B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10721, jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti ngaġġati u x'konsulenza qed jagħtu?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Konsulenti ngaġġati huma ir-Rev. Prof. Peter Serracino Inglott, Dr Joseph Cannataci, is-Sur Richard Muscat, is-Sur Franco Valletta, Dr Claude Busuttil, Dr Anthony Macelli, is-Sur Francis Catania u s-Sur Paul Buhagiar.
Ix-xogħol tagħhom hu li jagħtu konsulenza f'oqsma diversi li għalihom hu responsabbli dan il-Ministeru.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intnefqu flus sena b'sena f'kotba bil-lingwa Spagnola għal-libreriji pubbliċi tul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-flus li ntefqu biex inxtraw kotba bil-lingwa Spanjola għal-libreriji pubbliċi tul dawm l-aħħar ħames snin huma:
1995 - Lm354
1996 - Lm332
1997 - Lm324
1998 - Lm236
1999 - Lm184
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra f'liema pożizzjoni jinsab il-proġett għal tiżbih tat-tempju ta' Ħaġar Qim?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet ta' titjib fil-preżentazzjoni ta' Ħaġar Qim li kienu pproġettati għal din is-sena, issa twettqu. Ix-xogħlijiet imwettqa jinkludu l-ħolqien ta' sistema ta' sigurta` ġdida għas-sit li ġiet disinjata biex tipproteġi s-sit mingħajr ma tagħti fil-għajn; It-tneħħija ta' għeluq qadim u msaddad li kien viċin wisq tat-tempju u kien qiegħed ikerraħ il-post; il-ħolqien ta' passaġġ ta' l-injam biex jippermetti l-viżitaturi biex jgħaddu minn ġot-tempju mingħajr periklu għalihom jew sogru ta' ħsara lit-tempju; il-ħolqien ta' sistema ta' ħbula biex tindika lill-pubbliku ż-żoni fejn m'għandhomx jirfsu; arranġament ġdid u aktar effiċjenti sabiex jinxtraw u jiġu kkontrollati l-biljetti tad-dħul.
Fil-preżent qegħdin isiru xogħlijiet finali ta' tindif.
In vista tad-domandi parlamentari li saru preċedentement, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar jekk kemm-il darba rriżultax li l-awtoritajiet kompetenti għamlux studju jew rapporti rigward l-ispejjeż involuti fir-restawr ta' Bieb is-Salvatur ġewwa l-Kalkara u jekk le jistax jintbagħat uffiċjal biex jara dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija 3776 li fiha kien spjegat illi ma sar ebda studju fuq is-suġġett. Sadanitant, ġejt mogħti l-parir illi 'Condition Survey' tal-fond ser ikun ikkummissjonat mingħand il-Ministeru ta' l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi xogħol ta' restawr minn xi diviżjoni fid-Dipartiment tal-Kultura fil-Knisja ta' Santa Tereża, Bormla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kultura mhux responsabbli għar-restawr ta' Knejjes.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif tħallset is-somma ta' kważi tmintax (18)-il elf lira lill-ex-Operations Manager tal-Pixxina Nazzjonali, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Minn liema fondi ħarġu dawn il-flus?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim li sar mal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-somma ta' Lm18,300 li tħallset lil ex-Operations Manager tal-Pixxina Nazzjonali, tkopri Lm15,000 kumpens stabbilit fil-kuntratt f'każ ta' terminazzjoni ta' impieg, Lm120 spejjeż tal-Qorti, Lm1,300 drittijiet ta' l-Avukat u Lm1,880 f'interessi.
Iċ-ċekk inħareġ mill-Bord Amministrattiv tan-National Pool Complex.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif mitlub, kopja tal-ftehim mas-Sur Żammit.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' sigħat ta' skola għal matul din is-sena skolastika? Jista' l-Ministru jindika t-tul tal-vaganzi tal-Milied u ta' l-Għid?
Minbarra il-vaganzi magħrufa bħala mid-term dan ix-xahar, meta hemm vaganzi simili matul din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Settembru sa Mejju hemm 27 1/2 siegħa skola fil-ġimgħa. Matul Ġunju u Lulju ikun hemm 18 3/4 siegħa ta' skola fil-ġimgħa.
Il-vaganzi tal-Milied huma mit-23 ta' Diċembru sas-6 ta' Jannar.
Il-vaganzi ta' l-Għid huma mid-19 ta' April sas-26 ta' April.
Hemm il-vaganzi tal-Karnival fis-6 u 7 ta' Marzu 2000.
Dwar sostituzzjoni ta' festi li jiġu s-Sibt u l-Ħadd isir ftehim ma' l-MUT. Il-ftehim għal din is-sena skolastika hu hekk:
7 ta' Jannar flok 25 ta' Diċembru
27 ta' April flok 1 ta' Jannar
28 ta' April flok 19 ta' Marzu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 10816 naturalment qabel ma' l-istess kumitat irriżenja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Racing Club 1999/2000 hu kompost hekk:
President: Paul Midolo
Segretarju: Kenneth Vella
TEżorier: Charles Farrugia
Membri: Charles Borġ, Dione Drago, Alfred Ciangura,
Francis Catania, Mario Meli, Raymond Mifsud,
Randolph Camilleri, Pio Saliba, Lucienne Cassar,
Joe Cordina u Raymond Clifton.
P.R.O.: Simone Żammit Endrich
Il-Membri tal-Kumitat kienu qed jirċievu Lm40 fix-xahar minflok Lm75, għalkemm dawk il-Membri li ħadmu fil-programmi tas-Sibt u l-Ħadd irċevew Lm75. Xi membri għażlu li ma jirċevux ir-remunerizzazzjoni.
Is-Sur Piju Saliba kien inkarigat li jikkoordina l-Kalendarju u x-xogħol kollu konness mat-tiġrijiet, għal ħlas extra ta' Lm80 fix-xahar.
Kopja ta' l-Istatut tal-Malta Racing Club ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal sabiex il-kumitat tal-Malta Racing Club jirriżenja en bloc? Jista' jagħti dettalji ta' x'kien il-każ? Jikkonferma rapporti li għandi li kien hemm indħil mis-segretarju parlamentari?
Response (GALEA, LOUIS)
L-ewwelnett nikkonferma li l-Onor. Membru għandu informazzjoni infondata dwar xi indħil mis-Segretarju Parlamentari. Nittama li issa li ġiet pubblikata stqarrija taċ-Chairman tal-MRC li jiċħad b'mod kategoriku l-allegazzjoni fl-aħħar parti tal-Misotqsija, din ma tibqax tiġi ripetuta. Dan qed jingħad bla preġudizzju għad-dmir ta' direzzjoni u kontroll da parti tal-Gvern kull meta jkun il-bżonn.
Informat li r-riżenja en bloc tal-kumitat tal-Malta Racing Club kienet marbuta ma' xi inċidenti li naqalgħu xi jiem ilu fejn il-membri ħassew li ma kienux qegħdin jingħataw protezzjoni biżżejjed biex il-ħidma tagħhom tkun effettiva.
Il-Kumitat tal-Malta Racing Club sadattant reġa' beda jiffunzjona minn nhar il-Ġimgħa 12 ta' Novembru 1999.
Jista' l-Ministru jinformani jekk kienx hemm xi żviluppi pożittivi dwar il-Bust ta' Dun Karm li ġie nieqes mill-Universita' f'Ottubru 1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fir-rigward tal-bust ta' Dun Karm, sar kuntratt mal-persuna li kienet ikreat il-bust biex din toħloq bust ġdid mill-forma eżistenti.
Għaldaqstant il-bust il-ġdid se jitqiegħed f'postu fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm studenti fil-livell sekondarju li qed jistudjaw ir-Russu bħala lingwa u dan għas-sena akkademika 1999/2000? Jista' l-Ministru jinforma wkoll lill-Kamra kemm hemm għalliema ta' dan is-suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għas-sena akkademika 1999-2000 hemm 9 studenti li qed jistudjaw ir-Russu bħala lingwa fil-Livell Sekondarju ta' l-Istat. Dawn huma mqassmin kif se nsemmi:
Maria Reġina GJL, B'Bajda hemm 7 studenti
Margaret Mortimer GJL, Sta Luċia hemm 2 studenti
Dawn l-istudenti qegħdin jiġu mgħallma minn għalliema waħda li tattendi fiż-żewġ skejjel.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm flus intnefqu f'kotba li ntbagħtu lil-librerija reġjonali li hemm ġewwa l-Auberge d'Anglettere fis-snin 1995, 1996, 1997, 1998 u 1999? Jista' ukoll jinforma jekk kemm-il darba l-istess hijiex se tibda tiġi miftuħa b'ħinijiet differenti u possibbilment s-Sibt filgħodu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammonti ta' flus li ntefqu f'kotba għal-Librerija Reġjonali tal-Birgu kienu hekk:
1995 - Lm1000
1996 - Lm1000
1997 - Lm1000
1998 - Lm 800
1999 - Lm 500
Bħalissa l-Librerija Reġjonali tal-Birgu qed tkun miftuħa għall-pubbliku f'dawn il-ħinijiet:
1 ta' Ottubru - 15 ta' Ġunju: mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 8.30 ta'
filgħodu sal-5.00 ta' filgħaxija
16 ta' Ġunju - 30 ta' Settembru: mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 8.30 ta'
filgħodu sas-1.15 ta' wara nofs-
in nhar.
Qed isiru wkoll tentattivi flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Birgu biex il-Librerija tibda tiftaħ ukoll nofs ta' nhar filgħodu kull nhar ta' Sibt.
Jista'l-Ministru jara għaliex ħarġet ordni biex tfal li jattendu skola primarja ġewwa Raħal Ġdid ma jattendux l-iskola bit-tracksuit kif kienu jagħmlu fi snin oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Amministrazzjoni ta' l-iskola Primarja B "Ġużeppi Agius" dehrilha li t-tfal għandhom jattendu l-iskola bit-Tracksuit fil-ġranet li jkollhom il-PE. Fil-ġranet l-oħra, it-tfal jattendu bl-uniformi ta' l-iskola, kif inhu xieraq.
Peress li d-dilettanti kollha tal-football fir-Rabat jixtiequ li l-club tagħhom ikollu titolu uffiċjali għall-faċilita' tal-ground tal-football ta' l-Imtarfa sabiex il-club Rabti jkun bħal bqija tal-clubs l-oħra li jgawdu din l-opportunita', jista'l-Ministru jara li jittieħdu l-miżuri meħtieġa?
Peress li din it-talba u xewqa tal-komunita' Rabtija ilha pendenti s-snin, jista'l-Ministru ġentilment jifhem l-importanza tagħha u jirrimedja bl-azzjonijiet meħtieġa mill-aktar fis possibbli qabel ma jkompli jkun tard wisq?
Jista' l-Ministru jikkunsidra li jwaqqaf kummissjoni bejn id-Dipartiment ta' l-Isport, id-Dipartiment ta' l-Artijiet u ta' l-Awtorita' tad-Djar sabiex tinqata' din il-problema li ilha pendenti sa minn meta Rabat bdew jużaw din il-faċilita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Klabb ta' Rabat Ajax ma għandux titlu tal-ground tal-football ta' l-Imtarfa għar-raġuni li għadu ma jistax jintlaħaq ftehim ma' l-Awtorita` ta' Djar fuq l-ammont tal-kirja ta' din il-Faċilita`. Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferi t-talba tiegħu għal aktar tagħrif lill-Ministri konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid x'kontrolli qed isiru biex jiġi żgurat li l-prezzijiet li qed jintalbu għal prodotti fit-tuckshops ta' l-iskejjel ta' l-Istat jkunu raġonevoli?
Saru xi spezzjonijiet minn uffiċjali tad-dipartiment biex jara li dan qed isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Sezzjoni tas-"Supplies" tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jitlob lid-Direttur tal-Kummerċ sabiex jagħmel spezzjonijiet rigward il-kontroll tal-prezzijiet ta' prodotti mibjugħa mit-"Tuck Shops" fi skejjel statali. Dawn l-ispezzjonijiet iridu jsiru ta' l-anqas tlett darbiet fis-sena.
Ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra ittra bid-data tat-13 ta' Ottubru 1999 (Anness A) li turi din it-talba għas-sena skolastika 1999/2000 u ittra bid-data tal-11 ta' Ottubru 1999 (Anness B) li turi l-aħħar rapport u r-riżultat maħruġ mid-Dipartiment tal-Kummerċ għas-sena skolastika 1998/1999.
Peress li l-ASM m'għandiex titolu uffiċjali għall-korsa, jista' l-Ministru jirrimedja bl-arranġamenti meħtieġa?
Peress li din it-talba ilha pendenti sa mill-1985, jista' l-Ministru jikkonsidra jwaqqaf kummissjoni sabiex din il-problema tiġi rimedjata u l-ASM tkun aktar soda ħalli tagħmel l-investiment meħtieġ sabiex jogħla l-livell ta' dan l-isport f'pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar qed topponi t-talba għal titlu legali a favur l-Assoċjazzjoni Sports Muturi (ASM) fuq l-art preżentement użata mill-istess Assoċjazzjoni għar-raġuni li l-applikazzjoni pendenti ma tissodisfax il-kriterji u l-kundizzjonijiet imposti mill-liġi.