Jista' l-Ministru jgħid x'wassal lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li toħroġ sejħa għall-kwotazzjonijiet għall-provvista ta' żraben tas-sigurta' għaċ-Ċentru Malti għar-Restawr fil-Gazzetta tal-Gvern tal-15 ta' Ottubru 1999, filwaqt li jgħid kemm hu antiċipat li tkun in-nefqa għax-xiri ta' dawn iż-żraben u kemm sejrin jinxtraw u mil-liema cost centre u vot sejrin jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Inforamt li seta' kien hemm żball amministrattiv fis-sejħa għall-kwotazzjonijiet għall-provvista ta' żraben tas-sigurta` fil-Gazzetta tal-Gvern tal-15 ta' Ottubru 1999 peress li l-avviż kelu jinħareġ f'isem id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li bħalissa hi risponsabbli għall-ħaddiema li jaħdmu fis-sezzjoni tar-Restawr Ġlormu Cassar (GCRS) u li għalihom teżisti l-ħtieġa għal dawn iż-żraben. L-iżball seta' sar minħabba l-fatt li ħafna minn dawn il-ħaddiema bħalissa qiegħdin jagħmlu xogħol ta' restawr fil-kumpless ta' Bighi fejn twaqqaf ukoll iċ-Ċentru Malti għar-Restawr.
Iż-żraben ta' dawn il-ħaddiema (li jlaħħqu aktar minn ħamsin u li l-maġġoranza tagħhom jaħdmu fix-xogħol tal-ġebel u kostruzzjoni,) ilhom ma jinbidlu madwar sentejn u ħafna mill-ħaddiema għandhom żraben imqattgħin. Informat li għalhekk ġew ornati mitt (100) par żarbun (Kategorija S3) li se jiswew globalment disgħa mija u għoxrin lira Maltin (Lm920). Il-fondi sejrin jitħallsu mill-Cost Centre Numru 001 (Administration), Vot 21 tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. B'hekk mistenni li l-ħaddiema bi żraben tas-sigurta` mqatta' jistgħu jingħataw żarbun ġdid u tinżamm riserva ta' medja ta' żarbun ġdid għal kull ħaddiem fis-sezzjoni li jista' jinħareġ lill-ħaddiem meta l-ġdid jitherra u sakemm issir l-ordni sussegwenti.
Jista' l-Ministru jagħti lista bl-isem, il-kunjom, l-indirizz u kopji tal-curriculum vitae ta' l-applikanti li applikaw għall-post ta' perit/perit junior fid-Dipartiment tal-Mużewijiet kif ukoll jgħid minn min sejjer ikun kompost il-bord ta'l-għażla, filwaqt li jagħti d-dati li fihom sejrin isiru s-sejħiet għal dan il-post?
B'rifereza għall-istess dipartiment, jista' l-Ministru jagħti struttura organizzattiva li fiha sejjer jaħdem l-istess perit/perit junior, kif ukoll jgħid liema postijiet f'din l-istruttura huma diġa' mimlija u għal-liema postijiet id-dipartiment jonqsu joħroġ is-sejħiet għall-applikazzjoni biex jintlaħaq il-full-complement?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċess ta' l-għażla għall-post ta' Perit/Perit Junior fid-Dipartiment tal-Mużewijiet għaddej mill-proċeduri normali tal-Public Sservice Commission. Għaldaqstant, l-informazzjoni dwar il-kandidati, preżentement hija materja li taqa' taħt ir-responsabilta` tal-Public Service Commission.
Informat ukoll li l-Perit ser jaħdem fi strutturi eżistenti li huma ippublikati fl-Estimi għas-sena 2000. Dan il-kompliment jinkludi uffiċċjal tekniku fi grad għoli.
Fl-aħħarnett informat ukoll li qabel ma jinħolqu postijiet ġodda, ser jiġu ffinalizzati strutturi operattivi ġodda li bħalissa qed ikunu konsidrati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il student/a ġew irrifjutati li jbiddlu l-options tagħhom peress li xtaqu jieħdu xi A level wara li kienu għażlu li jieħdu O levels, fil-Higher Secondary School?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-talbiet kollha biex isir bdil fl-għażla ta' suġġetti ġew milqugħin sa tlett ġimgħat wara li fetħet l-iskola. Wara dan iż-żmien talbiet simili ma ġewx aċċettati u għaldaqstant l-iskola m'għandiex rendikont ta' kemm kien hemm studenti li xtaqu jibdlu.
Informat ukoll li r-raġunijiet għal din il-policy ġew spjegati mill-awtoritajiet ta' l-iskola waqt iż-żewġ laqgħat ta' informazzjoni li kienu saru għall-istudenti u l-ġenituri f'Awissu ta' din is-sena. It-tibdil fl-għażla ta' suġġett jikkaġuna diffikultajiet fit-Time Table u fl-ammont ta' għalliema li l-iskola jkollha bżonn. L-awtoritajiet ta' l-iskola sostnew li tlett ġimgħat huwa żmien xieraq biex l-istudenti jieħdu deċiżjoni finali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li għandhom esperjenza ta' snin bħala segretarji, iżda m'għandhomx A levels, humiex se jiġu kkonsidrati għal school secretary fil-Higher Secondary School?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-Sejħa għall-Applikazzjonijiet li ġiet ippublikata fit-12 ta' Ottubru 1999 u li għalqet fid-29 ta' Ottubru 1999, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni laqgħet applikazzjonijiet mingħand applikanti li kellhom ħames suġġetti fis-Secondary Education Certificate (jew ekwivalenti) li tnejn minnhom intalbu fil-livell Advance Matriculation jew kellhom il-Full Certificate in Secretarial Studies ta' l-iskola Sir Hannibal Scicluna Secretarial School. Għaldaqstant se jkunu kkunsidrati dawk l-applikanti li għandhom il-kwalifiki kif mitluba fis-sejħa għal applikazzjonijiet kif pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-impjegati kollha fi ħdan iċ-Ċentru ta' Malta għar-Restawr billi jelenka l-isem, il-kunjom, l-indirizz, is-salarji u l-benefiċċji oħra li dawn igawdu filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-curriculum vitae ta' kull individwu li jissemma?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta ħlief għal ċertu dettalji personali.
Informat li bħalissa, il-lista ta' l-istaff tekniku u akkademiku flimkien ma' ritratti u resume' qasira tas-C.V. qiegħda titħejja biex matul ix-xhur li ġejjin din tiġi ppubblikata fil-Prospectus taċ-Ċentru li ser ikun ukoll fuq l-Internet.
B'riferenza għal avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 15 ta' Ottubru, 1999, jista' l-Ministru jgħid x'inhu antiċipat li jkunu s-salarju u benefiċċji oħra li sejjer igawdi minnhom id-direttur li sejjer jintgħażel għaċ-Ċentru ta' Malta għar-Restawr kif ukoll jgħid minn min sejjer ikun kompost il-bord ta' l-għażla għal din is-sejħa għall-applikazzjoni filwaqt li jagħti lista ta' dawk li applikaw għal dan il-post bl-isem, il-kunjom, il-kwalifiki u l-indirizz tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hu mistenni li s-salarju u l-benefiċċji ta' Direttur li sejjer jintgħażel biex jaħdem fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr ikun bejn Lm8,000 u Lm9,500 skond il-kwalifiċi u l-esperjenza tal-kandidat magħżul.
Il-Bord ta' l-Għażla għal din is-sejħa hu kompost miċ-Chairman taċ-Ċentru Malti tar-Restawr, Dr J. Cannataci flimkien ma' żewġ membri oħra tal-Board of Governors, Dr Alex Torpiano u Mr Robert Cassar waqt li s-Sur Louis Borg sejjer ikun is-Segretarju tal-Bord ta' l-Għażla.
Ġejt mogħti l-parir biex f'dan l-istadju ma jiġux ppublikati d-dettalji ta' dawk li applikaw għal dan il-post qabel jiġi finalizzat il-proċess ta' l-għażla, u dana speċjalment meta wieħed jikkunsidra li ħafna minnhom jista' jkun li ma jridux juru lil min qiegħed jimpjegahom bħalissa li qiegħdin ifittxu xogħol ieħor.
Ċentru ta' Malta għar-Restawr — Assistent Amministrattiv
Question
B'riferenza għal avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 15 ta' Ottubru, 1999, jista' l-Ministru jgħid x'inhu antiċipat li jkunu s-salarju u l-benefiċċji l-oħra li sejjer igawdi minnhom l-Assistent Amministrattiv li sejjer jintgħażel biex jaħdem fiċ-Ċentru ta' Malta għar-Restawr, kif ukoll jgħid minn min sejjer ikun kompost il-Bord ta' l-Għażla għal din is-sejħa għall-applikazzjoni filwaqt li jagħti lista ta' dawk li applikaw għal dan il-post bl-isem, il-kunjom, il-kwalifiki u l-indirizz tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hu mistenni li s-salarju u l-benefiċċji ta' l-Assistent Amministrattiv li sejjer jintgħażel biex jaħdem fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr ikun bejn Lm3,600 u Lm5,800 skond il-kwalifiċi u l-esperjenza tal-kandidat magħżul.
Il-Bord ta' l-Għażla għal din is-sejħa hu kompost miċ-Chairman taċ-Ċentru Malti tar-Restawr, Dr J. Cannataci flimkien ma' żewġ membri oħra tal-Board of Governors, Dr Alex Torpiano u Mr Robert Cassar waqt li s-Sur Louis Borg sejjer ikun is-Segretarju tal-Bord ta' l-Għażla.
Ġejt mogħti l-parir biex f'dan l-istadju ma jiġux ippublikati d-dettalji ta' dawk li applikaw għal dan il-post qabel jiġi finalizzat il-proċess ta' l-għażla u dana speċjalment meta wieħed jikkunsidra li ħafna minnhom jista' jkun li ma jridux juru lil min qiegħed jimpjegahom bħalissa li qiegħdin ifittxu xogħol ieħor.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jiġi suġġerit li fi żmien mhux 'il bogħod il-kamra tal-gwardjan, f'dak li kien qabel l-isptar ta' Bighi l-Kalkara u li hija magħmula fuq disin ta' skorfina, jiġi lilha restawrat is-saqaf ta' l-injam billi jidher li ser iċedi?
Response (GALEA, LOUIS)
Jekk l-Onor. Membru qiegħed jirreferi għal dik li hi magħrufa bħala s-Smoking Shed li tinsab quddiem l-East Wing ta' l-Ex Sptar Navali ta' Bighi, ninsab informat li r-restawr ta' dan il-bini hu pprogrammat għal tard fis-sena 2000 bħala parti mis-serje ta'xogħlijiet ta' restawr li qiegħed isir fil-kumpless ta' Bighi. Ir-riċerka fuq dan il-bini diġa' sar, il-pjanti huma mħejjija, u l-injam mixtri. Li jonqos hu l-mano d'opera li għaliha wieħed irid jistenna sakemm jitlestew xogħlijiet b'aktar prijorita`. L-Onor. Membru jkun jista' jiġi nformat aħjar meta jinbdew u jitlestew ix-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jgħid, jekk wara l-inċident li ġara s-Sibt 20 ta' Novembru, 1999, fil-Marsa Racing Club, saritx inkjesta sabiex jaraw jekk l-inċident kienx ikkawżat minn sustanzi jew drogi li xi żiemel jew żwiemel ingħataw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-judges l-inċident imsemmi kien wieħed aċċidentali, kaġunat minn ġerrej waqt it-tiġrija li qala' minn wara żiemel ieħor u kkaġuna ħabta u għaldaqstant ma nħassitx il-ħtieġa ta' inkjesta.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 10974?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li applikaw dsatax (19)-il għalliem għal post ta' kordinatur ta' l-iSwimming Promotions Unit.
Il-Bord kien magħmul mis-Sur Joe Psaila - (Education Officer) - Chairman u Ms Doris Borg - (Physical Education Coordinator) - Membru.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11419 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u li ġiet riferuta lilek u cioe': jista' l-Ministru jara li l-Kappella ta' San Ġwann t'Għuxa, Bormla, isirilha dak ix-xogħol ta' restawr li hemm bżonn peress li din il-kappella li tmur lura sas-sena 1640, qed isirulha ħafna ħsarat peress li issa ilha magħluqa għal ħafna snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jindirizza din il-Mistoqsija l-Cospicua Rehabilitation Project fi ħdan il-Ministeru ta' l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tal-Bibjoteka? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu msemmi ebda impjegat tal-Bibljoteka Nazzjonali ma ġie trasferit.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda nkluż għalliema fl-iskejjel kollha statali mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' ħaddiema li ġew impjegati mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni matul il-perjodu ndikat mill-Onor. Interpellant huwa kif se nsemmi:
Supply Teacher - 7
Supply Kindergarten Assistant - 26
Skrivani Part-Time - 11
Casual Cleaners - 6
Dawn ġew impjegati b'riżultat ta' sejħiet għal applikazzjonijiet.
Jista'l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista'l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpieg?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9556.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta'l-Edukazzjoni? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond approvazzjonijiet uffiċjali maħruġa mill-M.P.O., bejn is-27 ta' April u l-15 ta' Settembru 1999 kien hemm 37 trasferiment minn u għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Informat ukoll li dawn it-trasferimenti saru fil-maġġor parti assoluta tagħhom fuq talba ta' l-istess individwi. Kien hemm ukoll ftit każijiet fejn ġew approvati trasferimenti ta' ħaddiema li diġa' kienu mislufin uffiċjalment ma' Dipartimenti, etc. oħra. (eż. Kunsilli Lokali).
Kull talba li ssir minn individwi għal trasferiment tiġi kkunsidrata. Naturalment l-esiġenza tas-servizz tingħata l-prijorita` fejn tidħol din il-kunsiderazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-pixxina nazzjonali mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu msemmi ma ġie impjegat ebda ħaddiem mal-Pixxina Nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm facilitators ma' tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u tal-privat, fil-livell primarju u sekondarju, separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li Kindergarten Assistants/Facilitators ma' tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel tal-Gvern hemm:
56 fil-Kindergarten
245 fil-Primarja
45 fis-Sekondarji
Informat ukoll li n-numru ta' Facilitators kwalifikati bid-Diploma ma' tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel tal-Knisja huma 12.
Hemm oħrajn li qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol bħala "Kindergarten Assistant" għax l-iskola ma tkunx tista' ssib persuni kwalifikati.
Dawn it-tnax-il Facilitators qegħdin kollha fil-livell Primarju.
Dan kollu japplika biss għall-iskejjel tal-Knisja. L-Iskejjel Privati Indipendenti jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa skond il-bżonn li jkollhom.