Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni – Ħaddiema Għawdxin
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu fid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru tagħha, x’inhu l-grad tagħhom u kemm ilhom jaħdmu Malta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-preżent hemm disa’ ħaddiema Għawdxin jaħdmu fid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, fil-gradi ta’ Health Assistant u Operative. Wieħed minn dawn il-ħaddiema ilu mill-1994, ieħor mill-2017, 6 ħaddiema ilhom mill-2024 u wieħed ilu mill-2025.
Ftuħ ta’ spralli taħt l-art fi proprjetà ta’ terzi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-awtoritajiet konċernati jistgħux jiftħu sprall li jagħti taħt l-art fi proprjetà ta’ terzi, anke jekk dan isir b’permess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kull student għandux trasport bla ħlas għal kull tip ta’ skola, kemm primarja kif ukoll sekondarja?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-trasport bla ħlas għall-iskejjel huwa regolat b’żewġ kuntratti separati: wieħed japplika għat-trasport ta’ studenti li jattendu skejjel tal-Istat, filwaqt li l-ieħor japplika għal studenti li jattendu skejjel mhux tal-Istat. Fiż-żewġ każijiet, l-istudenti jridu jattendu skola li tkun irreġistrata u liċenzjata mal-Ministeru.
Fir-rigward ta’ studenti li jattendu skejjel tal-Istat, dawn ikunu intitolati għat-trasport bla ħlas jekk ir-residenza tagħhom tinsab aktar minn kilometru ’l bogħod mixi mill-iskola li taqa’ taħt il-kulleġġ rispettiv taż-żona fejn joqogħdu. Minn naħa l-oħra, studenti li jattendu skejjel mhux tal-Istat ikunu eliġibbli għal dan is-servizz jekk joqogħdu aktar minn kilometru ’l bogħod mixi mill-iskola magħżula mill-ġenituri.
Għaldaqstant, jekk l-istudent ikun eliġibbli skont il-kriterji stabbiliti, huwa jkun intitolat għat-trasport bla ħlas kemm fil-livell primarju kif ukoll f’dak sekondarju.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu s’issa fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE numru 2023/2673 li temenda d-Direttiva 2011/83/UE fir-rigward tal-kuntratti ta’ servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod u li tħassar id-Direttiva 2002/65/KE?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentement qiegħed jiġi ffinalizzat ix-xogħol sabiex tiġi transposta fil-liġi Maltija id-Direttiva (UE) 2023/2673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/83/UE fir-rigward tal-kuntratti ta’ servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod u li tħassar id-Direttiva 2002/65/KE, billi:
(a) jitħassru Regolamenti dwar Distance Selling (Retail Financial Services) (leġiżlazzjoni sussidjarja 330.07) u jinħarġu Regolamenti ġodda taħt l-Att Dwar l-Awtorita’ Għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta; u wkoll
(b) jiġu emendati r-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (leġiżlazzjoni sussidjarja 378.17) taħt l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex jiġi transpost l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kumpaniji parastatali? Jista’ jgħid ukoll meta kien l-aħħar li ġew ippreżentati l-audited accounts ta’ kull kumpanija?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob l-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija u jikkjarifika xi jrid iffiser b’ “kumpaniji parastatali”.
Jista’ l-Ministru jispjega x’kriterji ntużaw biex ġew identifikati l-awtoritajiet kompetenti a tenur tal-artikolu 7 tal-Ordni dwar Miżuri għal Livell Għoli Komuni taċ-Ċibersigurtà madwar l-Unjoni Ewropea (Malta), Leġiżlazzjoni Sussidjarja 460.41, tenut kont tal-fatt li hemm setturi jew sub-setturi bħat-trasport fejn ma ġewx imsemmija awtoritajiet kompetenti speċifiċi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li c-CIPD (Critical Infrastructure Protection Directorate) ikkonsultaw mar-regolaturi rilevanti kollha dwar l-implimentazzjoni tal-qafas NIS2.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34126, jista’ l-Ministru jipprovdi break down tal-ispejjeż li ssemmew, kopji ta’ rċevuti, u jagħti rendikont jekk kienx hemm xi dħul finanzjarju minn dawn il-konferenzi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-ispiża tal-konferenza li saret fl-2025 kienet tinkonsisti: f’kiri ta’ sala f’Dar il-Mediterran; loġistika; apparat awdjoviż; kelliema internazzjonali u spejjeż oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-konferenzi tal-Allied Health professionals fl-2022 u 2023 kienx hemm call for abstracts? Jista’ jgħid ukoll jekk xi waħda minn dawn il-konferenzi kenitx meqjusa bħala ‘scientific conference’?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-konferenzi li saru fis-snin preċedenti 'Allied Health Conference: Together we Make a Difference' fl-2022 u 'Allied Health: Trending Digitally' fl-2023 kienu fundamentali biex jiddaħħal l-ispirtu ta' tiġdid professjonali. Dawn il-konferenzi kienu ffukati fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiċi u l-iżvilupp professjonali kontinwu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34126, jista’ l-Ministru jagħti break down tal-ispejjeż relatati mal-konferenza tal-Allied Health li saret fl-2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-ispiża tal-konferenza li saret fl-2024 kienet tinkonsist: f’kiri ta’ sala; loġistika; onorarja lill-kelliema; kif ukoll servizzi u spejjeż oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għall-konferenza tal-Allied Health fl-2023 u jagħti breakdown tal-ispejjeż? Jista’ jgħid ukoll kemm attendew delegati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li għall-konferenza li saret fl-2023 attendew għaliha 230 parteċipant. L-ispiża kienet ta’ €3,600.00 VAT eskluż. Din l-ispiża tinkonsisti: f’kiri ta’ sala; loġistika; u spejjeż oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34126, fejn intqal li “l-konferenza li saret fl-2025, attendew għaliha 600 parteċipant.”, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn is-600 delegat kenux delegati differenti fuq jumejn jew delegati li attendew iż-żewġ ġranet ġewx magħduda darbtejn (doppji)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li r-reġistrazzjoni kienet miftuħa b'tali mod li persuna setgħet tattendi għal ġurnata waħda biss jew għaż-żewġ sessjonijiet.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34128 fejn intqal li “fil-perjodu msemmi kien hemm żewġ riżenji ta’ Professional Leads tal-Allied Health.”, jista’ l-Ministru jelabora dwarhom? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm aktar riżenji ta’ Professional Leads tal-Allied Health u jekk iva, minn liema professjoni kienu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li, kien hemm total ta’ tliet riżenji ta’ Professional Leads fl-Allied Health, b’waħda minnhom isseħħ wara li weġibt PQ 34128. Dawn kienu mill-Clinical Perfusion, l-Occupational Therapy u r-Radjografija.
Persuna meta tirriżenja mhix obbligati li tati r-raġuni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna tistax tmur fid-Domestic Violence hub tal-Floriana minflok dak ta’ Santa Luċija jew l-Imtarfa, jekk ikun iktar konvenjenti għaliha, bla ebda xkiel?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi, il-Pulizija, permezz tal-GBDVU, tipprovdi servizz koordinat għall-vittmi ta’ vjolenza domestika minn tliet Domestic Violence Hubs f’Santa Luċija, fl-Imtarfa u r-Rabat Għawdex, fejn jingħata servizz minn Ufficjali tal-Pulizija speċjalizzati fuq tali rapporti, flimkien mat-tim ta’ Risk Assessors. Bħal dejjem il-Pulizija tibqa' disponibbli biex tassisti lil kull min jitlobha l-għajnuna, madankollu sabiex kull każ jiġi indirizzat bl-aktar mod effettiv u effiċjenti, meta persuna tmur id-Depot jew post ieħor tal-Pulizija, din tiġi ggwidata lejn wieħed minn dawn il-hubs. Jekk ikun hemm il-bżonn anke l-vittma tiġi provduta transport bla ħlas.