Legislature:
Category:
Reset

Critical Infrastructure Protection Department – Riżorsi umani

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33723 u jgħid x’riżorsi umani għandu attwalment il-Critical Infrastructure Protection Department u x’inhu r-rwol ta’ kull wieħed mill-uffiċjali fi ħdanu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni ser tkun provduta f'seduta oħra.

PA/00231/26 Location of development: Infill Vacant Plot, Access off, Triq il-Biccerija, Xewkija Description of works: To construct a store Class 6A for agricultural produce

Question

Jista’ l-Ministeru jispjega fid-dettall fiex tikkonsisti l-applikazzjoni ‘PA/00231/26 Location of development: Infill Vacant Plot, Access off, Triq il-Biccerija, Xewkija Description of works: To construct a store Class 6A for agricultural produce’? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux diġà jew jekk fil-preżent humiex qed isiru xogħlijiet infrastrutturali u xogħol ieħor fis-sit indikat minn din l-applikazzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni msemmija hija biex issosstni l-ħidma li ser ikun hemm fl-operat tal-Pitkalija ta’ Għawdex. Bħalissa waslu fil-fażi finali x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-binja eżistenti biex tgħin f’dan ir-rigward.

Bdiewa li se jirtiraw - Art agrikola - Żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk infetħitx is-sejħa biex żgħażagħ ikunu jistgħu jieħdu art agrikola minn bdiewa li se jirtiraw?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li biex ikun possibbli li tingħata art agrikola lill-bdiewa żgħażagħ, kien hemm bżonn li l-ewwel tinħareġ sejħa għal sidien ta’ art agrikola. Dan sabiex dawk is-sidien ikunu jistgħu joffru l-art tagħhom lill-Aġenzija, li mbagħad taġixxi bħala intermedjarja bejn is-sidien u l-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fis-settur jew jespandu l-attività tagħhom. Għalhekk, l-Aġenzija RAM ħarġet sejħa għal sidien interessati biex joffru l-art agrikola tagħhom ħalli tintuża għall-iskop agrikolu tagħha. Ġew sottomessi diversi applikazzjonijiet, u bħalissa l-Aġenzija qed tevalwa u tivverifika l-kwalità u l-potenzjal tal-artijiet offruti. Ladarba dan il-proċess jiġi konkluż, imbagħad tinħareġ sejħa oħra indirizzata lill-bdiewa żgħażagħ sabiex dawn ikunu jistgħu japplikaw u jingħataw l-art agrikola disponibbli.

Studju nazzjonali dwar il-benesseri taż-żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bediex l-istudju nazzjonali dwar il-benesseri taż-żgħażagħ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-Aġenzija Żgħażagħ għaddejja bir-riċerka nazzjonali dwar il-benesseri taż-żgħażagħ skont l-iskeda stabbilita.

Life Hack Programme - Korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’korsijiet ser ikunu offruti mill-Life Hack Programme?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-Aġenzija Żgħażagħ toffri; 1.     Moneywise: litteriżmu finanzjarju, drawwiet ta ’flus responsabbli, ibbaġitjar, tfaddil, għarfien dwar id-dejn, u teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji. 2.     Imħuħ konnessi: Benesseri emozzjonali, bilanċ diġitali, empatija, reżiljenza, ġestjoni tal-istress, intelliġenza emozzjonali, strateġiji kontra l-bullying, u relazzjonijiet onlajn/offlajn b ’saħħithom. 3.     Ħu Azzjoni permezz tar-ritratti: fehim tal-midja viżiva, il-fotografija bħala għodda għall-avukatura, l-interpretazzjoni ta ’messaġġi viżivi, is-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet, u l-espressjoni kreattiva tiegħek innifsek. 4.     Spark Kreattiv: Għodod ta ’ħsieb kreattiv, soluzzjoni tal-problemi, ħsieb tad-disinn, prototipar, ħiliet analitiċi, inklinazzjonijiet intraprenditorjali, u approċċi innovattivi għall-isfidi tal-ħajja reali. Dawn l-erba’ programmi kollettivament jiffurmaw l-offerta ta’ LifeHack għall-istudenti tal-Year 7 u Year 8.

Valletta Management Plan

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-Valletta Management Plan, u jgħid eżattament x’inhu l-mandat mogħti f’dan ir-rigward? Jista’ jgħid ukoll: i.    min ta dan il-mandat; ii.   liema emails jew komunikazzjonijiet uffiċjali ġew riċevuti dwar dan is-suġġett u meta ġew riċevuti; u iii.  għaliex saret sejħa (call) mal-istewards sabiex tittieħed deċiżjoni jew biex wieħed jifforma opinjoni dwar dan is-suġġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Valletta Management Plan huwa rekwiżit mill-World Heritage Centre (WHC) sabiex l-Istati Membri jissalvagwardjaw l-Outstanding Universal Value, f’dan il-każ: il-Belt Valletta. Malta ssottomettiet dan il-Management Plan lill-WHC fl-2023, b’aġġornament fl-2024, u ġie milqugħ tajjeb mill-Assemblea Ġenerali tal-WHC f’Lulju 2025. Il-komunikazzjonijiet bejn l-Istat Malti u l-World Heritage Centre inżammu permezz ta’ protokolli diplomatiċi ferm stabbiliti. F’dawn l-aħħar għaxar snin, Malta dejjem wieġbet fil-ħin u żammet lill-WHC dejjem infurmat u aġġornat dwar kwalunkwe materja li tirrigwarda l-Wirt Dinji f’Malta. Il-komunikazzjonijiet uffiċjali bejn Malta u l-WHC jinsabu għall-aċċess pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-UNESCO. Is-sejħa għall-istewards saret sabiex jissaħħaħ l-operat tal-Valletta Management Plan u tidħol sistema ta’ xift biex is-sorveljanza ssir fuq numru akbar ta’ sigħat

Valletta Management Plan - Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-impjegati kollha li jaqgħu taħt il-Valletta Management Plan? Jista’ wkoll: i.    jindika min huma; ii.   kemm hemm minnhom impjegati taħt xi skema jew permezz ta’ xi aġenzija; iii.  għal kull wieħed minnhom jindika x’inhi l-pożizzjoni jew l-irwol tagħhom; u iv.  x’inhu x-xogħol li huma responsabbli minnu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi: i. Bħalissa hemm 29 persuna li jaħdmu b’rabta mal-Valletta Management Plan, li minnhom 20 huma stewards u l-bqija huma uffiċjali; ii. L-ebda waħda minn dawn il-persuni mhija impjegata taħt xi skema jew permezz ta’ xi aġenzija; iii. Dawn il-persuni kollha jwettqu funzjonijiet ta’ stewarding u infurzar relatati mal-Valletta Management Plan; iv. Ix-xogħol tagħhom jikkonsisti fil-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet fil-Belt Valletta sabiex jiġi żgurat li jiġu osservati r-regolamenti applikabbli, inkluż minn kuntratturi, ħwienet u membri tal-pubbliku, b’mod li jiġi mħares il-valur tal-Belt Valletta bħala patrimonju dinji.

Rapport ta’ inkjesta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-inkjesta relatata mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor.Interpellant biex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

L-Isptar Mater Dei – OECI accreditation – Quality standards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34131, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdiliet dwar il-quality standards relatati mal-akkreditazzjoni mal-Organisation of European Cancer Institutes (OECI) fis-settur tal-onkoloġija? Jista’ jgħid ukoll jekk l-istaff ingħatax training relatat mal-OECI?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li f’Jannar 2026 beda proġett pilota fejn hemm core group li qiegħed imexxi study groups għas-sebgħa kapitli tal-assesjar imfassla għal dan il-proċess ta’ ċertifikazzjoni li huma Governanza, Kura, Riċerka, Integrazzjoni tar-Riċerka mal-Kura, Innovazzjoni, Prevenzjoni u Edukazzjoni u Taħriġ.

Allied Health Assistants – TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ċittadini minn pajjiżi terzi (TCNs) li ġew ingaġġati bħala Allied Assistants mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fis-snin li ġejjin ġew inganġati dawn it-TCNs bħala Allied Assistants kien kif ġej: 2024 – 3; 2025 – 5; u 2026 (sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija – 2.

Physiotherapists u Occupational Therapists – Uniformijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34125 dwar l-uniformijiet il-ġodda li ngħataw lill-Physiotherapists u lill-Occupational Therapists (OTs) is-sena l-oħra, fejn ġie mwieġeb li l-uniformijiet  “għalihom ikunu mibdula u skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi neċessarji.”, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi time frame ppjanat għal dan?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat ikkonċernat jinsab f'kuntatt mal-fornitur biex jiżgura li l-uniformijiet jiġu mibdula skont l-ispeċifikazzjonijiet mitluba, u t-target huwa li dawn jitqassmu sa tmiem it-tieni kwart ta’ din is-sena.

Allied Health – Konferenza – Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34126, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma ntużatx il-konferenza tal-Primary Health mtella’ fit-3 ta’ Ottubru biex jinkisbu l-ħiliet imsemmija fl-istess tweġiba?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-konferenza kienet iffokata fuq il-professjonijiet miġbura f’dan id-Direttorat.

EAP - Ħaddiema mis-settur pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm mill-ħaddiema tas-settur pubbliku li rrikorrew għall-Employee Assistance Programme (EAP) fl-2025 kienu nisa, irġiel jew ta’ ġeneru ieħor?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor.Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 35130.

Dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri

Question

B’referenza għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hux se jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri?

Response (ABELA, ROBERT)

Id-dikjarazzjonijiet tal-assi ta’kull membru parlamentari jiġu sottomessi kull sena u l-pubbliku u l-media jistgħu jaċċessaw dawn id-dikjarazzjonijiet wara li jagħmlu talba lill-Uffiċċju tal-Ispeaker. Il-Gvern preżenta riforma sabiex (i) jikkonsolida u jsaħħaħ l-obbligu ta’ kull deputat parlamentari li jiddikjara l-assi tiegħu, u (ii) jingħata aċċess aħjar għal dawn id-dikjarazzjonijiet lill-pubbliku, fost oħrajn. Din hija parti minn riforma usà li tintroduċi wkoll reġistru tal-interessi ġdid u Kodiċi tal-Etika tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati aġġornat li wkoll għandhom l-għan li jsaħħu t-trasparenza, il-kontabbiltà u l-integrità tal-membri parlamentari kollha.

Segretarji permanenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hawn segretarji permanenti bħalissa?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill Onor. Interpellanta għas-sit elettroniku: https://publicservice.gov.mt/en/personnel-page fejn kopja ta’ dan it-tagħrif qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.