Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani — Sptarijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti bħalissa fl-isptarijiet ta' l-anzjani u fil-kumplament tad-djar residenzjali ta' l-anzjani? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti sabiex jiddaħħlu anzjani: (a) fl-SVPR; u (b) fil-kumplament tad-djar ta' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa fir-Residenza San Vinċenz hemm 1,008 residenti, filwaqt li hemm ukoll 365 residenti fid-Djar ta' l-Anzjani. Bħalissa hemm 534 applikazzjoni pendenti sabiex anzjani jidħlu fir-Residenza San Vinċenz u hemm ukoll 717 applikazzjoni pendenti sabiex anzjani jidħlu f'xi Dar ta' l-Anzjani.

Impjiegi — Ħlasijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-prezz medju ta' siegħa xogħol f'pajjiżna (hourly cost of labour), x'persentaġġ minn dan il-cost huwa dirett, u kemm minn dan huwa kompost minn pagi (direct remuneration); x'persentaġġ minn dan il-cost huwa indirett u kemm minn dan huwa għas-sigurta' soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-Ministeru tal-Finanzi jista' jkun f'posizzjoni li jirrispondi din il-Mistoqsija minħabba li jiġbor informazzjoni relevanti minn sorsi differenti bil-għan li jagħmel analiżi tal-pagi li tiġi pubblikata fl-"Economic Survey".

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jelabora dwar l-aħbar li kien hemm fin-Nazzjon li l-ETC se tieħu azzjoni drastika biex jitnaqqas in-numru ta' dawk jirreġistraw għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra. 22.6.99 L-ETC se tieħu żewġ linji ta' azzjoni: L-ewwel waħda hi li qed jiġi reorganiżżat it-Taqsima tal-"Employment Services" billi jingħata servizz ta' "counselling" lil min jirreġistra għax-xogħol, kif ukoll servizz ta' taħriġ. It-tieni linja ta' azzjoni hija billi jkun hemm aktar impenn biex min qed jaħdem u jirreġistra taħt l-ewwel parti jinqata mill-lista ta' nies bla Wxogħol.

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li sabu impjieg ġdid mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum? X'kienu l-etajiet tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-Numru ta' persuni li sabu mpjieg mill-5 ta' Settembru sat-30 ta' Ġunju u l-etajiet tagħhom huwa kif ġej: ETA' NUMRU 15-20 sena 6,098 21-25 sena 4,117 26-30 sena 1,999 31-35 sena 1,440 36-40 sena 1,405 41-77 sena 2,900 TOTAL 17,959 Dawn il-figuri jinkludu biss impjieg full-time u jeskludu apprentisti u studenti oħra.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Koperattivi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il koperattiva hemm irreġistrati mad-dipartiment? Liema huma waħda waħda? Kemm iħaddmu nies kull waħda minnhom? X'għajnuna toffri l-KIP lil dawn il-koperattivi u kemm ilhom jiġu pprovduti dawn is-servizzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li: (a) Preżentament hemm disgħa u tletin koperattiva li huma reġistrati mal-Bord tal-Koperattivi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-koperattivi reġistrati, flimkien ma' tagħrif dwar kemm għandhom membri u mpjegati. (b) Il-Bord tal-Koperattivi ma għandux records ta' servizzi li l-KIP toffri lill-Koperattivi peress li din hija kkunsidrata bħala attivita' kummerċjali u għaldaqstant kunfidenzjali għall-koperattiva.

Impjiegi — Job mobility

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jingħata n-numru, anke jekk approssimattiv, ta' l-hekk imsejjaħ "job mobility" f'pajjiżna matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iċ-ċifra tal-'Job Mobility' f'pajjiżna matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena kienet hekk: 1994 - 21% 1995 - 25% 1996 - 20% 1997 - 19% 1998 - 20% Il-'Job Mobility' hija r-rata ta' kemm persuni li biddlu x-xogħol tagħhom matul is-sena. Dan huwa maħdum fuq in-numru ta' ingaġġi (kemm nies qabbdu jaħdmu) bħala persentaġġ ta' kemm hemm nies qed u lesti li jaħdmu (labour supply).

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid b'kemm ingħata r-restoration work li sar fil-parti antika tad-dar ta' l-anzjani f'Bormla? Jista' l-Ministru jgħid kemm attwalment ġie jiswa issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-"restoration work" li sar fil-parti l-antika tad-dar ta' l-anzjani f'Bormla ngħata b'tender għas-somma ta' Lm 8,447. Meta beda x-xogħol, irriżulta li ħafna mill-ġebel tal-bitħa l-antika kellhom jinbidlu u għalhekk l-ispiża kibret u b'kollox dan it-tender ġie jiswa s-somma ta' Lm21,637. Intalbet l-awtorita' tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru ta' l-Ambjent sabiex dan ix-xogħol jista' jitħallas u dan ta l-awtoriżżazzjoni tiegħu.

Impjiegi — Persuni bla xogħol

Question

Minn nies li ġew qiegħda minn Settembru, 1998, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minnhom ingħataw re-training mill-ETC u f'liema oqsma sar dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' numru ta' nies li bdew jirreġistraw bejn Ottubru 1998 u Ġunju 1999, li ngħataw taħriġ mill-ETC.

Impjiegi — Ħaddiema bis-sensja

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 7598?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-lokalitajiet ta' dawk li ġew issensjati bejn Ottubru 1998 u Marzu 1999. M'hix prattika tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li tippublika l-ismijiet ta' ażjendi privati li jkunu tterminaw xi mpjegati.

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien il-budget oriġinali tad-dar ta' l-anzjani ta' Bormla u kemm jiġi jiswa llum? Jekk saru variation orders jew extras, x'ammonti huma u min huma l-kuntratturi nvoluti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-istimi tad-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla kienu madwar Lm 2 miljuni oriġinarjament u madwar Lm 2.5 miljun skond l-aħħar stimi. S'issa ġew awtoriżżati erba' "Variation Orders". Dawn kienu: (i) Construction ta' "sub-station" - C & F Construction Variation Lm 1,070 (ii) Restoration works - J & C Farrugia Ltd Variation Lm12,767 (iii) Installation of Lift - Lift Services Ltd Extra Works Variation Lm 250 (iv) Additional Swill Hoist - Lift Services Ltd Variation Lm 3,200

ETC — Persuni li sabu mpjieg

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nies li hemm qiegħda u li għandhom 'il fuq minn 40 sena sabu mpjieg bl-għajnuna ta' l-ETC? F'liema settur sabu mpjieg? Kemm kienu ilhom qiegħda u x'kien il-livell ta' skola tagħhom? Tista' l-informazzjoni tingħata sena b'sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Qabel 1995 l-informazzjoni ma kenitx kompjuteriżżata għalhekk ma għandniex informazzjoni.

Anzjani — Home Help

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti xahar b'xahar mill-5 ta' Settembru 'l hawn minn anzjani għall-Home Help? Jista' jindika minn liema lokalitajiet ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn total ta' 281 applikazzjoni li daħlu mill-5 ta' Settembru , 1999 l-hawn, 10 biss għadhom pendenti. Dawn kienu minn dawn il-lokalitajiet: San Ġiljan 1 Siġġiewi 1 San Ġwann 1 Msida 1 Attard 2 Naxxar 1 Mosta 1 Mellieħa 1 M'Scala 1

ETC — Reġistrazzjoni għal seamen

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega kif persuni li kienu jirreġistraw taħt l-ewwel parti bħala seamen mingħajr ktieb tax-xogħol tal-baħar, ġew magħżula biex jidħlu bħala cleaners mal-Gozo Channel? Kif persuni oħra li kienu jirreġistraw bħala cleaners taħt l-ewwel parti, ma ġewx imsejħa għall-interviews mal-Gozo Channel imma ġew imsejħa biss dawk li kienu jirreġistraw bħala seamen pero' li ma kellhomx il-ktieb tax-xogħol tal-baħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'nofs Ġunju il-kumpanija Gozo Channel għamlet talba mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għal-diversi vakanzi. Fost dawn kien hemm dawk ta' "Seamen" u "Cabin Attendants". Peress li kien hemm diversi persuni li qed jirreġistraw bħala "Ship's Deck Crew and related workers", il-Korporazzjoni rat min minnhom attwalment għandu il-Ktieb tal-Baħar jew xi ċertifikat ekwivalenti. Lil dawk li huma kwalifikati bħala tali issottomettiethom bħala "Seamen". Lil dawk li m'humiex baħħara kwalifikati iżda li wrew ix-xewqa li jaħdmu fuq il-baħar billi rreġistraw kif imsemmi aktar il-fuq, uffiċjali tal-korporazzjoni ċemplulhom biex jaraw hux interessati fil-vakanza ta' "Cabin Attendant" li tinkludi xogħol ta' tindif. Il-ħsieb hu li eventwalment jekk ma jinstabux nies biżżejjed il-korporazzjoni ddur fuq persuni li qed jirreġistraw bħala "Cleaners" u tara jekk hux interessati li jaħdmu fuq il-baħar.

Anzjani — Karta anzjan

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-Gvern qed jinforza l-importanza tal-Karta Anzjan ma' min mhux jagħti kasha, per eżempju, meta anzjani jużawha fuq karozzi tal-linja eċċ? Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jagħmel anzjan jew anzjana meta jesebixxi l-karta anzjan u din ma tiġix ikkonsidrata? X'tip ta' rimedju eċċ jeżisti għal dawn l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-inforzar tal-Karta Anzjan ma ssirx b'liġi iżda permezz ta' ftehim li għandu jiġi onorat bejn żewġ partijiet. Fil-każ tal-karozzi tal-linja, ġie aċċettat li l-Karta Anzjan tibqa tintuża u onorata. Fejn anzjan/a jesebixxi l-Karta Anzjan u din ma tiġix onorata, dan għandu jagħmel rapport fl-Uffiċju Servizz Anzjan, 475, St Joseph High Road Sta. Venera jew tel. 484527, u l-uffiċjal inkarigat jara li l-ftehim li jkun hemm bejn il-Gvern u min jagħti s-servizz jiġi onorat.

Pensjonijiet — Kumitat dwar riforma

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-kumitat dwar riforma fis-sigurta' soċjali u fil-pensjonijiet? Meta mistenni li jitlesta r-rapport finali? Hemm xi ħsieb li jinħareġ interim report?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Lulju u Settembru ta' din is-sena, il-Kummissjoni ltaqgħet tnax-il darba. It-"terms of reference" ma jispeċifikawx data fissa għar-rapport finali, iżda wieħed jistenna li dan għandu jsir matul is-sena d-dieħla. Hu mifhum li l-Kummissjoni se tagħti "interim report" dwar ix-xogħol tagħha s'issa, fil-futur qarib.

Pensjonijiet — Welfare spending

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ tal-welfare spending tal-gvern li jmur fuq pensjonijiet? Kif jipparaguna mal-medja tal-45% ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal persentażż li jiġi ippubblikat fit-tabelli tal-MISSOC maħruġa mill-Unjoni Ewropea. Dak il-persentaġġ jipparaguna n-nefqa dwar l-irtirar man-nefqa fuq Protezzjoni Soċjali. F'dawn it-tabella m'hemmx indikat it-terminu "Protezzjoni Soċjali" f'liema benefiċċji u servizzi jikkonsisti, iżda jidher li jinkludi l-ispiża fuq is-saħħa. Fil-każ ta' Malta n-nefqa totali ta' Protezzjoni Soċjali kif jidherf'paġna ħamsa ta' l-Estimi għal din is-sena hu ta' Lm247.6 Miljun. Skond l-istess estimi fuq pensjonijiet t' l-Irtirar, pensjonijiet ta' l-eta', l-bonus li jitħallas lilhom, u l-għajnuna supplementari hi stmata nefqa ta' Lm89 Miljun. Din il-figura ma tinkludiex l-għajnuna għall-mard li qed titħallas lill-pensjonanti. Mill-figuri li tajt jirrizulta li f'Malta l-persentaġġ komparabbli hu ta' 36%. Ta' min jgħid li kieku wieħed kellu jinkludi n-nefqa fuq il-pensjonijiet li jitħallsu lir-romol li għandhom 'l-fuq minn sittin sena, li wara kollox m'humies ħlief pensjonijiet għall-Irtirar li kellhom żwieġhom, kieku l-persentaġġ jitla għal 45%.

Għajnuna soċjali — Children's allowance

Question

Rigward iċ-children's allowance, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (1) kemm ibbenefikaw familji mill-iskema l-ġdida tal-budget ta' sena ilu li tirrigwardja ċ-children's allowance għall-familji li għandhom dħul ta' bejn Lm10,000 u Lm13,000 u fl-istess ħin għandhom ħamest itfal? (2) Kemm hawn familji b'kollox li qed jieħdu xi forma ta' children's allowance? Jista' jagħti ċ-ċifra għal dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena? (3) Kemm hawn tfal li qed jieħdu children's allowance? Jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifri għal dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena? (4) Kemm hija n-nefqa s'issa għal din is-sena rikorrenti fuq iċ-children's allowance? Kemm kienet in-nefqa għall-istess perijodu fit-tliet snin ta' qabel ukoll?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif jidher aktar 'l isfel. 1. Sa l-aħħar pagament li sar fit-2 ta' Ottubru jidher li kien hemm erba' (4) familji li kellhom dħul ta' aktar minn Lm10,270 iżda anqas minn Lm13,270 li kkwalifikaw għall-Allowance permezz ta' l-emendi li saru għall-Att dwar is-Sigurta' Soċjali wara l-aħħar budget. 2. u 3. Fir-rigward tat-tieni u t-tielet punt tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru W92 fejn l-informazzjoni mitluba hija rigward l-aħħar ħames snin. Mhux possibbli li tinġabar informazzjoni mis-sistema tal-kompjuter rigward familji li kienu jitħallsu qabel dan il-perjodu. 3. In-nefqa s'issa għal din is-sena rikorrenti fuq iċ-Ċhildren's Allowance hi ta' Lm18,278,298. Rigward in-nefqa għall-aħħar tlett snin, nitolbok tara r-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru W92.

ETC — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien in-numru ta' nies li fl-aħħar ta' Settembru kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet parti tar-reġistru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iċ-ċifri ta' Settembru jiġu pubblikati mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika fiż-żmien opportun. Fl-aħħar ta' Awissu 1999, in-numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tar-reġistru kien ta' 8,126, 614, u 742 rispettivament.