Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Zammit Clapp — Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu persuni Zammit Clapp Hospital, xahar b'xahar, din is-sena? Mil-liema belt jew raħal kienu dawk li daħlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Isptar Zammit Clapp ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi u għaldaqstant din il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministru konċernat.

Djar — Annimali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qiegħed isir biex residenti f'appartamenti ma jrabbux ċertu tip ta' annimali, bħal per eżempju, klieb kbar jew għadd ta' annimali, li joħolqu inkonvenjent serju u kultant ta' periklu wkoll għar-residenti l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li din ir-responsabilita' ma taqax fil-Ministeru tiegħi, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Djar — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħarġu applikazzjonijiet oħra għal djar għall-għarajjes mill-Awtorita' tad-Djar? F'liema lokalita' se jkunu dawn id-djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hu ttamat li l-Awtorita' tad-Djar toħroġ sejħa oħra fl-ewwel parti tas-sena d-dieħla u għalhekk il-lokalita' ikunu mħabbra fl-istess sejħa.

Sigurta' Soċjali — Benefiċċju tal-wens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa l-benefiċċju tal-wens meta xebba ddur kemm b'ommha kif ukoll b'missierha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-rata fil-ġimgħa tal-Pensjoni għal-Wens hi ta' Lm28.77. Din ir-rata ma tiddependix minn jekk ix-xebba tkunx qegħda tieħu ħsieb ta' ġenitur wieħed jew iż-żewġ ġenituri tagħha.

Sigurta' Soċjali — Ħames skeda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-kondizzjonijiet i) Muscular Dystrophy u ii) Icchthyosis jiġu nklużi fil-Ħames Skeda dwar mediċini b'xejn peress li huma mardiet kroniċi mhux komuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onor. Interpellant li kull tibdil fil-lista ta' mard u kundizzjonijiet li huma ndikati fil-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, issir wara li d-"Drugs and Therapeutics Committe" jagħti parir f'dan is-sens lid-Direttur Ġenerali responsabbli mid-Dipartiment tas-Saħħa li taħtu jaqa' l-kumitat imsemmi. Sussegwentament, id-Dipartiment tas-Saħħa, bl-approvazzjoni tal-Ministru konċernat flimkien mal-Ministru responsabbli mill-Finanzi, jirreferu l-emendi mitluba lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru konċernat.

Għajnsielem — Stabbilimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm stabbilimenti f'Għajnsielem li magħhom iħaddmu nies fix-xogħol ta' mastrudaxxa? F'liema indirizzi jinsabu dawn l-istabbilimenti skond ir-records tal-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ġewwa Għajnsielem hemm ħdax-il persuna li magħhom iħaddmu in-nies fix-xogħol ta' mastrudaxxa. Ma hijiex prattika tal-Korporazzjoni li taħroġ indirizzi ta' persuni individwali.

ETC — Orkestra Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba fl-aħħar sena l-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ intalbet biex tgħin jimtlew postijiet battala fl-Orkestra Nazzonali? Kemm-il permess ħarġet lill-barranin biex jimlew dawn il-postijiet? Kemm hemm barranin li għandhom permess jaħdmu ma' l-Orkestra Nazzjoali u meta ħarġu dawn il-permessi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

a) Bejn Settembru 1998 u Ottubru 1999 l-Orkestra Nazzjonali għamlet seba' (7) talbiet għall-impjegati. Dawn kienu jinkludu kemm mużiċisti u kemm ħaddiema amministrattivi. b) Permessi għall-ħaddiema barranin ma joħorġux mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ iżda mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-"Expatriates". c) Fil-preżent l-Orkestra Nazzjonali għandha permess biex tħaddem żewġt barranin. Permess wieħed ħareġ fl-1995 u l-ieħor fl-1997.

Children's allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex għadha ma ġietx ipproċesata ċ-children's allowance dovuta lill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li għandha minuri ta' sentejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex hemm dewmien fl-ipproċessar għall-għajnuna fis-sigurta' soċjali tal-persuni li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn Ħal Tarxien, meta sa ftit ilu qabel ma mietu l-ġenituri tagħha din kienet tieħu ħsiebhom "fulltime" fid-dar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Pensjoni ta' l-Invalidita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu persuni b'pensjoni ta' l-invalidita' għall-ewwel darba, sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni li talab l-Onor. Interpellant tinsab fit-tabella kif ġej: Tabella A - Pensjonijiet ta' l-Invalidita' ġodda SENA NUMRU TA' PENSJONANTI 1994 425 1995 678 1996 770 1997 637 1998 964

Għajnuna għall-Mard

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw għajnuna għall-mard għall-ewwel darba persuni, sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-każ ta' benefiċċji mhux kontributorji, id-dritt għall-benefiċċju jiddependi fost affarijiet oħra mit-test tal-mezzi. Għalhekk numru ta' benefiċċjarji minn żmien għal żmien jistgħu jitilfu dan id-dritt u mbagħad jerġgħu jikwalifikaw xi żmien wara. Fiċ-ċirkostanzi ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika ta' kemm benefiċċjarji għall-Għajnuna għall-Mard tħallsu għall-ewwel darba.

Impjiegi — Gainfully occupied

Question

Jista' l-Viċi Prim MInistru jgħid kemm hawn nies li huma reġistrati bħala gainfully occupied bħalissa? Kemm minn dawn għandhom 'il fuq minn 60 sena? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur pubbliku? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur privat? Minn dawn ta' l-aħħar, kemm hemm li huma self-employed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Tenders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il tender ta' valur akbar minn Lm10,000 ġew approvati mill-ministeru matul il-perjodu bejn Jannar u Settembru 1999? Kemm kien il-valur ta' kull tender u lil min ġie awarded?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dwar "Tenders" ta' valur aktar minn Lm10,000 li ngħataw mid-Dipartimenti u Organiżżazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali bejn Jannar u Settembru, 1999.

Fabbriki

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9948, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jirrispondi l-kumplament tad-domanda li għadha ma ġietx risposta, ċioe': (a) kemm ntilfu mpjiegi minn dawk il-fabbriki li għalqu; u (b) kemm inħolqu mpjiegi minn dawk il-fabbriku li nfetħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Anzjani — Każ ta' anzjana

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tiddaħħal fl-Isptar San Vincenz de Paule peress li apparti x-xjuħija tagħha u l-mard li tbati bih, m'għandhiex min jieħu ħsiebha u s-sitwazzjoni li qed tgħix fiha hija waħda degradanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament kienet ġiet ikkuntattjata fid-19 ta' Diċembru, 1998 sabiex tidħol f'San Vinċenz, iżda din irrifjutat li tagħmel dan. Meta reġgħet ġiet ikkuntattjata dan l-aħħar, infurmatna illi din kienet interessata li tidħol ġewwa San Vinċenz. Għalhekk, it-talba tagħha ser terġa tiġi kkunsidrata b'urġenza quddiem l-Admissions Board ta' San Vinċenz.

Djar — Xiri ta' djar mill-inkwilini

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jintervjeni biex jinbidel il-format ta' kif issir il-valutazzjoni għax-xiri ta' l-appartamenti tal-gvern mill-inkwilini fl-oqsma residenzjali ta' Sant'Andrija, San Ġorġ u San Patrizju f'Pembroke peress li wara li diversi inkwilini wrew interess u applikaw biex jixtru darhom u wara li saret il-valutazzjoni mill-Awtorita' tad-Djar dawn ġew infurmati li l-valutazzjoni ta' darhom tiswa eluf kbar ta' liri liema ammont dawn l-inkwilini, li ħafna minnhom huma ħaddiema bil-paga, ma jifilħux? Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-valutazzjoni terġa' ssir mill-ġdid u b'mod aktar raġjonevoli li verament iħajjar lill-inkwillini jsiru sidien ta' darhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kriterji użati għall-valutazzjoni tar-residenzi fil-lokalitajiet imsemmija huma l-istess bħal dawk applikati għall-lokalitajiet l-oħra ta' Malta u Għawdex.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm fil-preżent tammonta l-pensjoni mhux kontributorja għal ħaddiem normali li jkun spiċċa mix-xogħol wara li jkun għalaq is-sittin sena? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm hija l-pensjoni mhux kontributorja għal ħaddiem b'diżabilita' li kien jaħdem taħt it-titlu ta' persuna b'diżabilita' u li jkun spiċċa mix-xogħol wara li jkun għalaq is-sittin sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-rata fil-ġimgħa tal-Pensjoni mhux Kontributorja magħrufa bħala Pensjoni ta' l-Eta', fil-preżent tammonta għal Lm28.77 fil-każ ta' persuna waħedha u Lm37.90 fil-każ ta' koppja. Ir-rata fil-ġimgħa tal-Pensjoni mhux Kontributorja magħrufa bħala Pensjoni għal Diżabilita', fil-preżent hija ta' Lm26.65 fil-każ ta' persuna waħedha u ta' Lm35.79 fil-każ ta' koppja. Maż-żewġ tipi ta' Pensjonijiet jitħallas ukoll il-Bonus Addizjonali ta' Lm1.34 fil-ġimgħa, barra l-Bonus li jitħallas f'Ġunju u f'Diċembru. Iż-żewġ Pensjonijiet huma suġġetti għat-test tal-mezzi, iżda fil-każ tal-Pensjoni għal Diżabilita' ma jsirx it-test tal-kapital, u għalhekk għalkemm ir-rata hija ftit anqas, id-dħul fil-ġimgħa flimkien ma' din il-pensjoni, jista' jilħaq sa' massimu tal-Paga Minima Nazzjonali li bħalissa hija ta' Lm47.38. Fil-każ ta' ħaddiem b'Diżabilita' li jkun ħadem, dan x'aktarx li jikkwalifika għall-Pensjoni taħt l-iskema kontributorja ma' l-eta' ta' 61 sena f'każ ta' raġel u 60 sena f'każ ta' mara. B'dankollu, jekk jirtira ma' l-eta ta' 60 sena, ġaladarba dan ikun ħaddiem, jekk jissodisfa t-test tal-mezzi ta' dik l-eta' jista' jieħu l-pensjoni ta' l-eta'.