Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-kumpannija Ġermaniża Deutsche Post Consiult International intbgħatet lura? Kif ġie ffriżat ix-xogħol li kienu qed jagħmlu? U għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-esperti Ġermaniżi kien ilhom minn Ġunju jagħmlu xogħol għall-Maltapost. Wara l-Elezzjoni Ġenerali, jiena tajt struzzjonijiet biex jieqaf ix-xogħol sakemm tiġi studjata s-sitwazzjoni kollha.
Minħabba l-posta tal-milied, ma kienx possibli li x-xogħol jitkompla f'Ottubru u ma kienx għaqli li x-xogħol jitkompla, jekk ikun il-każ, qabel il-bidu tas-sena l-ġdida. Flok l-esperti tħallew Malta għal aktar minn erba' xhur, il-Maltapost issuġġeriet li dawn l-esperti jmorru lura l-Ġermanja u jirritornaw Malta wara l-ewwel tas-sena.
Jiena nfurmat li l-esperti qablu ma' din il-proposta loġika u fil-fatt irritornaw il-Ġermanja biex jistennew struzzjonijiet fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Bank ta' l-Investment Ewropew — Tneħħija tat-tariffa tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-workings li juru dak li qal fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 1381 fir-rigward ta' l-esklużjoni tat-tariffa tad-drenaġġ fit-tariffa ta' l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif intqal mill-Prim Ministru waqt il-konferenza stampa ta' nhar is-Sibt 21 ta' Novembru 1998, it-taxxa tad-drenaġġ imposta mill-Gvern Laburista ġiet eliminata u issa tinsab inkorporata fit-tariffi l-ġodda ta' l-ilma. Intenni li l-amministrazzjoni preżenti waslet għat-tariffi ġodda tad-dawl u ta' l-ilma mhux biss wara li għamlet il-workings tagħha, iżda wkoll wara konsultazzjonijiet mal-partijiet soċjali kollha.
Għalhekk il-workings waħedhom ma jagħtux l-istampa kollha ta' kif il-Gvern preżenti wasal biex jagħmel roħs sostanzjali fit-tariffi tad-dawl u ta' l-ilma.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra min huma d-diretturi tal-Bank of Valletta kif ukoll tal-kumpanniji kollha li fihom dan il-bank għandu xi interessi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-bank imsemmi mill-Onor. Interpellant huwa kumpanija privata u kkwotat ukoll fil-Borża ta' Malta, dan ma jaqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-performance contract tal-General Manager u Credit Controller tal-Maltacom? Id-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament.
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-impjegati mat-Telemalta f'Ottubru 1996 u mal-Maltacom f'Ottubru 1998? Kemm impjegati spiċċaw bl-eta', mewt jew kawżi oħra matul l-istess żmien? Kemm ġew impjagati nies matul l-istess żmien jew seconded minn mad-dipartimenti tal-gvern jew kumpanniji li l-gvern għandu maġġoranza ta' l-ishma jew sempliċi ishma? Għal liema raġuni ġew seconded jew fuq liema kriterji ġew ingaġġati? Setgħu dawn il-vacancies jimtlew mill-ħaddiema tal-Maltacom stess?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema tal-Maltacom ibbenefikaw mill-early retirement scheme tal-Maltacom u kemm hemm applikazzjonijiet li fil-preżent qed jiġu pproċessati?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-prezz tal-jobbers li bih jixtri d-diesel mingħand il-Korporazzjoni Enemalta m'huwiex l-istess prezz bħalma huwa l-prezz imħallas mill-filling stations u kemm hi d-differenza?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent il-prezz imħallas mill-jobbers huwa ta' 16c852 kull litru. Id-differenza hija ta' 0c62 minn dak li jħallsu l-pompi tal-petrol manwali u ta' 0c02 mill-pompi awtomatiċi.
Ir-raġuni għal din id-differenz hija li dawn jaqgħu taħt arranġamenti differenti fejn kull kategorija tgawdi minn benefiċċji partikolari.
Peress li l-Enemalta wegħdet li tibqa' tirrikonoxxi l-arranġamenti li kellhom il-jobbers mad-ditti privati, s'issa s-sitwazzjoni tagħhom baqgħet l-istess.
Jista' l-Ministru jgħid jekk twaħħlux meters mal-boreholes kollha li tħaffru mill-privat u ġew reġistrati madwar sena jew sentejn ilu? Jekk twaħħlu dawn il-meters humiex qegħdin jinqraw? Jekk qegħdin jinqraw x'inhu l-volum ta' ilma li qiegħed jittella' minn dawn il-boreholes lokal b'lokal u sena b'sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru tal-boreholes li saru mill-privat u ġew irreġistrati mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma?
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux talbiet mill-privat biex jitħaffru boreholes ġodda wara li kien għalaq iż-żmien biex boreholes simili jiġu rreġistrati?
Jekk kien hemm talbiet ġodda, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn ġewx milqugħa jew ġewx milqugħa partijiet minnhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li n-numru ta' boreholes li saru mill-privat u ġew irreġistrati mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma jammonta għal 2530.
Kien hemm 11-il talba mill-privat biex jitħaffru boreholes ġodda.
Minn dawn it-talbiet ġodda, 4 ġew milqugħa, 2 ġew rifjutati filwaqt li 5 talbiet oħra qed jiġu kkunsidrati.
Jista' l-Ministru jitlob lill-Korporazzjoni Enemalta biex tieħu passi biex titwaħħal lampa f'dawn il-lokalitajiet peress li huma mudlama ħafna: kantuniera ma' Triq Alessio Erardi u Triq Kapuċċini, Żabbar; Triq Papa Alessandru VII, Żabbar; oħra fejn Block B2 Housing Estate, Fgura u oħra fejn Omega House, Triq Karmnu, Fgura fejn hemm ix-showroom tal-karozzi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba magħmula mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema self employed f'pajjiżna? Jista'jgħid kemm minnhom huma fuq bażi full-time u part-time? X'żieda jew tnaqqis kien hemm fuq is-snin 1996 u 1997?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li n-numru ta' self-employed sa Settembru 1998 kien jammonta għal 15,381. Dan juri nuqqas ta' 387 fuq l-istess xahar tal-1996 u 91 fuq is-sena 1997.
L-istatistika dwar is-self-employed ma tiddistingwix bejn dawk full-time u dawk part-time.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qiegħda ssir xi kampanja biex il-poplu jara kif l-aħjar juża l-ilma u ma jaħlihx jew jużah ħażin? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti sinteżi ta' x'qiegħed isir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fl-1994 il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma nidiet kampanja intensiva fuq skala nazzjonali dwar il-Konservazzjoni ta' l-ilma. Din il-kampanja, li fost oħrajn tinkludi twettieq ta' proġetti ffukati fl-iskejjel, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet fil-korrikulu tejatrali, u produzzjonijiet ta' programmi speċjalizzati għat-televiżjoni u r-radju u artikli fil-ġurnali, baqgħet għaddejja.
Billi l-Gvern għandu l-ħsieb li jdaħħal it-taxxa tal-VAT, jista' l-Ministru jgħid kif din se taffettwa lill-korporazzjonijiet Water Services u l-Enemalta u kif se taffettwa lill-konsumatur? Jista' l-Ministru jgħid kif se tiġi affettwata l-Maltacom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-sistema ser tiġi spjegata fid-dettal fis-seduta relattiva.