Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ħlas u x'inhuma l-benefiċċji taċ-Chairman ta' l-MIA? Hemm xi klawsola fil-kuntratt tiegħu li jekk jispiċċa minn Chairman irid jingħata xi somma ta' flus? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, kemm hi din is-somma li trid titħallas?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għaċ-Chairman preżenti, li nħatar fis-27 ta` Ottubru 1998, ir-remunerazzjoni annwali li qed jirċievi hija ta` Lm4,000. Iċ-Chairman attwali huwa ntitolat għall-użu ta` karozza u mobile phone. Ma teżisti l-ebda klawzola fil-kuntratt taċ-Chairman preżenti li jingħata xi somma ta` flus jekk jispiċċa mill-kariga.
Jekk mill-banda l-oħra l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għaċ-Chairman preċedenti, nixtieq ninfurmaħ li dan, minbarra l-użu ta` mobile phone, kellu remunerazzjoni ta` Lm18,000. Barra minn hekk iċ-Chairman li temm il-kariga tiegħu fis-26 ta` Ottubru 1998, kellu klawzola fil-kuntratt tiegħu li tistipula li jingħata somma massima ta` Lm54,000 jekk jispiċċa qabel iż-żmien.
Issa li tħabbru t-tariffi ġodda tad-dawl u l-ilma u li permess tat-tariffi ġiet introdotta taxxa ġdida tal-frontage contribution għal kull min irid idaħħal is-servizz ta' l-ilma, jista' l-Ministru jgħid jekk it-taxxa hux se titħallas min kull min applika għas-servizz ta' l-ilma f'Novembru 1997 'l quddiem u jekk fl-affermattiv hux se tapplika anke għal dawk li diġa' ġew mogħtija s-servizz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ddaħħlet l-ebda taxxa fuq,jew kontribuzzjoni relatata mal-frontage.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intuża pitrolju sena b'sena mill-1990 'l hawn u kemm kien il-prezz lill-konsumatur sena b'sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għal dak li jirrigwarda l-bejgħ ta` pitrolju.
Il-prezz bejn l-1990 u l-10 ta` Jannar 1997 kien ta` 7c8 kull litru. L-amministrazzjoni laburista żiedet il-prezz għal 10c kull litru mill-
11 ta` Jannar 1997 sal- 5 ta` Novembru 1997. L-istess amministrazzjoni, b`seħħ mis-6 ta` Novembru 1997 reġgħet żiedet il-prezz tal-pitrolju għal 17c5 kull litru. Dan il-prezz ser jibqa` fis-seħħ sal-31 ta` Diċembru 1998; iżda kif imħabbar fl-Estimi għas-sena 1999, l-amministrazzjoni preżenti, b`seħħ mill-1 ta` Jannar 1999 raħħset il-prezz għal 12c5 kull litru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-persentaġġ ta' kubrit (sulphur) fiż-żejt li jintuża għall-Power Station tal-Marsa? X'inhu l-periklu ta' dan is-sulphur meta jinħaraq iż-żejt fuq in-nies li joqogħdu fl-inħawi tal-Marsa, Ħamrun, Raħal il-Ġdid, il-Belt u l-Furjana? Xi ħsara qed issir fuq il-proprjeta' f'dawn l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari tiegħi numru 1507, jista' l-Ministru jikkonferma li l-bordijiet tad-diretturi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u tal-Korporazzjoni Enemalta la ġew ikkonsultati u wisq inqas ġew mitlub japprovaw it-tariffi ġodda ta' l-ilma u ta' l-elettriku?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-amministrazzjoni preżenti riedet li t-tariffi ġodda għall-ħlas tad-dawl u ta`l-ilma jkunu soċjalment ġusti u li jitfgħu piż ragjonevoli fuq il-konsumaturi , il-Gvern ikkonsulta mhux biss mal-management tal-Korporazzjonijiet iżda ukoll mal-partijiet soċjali kollha biex b`hekk l-amministrazzjoni tkun tista` tevalwa d-diversi opinjonijiet qabel jittieħdu d-deciżjonijiet.
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja sħiħa tal-ftehim li sar mal-European Investment Bank meta biex jissellef għall-impjant tar-riċiklaġġ il-Gvern Nazzjonalista kien intrabat li jdaħħal taxxa fuq id-drenaġġ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa tal-ftehim li l-Gvern kien għamel ma` l-European Investment Bank.
Rigward il-wording tal-mistoqsija, nistieden lill-Onorevoli Interpellant jaqra paragrafu 6.09 tal-ftehim u jara li l-amministrazzjoni preżenti ħadmet b`mod għaqli u korrett meta nkorporat t-tariffi tad-drenaġġ fit-tariffa l-ġdieda ta` l-ilma u mhux kif għamel il-Gvern Laburista li kien impona taxxa ta` Lm24 fis-sena fuq kull dar.
Jista' l-Ministru jgħid liema kumpannija ġiet afdata lilha d-distribuzzjoni tad-Direttorju tat-Telephone mill-Maltacom plc?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-offerti li ħarġu għat-tqassim ta' dan id-direttorju?
Kemm huwa kkalkolat li jieħu żmien biex jitqassam id-direttorju l-ġdid?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif tħabbar uffiċċjalment it-tqassim tad-direttorju l-ġdid qed isir direttament mis-17 -il fergħa li l-Korporazzjoni għandha f`Malta u Għawdex.
Jiena nfurmat li ma ħarġet ebda sejħa għall-offerti għat-tqassim tad-direttorju li qed isir proprju bħalissa.
Kemm idum biex jitqassam id-direttorju, dan ma jiddependix mill-Korporazzjoni iżda mill-klijenti. Madankollu nżid ngħid li fl-aħħar ta` Diċembru ser isir eżerċizzju biex dawk l-anzjani u morda li m`għandhom lil ħadd biex jiġrilhom id-direttorju, jkunu jistgħu jirċievu l-kopja tagħhom id-dar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ laqa' d-Dipartiment tal-Konsumatur tul l-1998 s'issa? Kemm minnhom kienu ġustifikati u ngħataw raġun? X'passi ttieħdu kontra dawk li kisru l-liġi? Kemm kienu l-każi li ma kenux ġustifikati? Il-persuni li l-każ tagħhom ma ntlaqax ġew informati uffiċjalment mid-dipartiment?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul l-1998, s'issa d-Dipartiment tal-Konsumatur laqa' 669 każ. Minn dawn 314 kienu ġustifikati u ngħataw raġun.
Il-każi li ma kienux ġġustifikati kienu jammontaw għal 139. Dawk li l-każ tagħhom ma ntlaqax ġew infurmati uffiċjalment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz taż-żejt użat mill-Korporazzjoni Enemalta f'Novembru, 1997 qabel il-budget? Kemm kien il-prezz taż-żejt użat mill-Korporazzjoni Enemalta f'Novembru 1998? Kemm iffrankat il-Korporazzjoni bħala riżultat imprevidibbli tar-roħs fil-prezz taż-żejt?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għalhekk ir-risposta tingħata f'seduta wara li tali informazzjoni tkun għad-dispożizzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġi jiswa lill-Water Services Corporation kull metru kubu ta' ilma li tipprovdi lill-konsumatur?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Onor. Interpellant għandu jsib l-informazzjoni relattiva fid-dokumentazzjoni ppubblikata waqt il-konferenza stampa ta' nhar is-Sibt 21 ta' Novembru 1998 mogħtija mill-Prim Ministru dwar ir-roħs fir-rati tad-dawl u ta' l-ilma.
Jista' l-Ministru jispjega lil din il-Kamra x'tip ta' kordinazzjoni teżisti bejn il-korporazzjonijiet għas-servizzi pubbliċi (Water Services Corporation, Enemalta u l-Maltacom) u d-Dipartiment tat-Toroq biex ikun hemm sens fl-immaniġġjar tas-servizzi u t-toroq ta' pajjiżna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li jinżammu laqgħat ta' ko-ordinazzjoni bejn il-Korporazzjonijiet għas-servizzi pubbliċi u d-Dipartiment tat-Toroq sabiex ix-xogħol kemm jista jkun ikun ko-ordinat.
Impjanti tar-Reverse Osmosis — Livell ta' flouride
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed ikun il-livell ta' flouride fl-ilma li ħiereġ mill-impjanti tar-reverse osmosis? Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-livell ta' flouride fl-ilma li qed jixorbu n-nies mill-vit? Ġie diskuss xi ħsieb li jiġi miżjud flouride ma' l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.
Enemalta — Ħaddiema li weġgħu fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema weġgħu fuq il-post tax-xogħol meta kienu jaħdmu mal-Korporazzjoni Enemalta sena b'sena mill-1994 'il hawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
In-numru ta' ħaddiema li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol fil-Korporazzjoni Enemalta sena b'sena mill-1994 'il hawn kien kif ġej:-
1994 270
1995 276
1996 218
1997 180
1998 163 (sat-23 ta' Novembru 1998)
Ta' min jgħid li dawn il-figuri jinkludu inċidenti żgħar. Kull sena, fl-Enemalta, iseħħu madwar tlieta jew erba' każijiet li jkunu jeħtieġu kura fl-isptar.
Inżid ukoll li l-użu ta' ħwejjeġ u tagħmir protettiv u d-dħul ta' regoli ta' ħarsien, għenu sabiex ir-rata ta' inċidenti fil-korporazzjoni jonqos b'madwar
36 fil-mija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament hux impjegat ta' l-Malta Development Corporation? X'inhi l-pożizzjoni li jokkupa u x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu għax-xogħol li jagħmel?
Jista' jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet li għandu jekk l-impjieg hu wieħed b'kuntratt? Ħarġet sejħa pubblika għal dan l-impjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mhix impjegata tal-MDC.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament kienx impjegat għal xi żmien mal-Metco, x'pożizzjoni kien jokkupa u x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra kellu f'dan l-impjieg?
Jista' jgħid jekk saritx sejħa pubblika għal dan l-impjieg u kemm dam f'din il-kariga?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Peress li f'Awissu li għadda l-Gvern Laburista m'aċċettax li jogħlew dawn il-prodotti bl-użin bħal, per eżempju, perżut, bacon, mortadella u luncheonmeat iżda minkejja dan mhux il-ħwienet kollha niżlu l-prezzijiet, jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir min-naħa tal-Gvern biex jara li l-prezzijiet ta' dawn l-affarijiet jimxu skond dak li hu stabbilit?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li din il-materja qed tiġi mistħarrġa u l-amministrazzjoni tkun f'pożizzjoni aħjar biex twieġeb għal din il-mistoqsija meta jkun magħruf b'mod ċar x'kien għamel il-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien.