Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #11349 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Nawtika — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema neqsin f'kull suġġett f'kull kors ta' l-iskola nawtika? X'qed isir biex l-istudenti ma jibqgħux mingħajr dawn l-għalliema? Kemm hemm għalliema part-time u kemm hemm fulltime? Kemm hemm għalliema filgħodu u kemm hemm għall-korsijiet ta' filgħaxija? Hemm għalliema nieqsa f'korsijiet ta' filgħaxija? Liema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola Nawtika baqa' biss bżonn ta' għalliem għal żweġ lezzjonijiet tal-Liġi Marittima. Ġie identifikat bniedem biex jagħmel dawn iż-żewġ lezzjonijiet. Bħalissa hemm tlett għalliema full-time u għaxar għalliema part-time li sitta minnhom jgħallmu fil-korsijiet ta' filgħaxija. M'hemm ebda għalliem nieqes fil-korsijiet ta' filgħaxija.
Leg 9 PQ #11350 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Nawtika — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti f'kull kors ta' l-iskola nawtika? Xi stipendju qed jingħataw f'kull każ? Hemm xi studenti li mhux qed jingħataw stipendju? X'inhi r-raġuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-numru ta' studenti f'kull kors ta' l-iskola nawtika hu kif ġej: Deck Officer Phase I - 17-il student Phase II - 9 studenti Phase III - 14-il student Engineering Officer - 2 studenti Class 2 Certificate of Competency - 2 studenti TOTAL ta' 44 student fl-iskola. Informat ukoll li l-istudenti fil-korsijiet ta' Deck Officer (Phase I u III) u l-Engineering Officers, jirċievu għotja ta' manteniment ta' Lm40 fix-xahar, bejn 1 ta' Ottubru u t-30 ta' Ġunju, sakemm idum il-kors. Barra minn hekk jirċievu Lm100 darba fis-sena tul il-kors. Studenti fil-Phase II ma jirċevux għotja għax ikunu mpjegati fuq il-baħar. L-istudenti fil-kors Class 2 Certificate of Competency mhumiex intitolati għal għotja għaliex normalment dawn ikunu studenti li ġa qegħdin jaħdmu u jiġu mgħotija permess biex jattendu mill-post ta' l-impieg tagħhom. Fil-Kors ta' Deck Officers hemm tlett studenti fil-Phase I li mhumiex intitolati għal għotja għax qegħdin jirrepetu s-sena u hemm żewġ studenti barranin fil-Phase III li ukoll ma jiħdux għotja.
Leg 9 PQ #11595 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużew ta' l-Istorja Naturali — Restawr

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal ix-xogħol u l-ħidma ta' restawr li hemm bżonn isir ġewwa l-Palazz tal-Gran Mastri fl-Imdina fejn hemm il-Mużew ta'l-Istorja Naturali?

Response (GALEA, LOUIS)

In segwitu tat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 4025 u 4905, informat li tkomplew ix-xogħlijiet ta' restawr fuq in-naħa ta' wara tal-Palazz Vilhena. Din in-naħa ġiet imnaddfa kollha u mogħtija konkos u qatran biex jisgura li ma jkomplix joskula l-ilma u jżid il-ħsara li kienet qegħda ssir fuq is-swar. Informat ukoll li ingħata qatran fuq dawn is-swali tal-palazz Vilhena fejn il-qatran oriġinali kien tmermer biż-żmien. Bħalissa x-xogħol huwa wieqaf, biss sejjer jitkompla fis-sena finanzjarja l-ġdida, meta tiġi trattata l-faċċata prinċipali u l-bitħa majestuża ta' dan il-palazz.
Leg 9 PQ #11596 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Latin

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm studenti li qed jistudjaw il-Latin din is-sena akkademika 1999/2000? Kemm hemm preżentement għalliema ta' dan is-suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena akkademika 1999/2000 ma hemmx studenti li qed jistudjaw il-Latin. Konsegwentament m'hemmx preżentement għalliema jgħallmu dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #11341 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għawdex - Sixth Form

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex żagħżugħ Amerikan b'ġenituri Malti, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li kellu biżżejjed kwalifiki biex jibda jistudja l-Kors B.Sc (Business and Computing) fl-4 ta' Novembru, 1999 bla ma spjegawlu xejn ġie informat li ma ġiex aċċettat għall-kors? X'inhuma r-raġunijet, meta lil dan iż-żagħżugħ meta ġie għas-Sixth Form ingħata l-parir x'jistudja, fost affarijiet oħra li jiġi eżentat mill-Malti, għax twieled, trabba u ħa kważi l-edukazzjoni sekondarja kollha tiegħu fl-Istati Uniti? Peress li għandu l-Accounts u l-Economics fil-livell avvanzat, Systems of Knowledge, Ingliż, Pure Maths u IT fil-livell intermediate, xi kriterji tad-dħul m'għandux biex ikun jista' jidħol? Jista jiddaħħal probationary?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ż-żgħażugħ li qed jirreferi għalih l-Onor. Membru għandu ċittadinanza doppja u barra li hu Amerikan hu wkoll Malti. Bħala Malti hu suġġett għar-rekwiżiti bħall-Maltin l-oħra kollha. Ir-rekwiżiti għad-dħul f'kull kors Universitarju għall-korsijiet li bdew f'Ottubru 1999 jinkludu li l-applikant irid ikollu ċertifikat li għadda fl-Eżami biċ-Ċertifikat ta' l-Edukazzjoni Sekondarja bi Grad 5 jew aħjar fil-Malti. Dan ir-regolament kien ippublikat fil-gazzetta tal-Gvern ta' l-14 ta' Lulju 1998 meta l-Onor. Membru kien Ministru ta' l-Edukazzjoni. Jien infurmat li l-Universita` daħħlet dan ir-regolament fuq suġġeriment insistenti tal-Gvern ta' dak iż-żmien. L-awtoritajiet akkademiċi ta' l-Universita` sostnew li l-istudent li rrefera għalih l-Onor. Membru kellu żmien sodisfaċenti biex joqgħod għall-eżami tal-Malti, tant li hu kien qagħad għall-eżami f'Mejju ta' l-1996 u dak in-nhar kien ġab Grad 6. L-Universita` tħoss li fit-tlett snin ta' wara, l-istudent seta' itejjeb il-grad minn 6 għall-grad 5. Ġejt informat ukoll li student Malti, skond ir-regolamenti, jista' jkun eżenti mir-rekwiżiti li jkollu l-Malti jekk l-istudent "ikun jgħix jew studja barra minn Malta għal perjodu sinifikattiv fl-aħħar erba' snin". Dan l-istudent jirriżulta li ilu Malta għal aktar minn erba' snin. L-Onor. Membru jaf li student jiddaħħal bħala 'probationary student' fuq il-parir tal-Fakulta` konċernata. Il-Fakulta` ta' l-Ekonomija, Management u Accountancy, li magħha jsir il-kors li applika għalih dan l-istudent, ħadet id-deċiżjoni, indipendentement minn dan il-każ, li ma jiddaħħlux 'probationary students' fil-korsijiet li toffri l-Fakulta`. Dan il-każ partikolari ingħata konsiderazzjoni speċjali, iżda minħabba r-raġunijiet kif spjegat aktar 'l fuq il-Fakolta` iddeċidiet li ma kellhiex tbiddel is-sitwazzjoni imposta fuqha bir-regolamenti li semmejt.
Leg 9 PQ #11343 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali — Luca Cigogna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratt sar bejn l-orkestra nazzjonali u Luca Cigogna? X'kien se jkun is-sehem tiegħu? X'kunċert kien se jsir miegħu u li għalih anke tħejja l-programm biex jiġi stampat? X'kondizzjonijiet kienu qed jiġu nnegozjati ma' Luca Cicogna? Għaliex ma sar ebda kuntratt ma' Cicogna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li, wara konsiderazzjoni xierqa, l-Orkestra Nazzjonali ma għamlet ebda kuntratt ma' Luca Cicogna.
Leg 9 PQ #11344 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tfal bl-antism

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tfal bil-kondizzjoni ta' l-autism; (a) fl-iskejjel primarji tal-Knisja; (b) fi skejjel primarji ta' l-Istat; (c) fi skejjel sekondarji tal-Knisja; (d) fi skejjel sekondarji ta' l-Istat? Kemm minn dawn it-tfal autistic għandhom magħhom f'kull każ (a) facilitator kwalifikata fl-autism; (b) kindergarten assistant mhux imħarrġa fl-antisim; (c) supply kindergarten assistant mhux imħarreġ fl-antism?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #11354 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Part-time Clerks

Question

Billi ġo ċerti skejjel fejn hemm part-time clerks issa se jidħlu skrivani fulltime, jista' l-Ministru jgħid jekk il-part-timers humiex se jitneħħew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara li jsir l-eżerċizzju ta' l-ingaġġ ta' School Secretaries, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni teżamina ma' kull skola konċernata l-aħjar mod ta' kif ikunu mqassma u utilizzati l-part-timers fl-iskejjel Statali.
Leg 9 PQ #11392 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta Racing Club — Stqarrija

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija taċ-Chairman tal-MRC li hemm riferenza għaliha f'mistoqsija parlamentari numru 11153?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-iStqarrija taċ-Chairman tal-Malta Racing Club li għaliha hemm riferenza fir-Risposta għall-Mistoqsija Parlametari Numru 11153 (Seduta 180).
Leg 9 PQ #11417 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Servizz ta' facilitator

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tifel li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament tneħħielu l-facilitator? Jista' jgħid ukoll meta se jerġa' jingħata s-servizz ta' facilitator?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan it-tifel għadu ma ġiex assessjat mill-Istatementing Board.
Leg 9 PQ #11428 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UNESCO — St James Cavallier

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li, wara żjara li saret mill-uffiċjal tal-UNESCO fuq ix-xogħol li qiegħed isir f'St James Cavallier, tant ġie innotat li qiegħed isir xogħol b'mod insensittiv li l-UNESCO qiegħda tikkunsidra li tneħħi l-Belt Valletta mill-World Heritage Site?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ta' l-Ambjent.
Leg 9 PQ #11431 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bibljoteka Nazzjonali — Serq ta' mappa

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx xi żvilupp fl-investigazzjoni rigward l-allegat serq ta' mappa antika ta' Għawdex mill-Biljoteka Nazzjonali tal-Belt li rapport dwarha kien deher fil-ħarġa tal-31 ta' Marzu, 1998 fil-gazzetta lokali "The Times"?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara li l-pulizija għamlu l-investigazzjonijiet tagħhom it-tfittxija rriżultat fin-negattiv.
Leg 9 PQ #11446 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skolasport

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm infetħu ċentri f'diversi lokalitajiet minn assoċjazzjonijiet u clubs li għamel riferenza għalihom f'mistoqsija parlamentari numru 11211?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma tinżammx data dwar assoċjazzjonijiet jew clubs li fetħu jew beħsiebhom jiftħu Ċentri għal attivitajiet sportivi fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Konvint li l-Onor. Membru huwa konxju mill-isforzi li qegħdin isiru f'dan ir-rigward minn assoċjazzjonijiet, clubs, nurseries, u skejjel privati/tal-Knisja mferrxin mal-Gżejjer Maltin. Wieħed ma jridx jinsa wkoll is-sehem siewi tal-Kunsilli Lokali li jipprovdu jew jgħinu sabiex jissaħħu u jitkattru faċilitajiet sportivi fil-komunita`. Is-Segretarjat fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni japprezza ferm inizjattivi bħal dawn u jgħin sabiex dawn iċ-Ċentri jitkattru fil-kwantita` u fil-livell tal-faċilitajiet sportivi li joffru għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.
Leg 9 PQ #10282 Sitting 184 1999-11-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Rabat - Facilitator

Question

Peress li fl-iskola primarja A tar-Rabat, Malta jirriżulta li hemm familji li mhux jibgħatu lill-uliedhom l-iskola għaliex qed jistennew li jkun hemm il-facilitator sabiex jassisti lill-uliedhom waqt il-lezzjonijiet, jista' d-dipartiment jara li dan il-bzonn jiġi rimedjat? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qiegħdha fil-proċess li tirrekluta impjegati każwali biex tagħti dan is-servizz.
Leg 9 PQ #11211 Sitting 182 1999-11-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skolasport

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena fi Skolasport kienx hemm xi problemi li wasslu biex ikun hemm nuqqas ta' attendenza? X'kienu dawn il-problemi? Kemm applikaw tfal u mil-liema lokalita'? Kemm żdiedu u kemm naqsu f'ċerti dixxiplini sportivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma jidhirx li kien hemm xi problemi minn naħa ta' Skola Sport li wasslu biex ikun hemm nuqqas ta' attendenza. In-nuqqas li ġie reġistrat seta' kien aktar dovut għan-numru ta' Ċentri li qed jiftħu f'diversi lokalitajiet minn assoċjazzjonijiet u clubs diversi u allura jista' jagħti l-każ li ġenituri forsi jippreferu li jibgħatu t-tfal fil-lokalita` tagħhom. Informat li b'kollox sa issa applikaw 2060. Din iċ-ċifra hija waħda proviżorja minħabba li l-applikazzjonijiet għadhom qegħdin jintlaqgħu. Għaldaqstant, huwa previst li din titla' matul is-sena u toqrob in-numru li applikaw is-sena l-oħra. It-tfal li applikaw ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: Attard 83, Baħar iċ-Ċagħaq 4, Balzan 11, Bidnija 1, B'Kara 76, B'Bugia 76, Blata l-Bajda 1, Buġibba 30, Cospicua 14, Dingli 11, Fgura 86, Floriana 4, Għaxaq 20, G'Mangia 8, Għargħur 14, Gżira 14, Gudja 34, Ħamrun 20, Ibraġġ 9, Iklin 23, Kalkara 5, Kappara 11, Kirkop 2, Lija 10, Luqa 35, Madliena 6, Marsa 8, M'Scala 188, M'Xlokk 40, Mellieħa 13, Mġarr 9, Mosta 168, Mrieħel 2, Mtarfa 5, Mqabba 10, Msida 39, Naxxar 77, Paola 30, Pembroke 33, Pieta` 7, Qawra 9, Qrendi 20, Qormi 103, Rabat 23, Safi 3, San Ġwann 78, Santa Luċia 33, Santa Venera 46, Senglea 23, Siġġiewi 41, Sliema 22, St Andrews 4, St Julians 32, St Paul's Bay 16, Swieqi 28, Tarxien 28, Ta' Xbiex 11, Valletta 11, Vittoriosa 3, Xgħajra 2, Żabbar 113, Żebbuġ 48, Żejtun 96, Żurrieq 30. Ġie reġistrat nuqqas f'dawn id-dixxiplini: Atletika, Basketball, Football, Ġinnastika u Volleyball. Kien hemm imbagħad żieda f'dawn id-dixxiplini: Weightlifting, Badminton, Bowling u Għawm. Id-dixxiplini l-oħra kważi baqgħu l-istess.
Leg 9 PQ #11266 Sitting 182 1999-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 10150 dwar in-numru ta' studenti fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalkemm il-biċċa l-kbira tat-tagħrif mitlub issa daħal fl-uffiċċju konċernat, jonqos xi skejjel li għad iridu jibgħatu t-tagħrif mitlub.
Leg 9 PQ #11267 Sitting 182 1999-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 10151 dwar in-numru ta' għalliema fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalkemm il-biċċa l-kbira tat-tagħrif mitlub issa daħal fl-uffiċċju konċernat, jonqos xi skejjel li għad iridu jibgħatu t-tagħrif mitlub.
Leg 9 PQ #11079 Sitting 181 1999-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Matsec — Reviżjoni tal-karti ta' l-eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li talbu reviżjoni tal-karta ta'l-eżamijeit tal-Matsec: (a) livell avvanzat; (b) livell intermedju; (c) Systems of Knowledge (i) fis-sessjoni ta' Ġunju 1999; (ii) fis-sessjoni ta' Settembru 1999, suġġett b'suġġett u li kellhom reviżjoni tal-marka u għaddew?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #11080 Sitting 181 1999-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet tal-Matsec

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li daħlu tard f'korsijiet universitarji din is-sena akkademika wara li talbu reviżjoni fil-karti ta'l-eżamijiet tal-Matsec? F'liema korsijiet daħlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li daħlu tard f'korsijiet universitarji wara li talbu reviżjoni fil-karti ta' l-eżamijiet tal-Matsec huwa 6. Dawn kienu mqassmin kif ġej: 3 - B.Ed. (Hons.) 1 - B.Com 1 - B.Sc. (Bus & Comp) 1 - B.E. & A. (Hons.)
Leg 9 PQ #11082 Sitting 181 1999-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Żurrieq - Art

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra li l-ex-Ministru Michael Falzon kien bagħat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jinfurmah dwar għaliex il-gvern kien se jżomm l-art tal-familja Briffa fin-Nigret, fiż-Żurrieq, biex fuqha tinbena skola sekondarja tal-gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru jaf li l-Gvern qed jikkonsidra fatturi ġodda dwar l-għażla ta' sit fejn il-quddiem tista' tinbena skola ġdida għat-tfal li ġejjin minn diversi rħula tas-Sud. L-ittra mitluba mhix relevanti għall-pjan ta' bini ta' skola u ċentru sportiv reġjonali li qed jikkonsidra l-Gvern. Kopja ta' l-ittra mitluba fil-fatt hi pubblikata fil-ħarġa ta' Kunsill News (Numru 26) tal-31 ta' Ottubru 1999. Dik l-ittra tikkonferma li l-art konċernata kienet oriġinarjament esproprijata għal skola kindergarten/primarja fiż-Żurrieq. Din kienet il-proposta kunsidrata mid-Direttorat ta' l-Ippjanar. Dwar din il-proposta l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq fil-ħarġa ta' Kunsill News imsemmija żvela li l-Kunsill Lokali kien irnexxielu jipperswadi lill-Ministru ta' dak iż-żmien biex ma jibnix l-iskola kindergarten/primarja f'dan is-sit għaliex din "kienet ser toħloq problemi ta' skariġġ serju għall-ommijiet tat-tfal żgħar". Din l-ittra tikkonferma wkoll li kien aħjar li minflok tinbena skola ġdida sekondarja għas-subien ġejjin mill-irħula ta' Kirkop, Safi, Żurrieq, Qrendi, Mqabba, Gudja, Għaxaq u oħrajn. L-ispazju fil-kumpless ta' l-iskola taż-Żurrieq, illum użat għal skola sekondarja, kellu mbagħad jittieħed għal użu ta' skola kindergarten/primarja għaż-Żurrieq. Din l-ittra tikkonferma wkoll li d-deċiżjoni finali dwar is-sit fejn kellha tinbena din l-iskola sekondarja ġdida kienet għadha ma tteħditx u l-Ministeru kien għadu qed ikollu laqgħat informali ma' uffiċċjali tad-Direttorat ta' l-Ippjanar. Sadanittant l-art in kwestjoni baqgħet miżmuma għal aktar konsiderazzjoni. Din l-ittra tikkonferma li din l-art setgħet tiġi rilaxxjata jekk jiġi identifikat xi sit ieħor. Fi stqarrija pubblika li jiena ħriġt fil-15 ta' Ottubru 1999, kont spjegajt li l-ewwelnett għandu jiġi ċċarat li din m'hi xejn "skola taż-Żurrieq". Din hi maħsuba li tkun skola sekondarja tas-subien, għar-reġjun li jiġbor fih l-irħula taż-Żurrieq, Safi, Kirkop, Qrendi, Mqabba, Gudja, Għaxaq, Luqa, u xi rħula oħra skond il-bżonn. Il-fatti huma li wara l-elezzjoni tal-1998, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni mill-ewwel beda jaħdem biex iwettaq il-proġett ta' din l-iskola. Is-sit magħżul fiż-Żurrieq mhux is-sit ideali. Meta d-Direttorat ta' l-Ippjanar indika biċċa art tal-privat fit-tarf taż-Żurrieq, in-naħa tan-Nigret, kellu quddiemu proposta għal skola kinder/primarja, u mhux skola sekondarja reġjonali. Is-sit tan-Nigret qiegħed fuq ix-xifer tax-xaqliba opposta għaċ-ċentru tal-grupp ta' irħula msemmija. Il-Ministeru talab li jsir rapport li eżamina mill-ġdid siti diversi. Dan ir-rapport ma rrakkomandax is-sit tan-Nigret fiż-Żurrieq bħala l-aħjar sit. Minflok qed jiġi kkunsidrat sit qrib il-Karwija, li hu propjeta` tal-Gvern jew tal-Joint Office, li hu aċċessibbli b'ħafna aktar faċilita` mit-toroq eżistenti, u li hu fiċ-ċentru tal-grupp ta' rħula li għalihom se tinbena din l-iskola. Barra dawn ir-raġunijiet l-aktar validi, hemm raġuni oħra li l-Ministeru ried li jżomm f'moħħu. Il-Gvern hu impenjat ukoll li jibni tliet ċentri sportivi. Fuq il-bażi tar-rapport li sar dwar dawn it-tliet ċentri sportivi, il-Gvern laqa' r-rakkomandazzjoni li wieħed minnhom isir fil-viċinanzi tal-Karwija. X'sens kien jagħmel li filwaqt li l-Gvern ikun qed jibni ċentru sportiv fil-Karwija, fl-istess ħin jibni skola sekondarja reġjonali ġdida fin-Nigret iż-Żurrieq? Meta fl-1992 id-Direttorat ta' l-Ippjanar issuġġerixxa s-sit tan-Nigret għal skola kinder/primarja, deċiżjoni li ma tagħmilx sens għal min jaf l-inħawi (dan issa konfermat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq), id-Direttorat ma setax ikun jaf bid-deċiżjoni li ttieħdet issa dwar iċ-ċentru sportiv fil-Karwija. Allura meta hawn dawn il-fatti kollha, jagħmel tajjeb jew ħażin il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li jassigura li jibni skola sekondarja reġjonali u ċentru sportiv reġjonali qrib xulxin? X'jassigura l-użu massimu u effettiv tar-riżorsi, inkluż dawk finanzjarji? X'inhu ta' l-akbar ġid għat-tfal, u anke għall-adulti, ta' dawn l-inħawi?.