999 - Lm10,300
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar s'issa tul din is-sena fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur ġewwa l-Birgu u jekk hemmx ikkonsidrat li jkun hemm materjal informattiv li jista' jinbiegħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bniedem li jkun għamel 8 snin jaħdem ta' acting supervisor imbagħad ma jintgħażilx għall-post ta' supervisor fid-dipartiment ta' l-Edukazzjoni, għandu dritt ta' ħlas għaż-żmien li għamel acting?
Response (GALEA, LOUIS)
Jista' l-Onor. Membru jagħtini aktar dettalji dwar il-każ, sabiex inkun f'pożizzjoni aħjar biex nagħti tweġiba?
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Impjegati b'reduced hours
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-impjegati li talbu li jaħdmu bir-reduced hours/responsibility leave? Kemm minnhom ġew approvati? F'liema gradi kienu dawk li t-talba tagħhom ġiet approvata? Fuq liema persentaġġi ta' sigħat ta' xogħol se jaħdmu? Fuq liema kriterji dawn ġew approvati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ma kien hemm ebda impjegati li talbu li jaħdmu bir-reduced hours/responsibility leave.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema li applikaw għal post ta' kordinatur ta' l-iSwimming Unit li se titwaqqaf fil-Pixxina Nazzjonali u li l-intervisti għalih saru f'dawn l-aħħar ġranet?
Min kien fuq il-bord li mexxa dawn l-intervisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kif se titmexxa s-Swimming Unit li se titwaqqaf fil-Pixxina Nazzjonali?
Il-unit se jaqa' taħt it-tmexxija tal-Bord tal-Pixxina jew taħt id-Direttur ta' l-Edukazzjoni?
Kemm hu maħsub li se jkun fih għalliema dan il-unit?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Swimming Promotions Unit ser ikun kompost minn koordinatur, il-kowċ nazzjonali ta' l-Għawm, żewġ part-time instructors u nurse. Il-ħsieb hu li dan il-Unit ikollu Bord li jagħtih il-pariri.
Informat ukoll li dan il-Unit se jkun prinċipalment jirrispondi lis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Fl-aħħarnett informat li dan il-unit se jkollu għalliem wieħed li se jkun il-koordinatur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema b'permanent warrant u kemm b'temporary warrant li jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja u kemm f'kull każ huma reliġjużi u kemm huma lajċi? Kemm hemm nisa u kemm hemm irġiel? Kemm hemm kapijiet u assistenti kapijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress li l-istatistika tat-Teachers ta' l-iskejjel tal-Knisja għas-sena Skolastika Kurrenti għadha tintbgħat, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għad m'għandux f'idejh din l-istatistika kollha u għalhekk hu kmieni biex inwieġeb għal din il-msitoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti se jittieħdu biex il-Kors fit-Teknoloġija Dentali jibda tassew f'Ottubru 2000 u mhux jerġa' jiġri, kif ilu jiġri mill-1994 li dejjem tinstab xi spjega biex dan il-kors ma jsirx? F'Ottubru 2000 se nerġgħu naraw ripetizzjoni ta' x'ġara f'kull Ottubru 1994 'l hawn u l-kors jerġa' ma jibdiex?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10250 fejn joħroġ ċar li r-raġuni unika għaliex din is-sena ma fetaħx il-Kors indikat kienet li l-arranġamenti li riedu jsiru mad-Dipartiment tas-Saħħa sabiex jibda jintuża l-laboratorju tat-Teknoloġija Dentali fl-Isptar San Luqa ħadu fit-tul u ġew konklużi f'Lulju 1999 u għaldaqstant ma kienx hemm żmien biżżejjed sabiex ir-regolamenti tal-kors jiġu kkunsidrati mis-Senat u mill-Kunsill ta' l-Universita`.
1. Il-ftehim bejn l-Universita` u d-Dipartiment tas-Saħħa
biex jintuża l-laboratorju fid-dipartimenti tad-
Dentistrija intlaħaq u se jintuża wkoll il-laboratorju
ta' l-Universita` fl-Iskola Medika.
2. Ġew imfasslin ir-Regolamenti tal-Kors u dawn se jkunu
ssottometti lis-Senat ta' l-Universita` għal approvazzjoni.
3. Is-sillabus dettaljat tal-Kors ġie konkluż ukoll.
4. Saru arranġamenti biex dawk is-suġġetti li huma komuni
ma' korsijiet paramediċi oħra jiġu mgħallmin fl-istess
ħin u b'hekk tonqos l-ispiża.
5. Ġew stabbiliti n-numru ta' għalliema neċessarji tal-kors.
Jista' l-Ministru jgħid l-istudent li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament kienx ikkwalifikat biżżejjed biex jibda l-kors Certificate in Nursing Practice organizzat mill-Institute of Health Care?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudent indikat kien eliġibbli biex jibda l-kors imsemmi iżda sad-data li fiha setgħu jintlaqgħu applikazzjonijiet tard, li kienet fis-27 ta' Awissu, hu ma applikax.