Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi studenti taċ-Ċentru għall-Istudji tar-Restawr li applikaw biex jieħdu l-flus li huma ntitolati għalihom studenti post-sekondarji u terzjarji lokali? Kemm hemm studenti li fil-fatt se jieħdu dawn il-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord ta' l-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti irċieva ħames applikazzjonijiet minn studenti mill-Istitut għall-Istudji tar-Restawr u oħra minn student ieħor ta' l-istess Istitut li għandu 'l fuq minn 30 sena biex jieħdu l-flus li huma intitolati għalihom studenti post-sekondarji u terzjarji lokali.
Il-Bord qed jeżamina dawn it-talbiet fid-dawl ta' l-Avviż Legali 165 ta' l-1999 flimkien ma' talbiet oħra li waslulu.
Jista'l-Ministru jgħid x'wassal għall-inċident li fih weġġa' mpjegat ta' l-iskola Marija Reġina fil-Ħamrun meta intlaqat minn vettura li kienet se twassal l-istudenti, nhar il-Ġimgħa 26 ta' Novembru, 1999? Jista'l-Ministru jikkonferma li f'dak il-ħin ma kienx hemm pulizija sabiex jikkontrolla t-traffiku?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-inċident hu suġġett ta' investigazzjoni mill-Pulizija u eventwali proċeduri fil-Qorti, m'hinix f'pożizzjoni li f'dan l-istadju nirrelata dwar x'wassal għall-inċident li fih weġġa' impjegat ta' l-iskola msemmija.
Jista' l-Ministru jikkonsidra s-suġġeriment li jibgħat rappreżentant tad-Dipartiment tal-Kultura sabiex jeżamina l-istat tal-kappella gotika li hemm ġewwa ċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata billi jidher li hemm xi ħsarat u tkisser?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kultura m'għandux ir-responsabilita` għal manutenzjoni tal-Kappella ġewwa ċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata.
Jista' l-Ministru jara għaliex ma ġiex meħud in konsiderazzjoni l-fatt li l-istudent ta' l-iskola primarja tal-Mosta, li l-partikularitajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, li għandu 10 snin u minħabba mard ma setax jagħmel l-eżamijiet f'Ġunju li għadda u per konsegwenza tpoġġa fil-klassi 6th G? Jista' l-Ministru jara li ma tkompliex tissokta din l-inġustizzja fil-konfront ta' dan l-istudent?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta t-tfal fil-primarja ma joqgħodux għall-eżami annwali hija l-proċedura li jittieħed in konsiderazzjoni l-eżami ta' nofs is-sena. Jinstab minn kien il-kandidat li ġab marki aktar u dak li ġab marki anqas u il-kandidat li ma qagħadx għall-eżami jiġi kkunsidrat li ġab il-marki ta' bejniethom.
Dan kien il-proċess li l-awtoritajiet ta' l-iskola segwew f'dan il-każ ukoll.
Informat ukoll li meta wieħed jikkonsidra ukoll l-order of merit ta' dan it-tifel bejn Year 4 u Year 5 ma' dak li ingħatalu biex tela' Year 6, l-awtoritajiet ta' l-iskola isostnu li qatt ma saret jew kien hemm ħsieb li ssir xi inġustizzja.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar l-ittra li rċieva l-Ministru fil-15 ta' Novembru, 1999 u li, kopja tagħha qed tintbagħat separatament, intbagħtet lili dwar ilment fi skola privata dwar it-tagħlim ta' l-Istorja ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li b'riferenza għall-ilment dwar it-tagħlim ta' l-Istorja ta' Malta kif irrapportat fl-ittra ta' xi ġenituri li nbagħtet lilna fil-15 ta' Novembru, l-awtoritajiet ta' l-iskola kkonċernata ġew avviċinati u ġejt mogħti l-parir li:
* IL-ġenituri li jagħżlu li jibgħatu lill-uliednom f'din l-iskola jafu li l-medium tat-tagħlim huwa l-Ingliż u għalhekk fil-lista ta' l-istaff hemm numru ta' għalliema li m'humiex ta' nazzjonalita` Maltija.
* Illum il-ġurnata ir-role ta' teacher inbidlet: mhux kemm jaf it-teacher jgħodd imma kemm l-istudent qed jitgħallem taħt it-tmexxija tat-teacher.
* Ta' min iżid jgħid li t-teacher li għalih saret ir-rferenza fl-ittra hu kwalifikat biżżejjed bħala teacher.
* Rigward l-ikel ipprovdut mill-iskola wieħed jista' jgħid li sa Ġunju li għadda l-ikel kien b'xejn. Kien hemm madwar 40% li kienu jippreferu jieklu l-iskola. Din kienet drawwa ġejja minn meta 100% ta' l-istudenti kienu boarders. Is-sistema issa nbidlet u kull min jagħżel li jiekol irid iħallas apparti mill-miżati ta' l-iskola. Il-ġenituri kienu ġew mgħarrfa minn qabel b'din il-bidla.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ittra mibgħuta lill-ministeru bid-data 12.11.99 dwar ilment ta' Attard FC u li kopja tiegħu qed titbagħat separatament, intbagħtet lili wkoll?
Response (GALEA, LOUIS)
Għandi talba mill-Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard biex jassumi hu r-responsabbilita` tat-tkomplija tax-xogħol bi ftehim mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. It-talba qed tiġi konsidrata.
B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari numru 9003, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' Dr. Joseph A. Cannataci u tal-Perit Claude Busuttil li fl-istess tweġiba kien intqal li s-salarju u l-benefiċċji l-oħra tagħhom kienu għadhom qegħdin jiġu negozjati? Jista' l-Ministru f'kull każ jgħid jekk tali kuntratti għadhom ma ġewx konklużi jgħid x'inhu s-salarju u l-benefiċċji li dawn l-individwi qegħdin jistennew li jgawdu minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kuntratti ta' Dr Joseph A. Cannataci u l-Perit Claude Busuttil għadhom ma ġewx konklużi u għalhekk ma jistgħux jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-22 ta' Ġunju, 1999, rigward il-ħtieġa ta' servizzi ta' periti privati jew soċjetajiet ta' periti, kif ukoll inġiniera elettriċi u mekkaniċi għad-disinn u superviżjoni, jgħid min kienu l-individwi jew soċjetajiet li sal-lum tqabbdu mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jagħtu tali servizzi billi jqiegħed kopja tal-kuntratti relattivi ma' dawn l-individwi jew soċjetajiet fuq il-Mejda tal-Kamra kif ukoll jgħid f'kull każ intalabx il-permess tal-Ministeru tal-Finanzi biex tali servizzi jingħataw? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tali approvazzjonijiet kif ukoll tat-tali talbiet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Minsitru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru l-intervisti għas-sejħa għall-applikazzjoni li kienet ġiet ippubblikata fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti għal post ta' Assistant Technical Officer (Draughtsmanship) fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif hu magħruf publikament, inkluż bid-Diskors tal-Budget għas-sena 2000, fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni twaqqaf Office of Review biex jiffaċilita proċess ta' bidla fl-istrutturi li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru. Waħda mill-funzjonijiet ta' dan l-Uffiċċju għandha x'taqsam ma' tibdil fl-istruttura responsabbli għall-proġetti kapitali u proġett ta' refurbishment u maintenance. Sakemm dan it-tibdil jiġi definit inħass li ma jkunx għaqli li f'dan l-istadju jiġu appuntati uffiċċjali pubbliċi f'xi gradi jew pożizzjonijiet f'dan il-qasam differentament minn dak li jeżisti llum.
Dipartiment tas-Servizzi tal-Koperattivi — Impjegati
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta' impjegati li jirċievu s-salarju tagħhom mid-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi ta' l-istess ministeru filwaqt li jgħid x'salarju, benefiċċji u allowances oħra dawn jitħallsu fix-xahar kif ukoll xi transferiment ta' fondi jagħmel l-istess dipartiment u għal-liema individwi, lil entitajiet oħra bħal flus f'salarji jew allowances f'każ fejn individwi huma on secondment, on loan, jew inkella t-trasferiment uffiċjali tagħhom ikun għadu ma sarx?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Uffiċċjali Pubbliċi li jaħdmu f'dan id-Dipartiment jitħallsu l-iskali ta' salarju, allowances u benefiċċji kif stabbilit fil-Ftehim Kollettiv bejn il-Unions u l-Gvern. Informat ukoll li minbarra dan, id-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi jagħmel ukoll dawn il-pagamenti:
a) Lm305 kull xahar lill-Professur Victor Griffiths bħala onorarju lill-Ombudsman ta' l-Universita` u Lm 375 kull tlett xhur lill-Fondazzjoni dwar Studji Internazzjonali bħala parti mis-salarju ta' Ms Simone Vella għal assistenza segretarjali lill-Ombudsman ta' l-Universita`.
b) Lm1380 kull xahar lis-Sur George Papagiorcopulo, Lm500 kull xahar lis-Sur Eric Muscat u Lm862.5 kull xahar lis-Sur Peter Buġeja. Dawn it-tliet persuni jaħdmu fuq il-proġett Challenge 2000.
c) Lm575 onorarju lil Professur John Rizzo Naudi, Kanċillier ta' l-Universita` u Lm 166.67 fix-xahar allowances segretarjali lis-Sur Paul Vella, Segretarju tal-Kanċillier.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8133, ċioe' fid-deċiżjoni dwar kemm daħlu u se jiddaħħlu studenti fiċ-Ċentru ta' Malta għar-restawr, jista' l-Ministru jgħid f'liema kriterji ġew deċiżi n-numri? X'attenzjoni ngħatat għall-oportunitajiet ta' mpjiegi għal dawn il-persuni wara li jtemmu l-korsijiet li jkunu għażlu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'se jkunu l-ispejjeż totali b'mod dettaljat biex jitmexxa dan iċ-ċentru għas-snin 2000, 2001 u 2002 billi jgħid ukoll kemm se jkun hemm fondi mill-Protokoll Taljan u x'fondi sejrin jinħarġu mill-Gvern Malti? Jista' l-Ministru jgħid x'sistemi sejrin jintużaw u x'metodji sejrin jiġu applikati biex il-ġestjoni tal-fondi pprovduti ssir bl-akbar trasparenza?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kriterji fuq kemm daħlu u se jiddaħlu studenti fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr jinkludu:
1. ir-ratio ta' studenti għal kull għalliem biex tkun
assigurata l-aqwa kwalita` fit-tagħlim ta' l-istudenti;
2. il-ħtiġijiet ta' Malta fid-diversi oqsma tar-restawr u
tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali
3. il-vantaġġi li jistgħu jinkisbu mill-iżvilupp ta' dan
iċ-Ċentru bħala Ċentru internazzjonali li jista' jattira
studenti minn pajjiżi oħra.
Filwaqt li l-Gvern ma jista' jagħti ebda garanzija ta' impieg miegħu lil dawk kollha li jtemmu l-korsijiet li jkunu għażlu, informat li wieħed ma jistax ma jikkunsidrax:
1. il-ħtiġijiet kbar ta' Malta għal ħaddiema professjonali
imħarrġa fil-kamp tar-restawr;
2. il-possibilita` li ċ-Ċentru Malti għar-Restawr jattira
xogħol ta' Restawr minn madwar ir-reġjun Mediterran u b'hekk
ikun jista' jkabbar in-numru ta' impjiegi f'dan is-settur;
3. li l-kwalifiċi mogħtija wara studji fiċ-Ċentru tar-Restawr
ikunu rikonoxxuti barra minn Malta biex jippermettu gradwati
miċ-Ċentru biex jaħdmu internazzjonalment.
Il-fondi għas-sena 2000 huma kif jidhru fl-Estimi. Tagħrif dwar snin oħra jista' jingħata meta jkun approvat mill-Ministeru tal-Finanzi.
Biex il-fondi jiġu ġestiti b'mod trasparenti qiegħdin u sejrin jiġu użati dawn is-sistemi:
1. li tiġi sottomessa stima ġenerali lill-Ministeru ta'
l-Edukazzjoni u tal-Finanzi għal tlett snin bil-quddiem
2. li ċ-Ċentru jissottometti stima tal-ħtiġijiet finanzjarji
tiegħu lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni kull tlett xhur u
jingħata fondi skond dik l-istima;
3. li kull tlett xhur iċ-Ċentru jissottometti rapport fuq
l-infieq tat-tlett xhur li jkunu għaddew;
4. li kull sena l-accounts taċ-Ċentru jiġu ċertifikati minn
Awditur u dawn jiqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra;
Hu mistenni wkoll li malli s-sistema l-ġdida kkompjuterizzata taċ-Ċentru tibda tiffunzjona kompletament il-Board of Governors ikun ipprovdut Management Accounts kull xahar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7371 tas-26 ta' Mejju 1999, cioe'jgħid x'tip ta' riorganizzazzjoni hemm maħsuba biex ikun hemm struttura li tieħu ħsieb ix-xogħlijiet kapitali fl-iskejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? Konxju l-Ministru li l-amministrazzjoni preċedenti kienet tat l-approvazzjoni biex tali struttura titwaqqaf biex l-affarijiet f'dan il-qasam dejjem isiru b'mod aħjar?
Response (GALEA, LOUIS)
Din hi l-ewwel materja li qed jitratta l-Office of Review u t-tagħrif mitlub ikun jista' jingħata meta jiġu finalizzati l-proposti.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-offerta ta' "Finishing of Two Floors at the West Block, National Pool Complex, Tal-Qroqq" li kienet ippubblikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti fit-30 ta' April 1999 u li għalqet fis-27 ta' Mejju 1999? Jista' l-Ministru jgħid għaliex sal-lum ix-xogħol relatat ma' din l-offerta għadu ma nbediex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-offerta imsemmija mill-Onor. Membru tinsab għand id-Dipartiment tal-Kuntratti wara li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport għamel sottomissjonijiet dwar żviluppi ġodda li kienu jaħsbu għal tibdil sinjifikanti u inevitabbli fin-natura tax-xogħlijiet relevanti ma' dan il-proġett. Informat ukoll li dan it-tibdil jikkonsisti fir-rilokazzjoni ta' diversi tagħmir tqil li oriġinarjament kien programmat li jinżamm fiż-żewġ sulari in kwistjoni. Informat li d-Dipartiment tal-Kuntratti intalab jikkunsidra li t-tender tiġi irtirata biex isir proċess ġdid li jieħu in konsiderazzjoni dawn l-iżviluppi.
B'riferenza għad-diskors kif rapportat fil-ħarġa ta' "In-Nazzjon" tat-8 ta' Settembru 1999 fejn intqal li qed ikun ippjanat l-immodernizzar ta' żewġ skejjel tekniċi biex jilħqu l-livell ta' istituti tekniċi "state of the art", jista' l-Ministru jgħid liema huma ż-żewġ skejjel involuti, x'sejra tkun in-nefqa fuqhom, min qiegħed jagħmel ix-xogħol preliminari ta' disinn ta' dawn l-iskejjel, jekk hux sejjer ikun meħtieġ li l-gvern jesproprija art biex ikabbar l-iskejjel involuti, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-briefs li sejrin iwasslu għall-immodernizzar ta' dawn l-iskejjel, jagħti lista tas-suġġetti li sejrin ikunu mgħallma f'dawn l-iskejjel, kif ukoll jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Liċeo tas-Subien u l-iskola Sekondarja tas-Subien f'Koridn jiġu akkomodati f'postijiet oħra biex jagħmlu spazju għall-Kulleġġ ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija li sejjer jitwaqqaf?
B'riferenza għar-rapport li deher fil-ħarġa ta' "l-orizzont" ta' l-Erbgħa 8 ta' Settembru 1999, fejn ġie rapportat li "ammetta li ċertu apparat fl-iskejjel tekniċi huwa antik u għandu jinbidel", jista'l-Ministru jgħid x'sejra tkun in-nefqa tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni f'apparat għal dawn l-iskejjel għas-snin 2000, 2001 u 2002, kif ukoll jelenka liema apparat hemm il-ħsieb li jinxtara, kif ukoll jgħid x'jiswa tali apparat rispettiv?
B'riferenza għall-istess rapport fejn ġie rapportat li qal li "wiegħed li sas-sena li ġejja l-klassijiet kollha fl-iskejjel primarji jkollhom il-faċilitajiet tal-computers", jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani biex tali għan jintlaħaq, kif ukoll jgħid b'mod dettaljat x'sejra tkun in-nefqa biex tali wegħda tiġi mwettqa?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma eżatt il-pjanijiet tal-gvern dwar Bighi fil-Kalkara?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-pjan għal Bighi fil-Kalkara mressaq mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ġie apporvat mill-Kabinett fis-26 ta' April 1999 u jinkludi diversi inizjattivi fosthom:
1. Li fl-East Wing u s-Surgical Block ta' l-ex Sptar Navali, jitwaqqaf iċ-Ċentru Malti għar-Restawr. Dan il-proġett hu l-ewwel fażi tal-pjan ta' Bighi. Fil-fatt, kif spjegat f'aktar dettall fi stqarrijiet għall-istampa kif ukoll f'risposti għal mistoqsijiet parlamentari oħra, iċ-Ċentru Malti għar-Restawr
a) twaqqaf nhar it-3 ta' Mejju 1999
b) daħal f'kollaborazzjoni ma' ċentri ewlenin Taljani
matul Mejju,
c) xandar talba għal staff speċjalizzat u għal studenti
prospettivi f'Ġunju 1999
d) fetaħ l-ewwel kors preparatorju għal 157 student fid-19
ta' Lulju 1999
e) ħa f'idejh il-bini assenjat f'Bighi nhar l-4 ta' Lulju u
nieda xogħol estensiv ta' tiswija u restawr f'dan il-bini
storiku
f) organizza l-eżami tad-dħul fl-Istitut ta' l-Istudji fir-
Restawr f'Settembru 1999
g) fetaħ l-ewwel kors ta' Degree in Conservation & Restoration
Studies (kors ta' 4 snin) nhar l-4 ta' Ottubru u liema kors
ġa ġibed lejh studenti barranin
h) qiegħed ikompli fuq ix-xogħol ta' restawr u modernizzazzjoni
tal-bini taċ-Ċentru,
i) bħalissa qiegħed iħejji biex jipproċessa madwar 40 tender
għal b'kemm jiswa aktar minn Lm400,000 f'apparat sofistikat
meħtieġ fir-restawr u li sejjer jinxtara b'fondi mir-raba'
protocol Taljan.
2. Li r-restawr ġa mibdi mill-1995 ta' Villa Bighi, jitkompla u din tintuża bħala s-seda tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija. Hu maħsub li s-sular ta' taħt nett (il-basement level) sejjer ikun jista' jintuża bħala sala għall-konferenzi mhux biss mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija iżda ukoll minn entitajiet oħra bbażati f'Bighi jew fil-Kalkara (per eżempju l-Kunsilli Lokali) kif ukoll fuq talbiet esterni fuq bażi 'first come, first served'. Dan ix-xogħol hu maħsub bħala t-tieni fażi tal-proġett ta' Bighi, matul l-1999
a) tkompla x-xogħol fuq l-aperturi esterni u interni
b) tkompla x-xogħol fuq il-kmamar tal-banju u toilets
c) tkompla x-xogħol fuq ir-raised flooring u twapet
d) inħarġet is-sejħa għal xogħolijiet ta' inġinier ta' l-impjant
elettriku
e) saru stimi dettaljati fuq ix-xogħol ta' cabling tal-kompjuter
f) wara li jitlesta x-xogħol ta' installazzjoni tad-dawl u
wiring tal-kompjuter ikun jonqos xogħol ta' brix, tikħil u
tibjid
3. Li l-ex Zymotic Block li bħalissa jinsab ivvandalizzat jissewwa u jintuża bħal "Discovery & Archaeological Resource Centre" fejn it-tfal, speċjalment it-tfal ta' l-iskola ta' Malta kollha, jistgħu jmorru biex jitgħallmu b'mod interattiv fuq l-arkejoloġija u x-xjenza sa minn eta` żgħaira. Dan hu t-tielet fażi tal-proġett ta' Bighi u matul l-1999:
a) ġie approvat it-twaqqif ta' Project Group għal dan il-
Proġett
b) saru pjanijiet fuq kif għandhom jitqassmu ż-żewġ sulari
ta' dan il-blokk, b'sular iddedikat għall-arkejoloġija u
ieħor għax-xjenza
c) sar studju preliminarju fuq ċentri simili barra minn Malta
d) saru serje ta' laqgħat ta' ppjanar fuq l-esibiti meħtieġa
għal dan iċ-Ċentru kif ukoll fuq l-istaff meħtieġ
e) saru l-ewwel xogħolijiet fuq l-aperturi li kellhom jiġu
interrotti minħabba sgass ripetut fil-bini u vandalizzar
f) saret talba lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar biex titwaqqaf
"lqugħ temporanju" fid-daħla ta' Bighi sabiex nies mhux
awtorizzati ma jkomplux jisgassaw fil-biniu jivvandalizzaw.
Din il-fence għandha sservi wkoll biex jitnaqqas il-periklu
meta jkunu qiegħdin isiru x-xogħlijiet fuq is-sit.
4. Li l-ex Mental Ward jiġi restawrat u modernizzat biex jilqa' fih xi faċilitajiet oħra meħtieġa għall-kompless ta' Bighi. Dan ix-xogħol mistenni li jinbeda bħala r-raba' fażi tal-Proġett ta' Bighi.
5. Li l-ex Cot Lift, li bħalissa qiegħed jintuża bħala Child Care Centre, jerġa' jitħaddem biex jippermetti aċċess mill-baħar għat-tfal ta' l-iskola kif ukoll għat-turisti bħala parti integrali ta' mawra f'Bighi. Dan ix-xogħol, li hu l-ħames fażi tal-proġett ta' Bighi, sejjer jinbeda malli jinstab bini alternattiv tajjeb għaċ-ċentru.
6. Li l-West Wing ta' l-isptar li bħalissa jinsab bis-soqfa imġarrfa u biċċa mill-faċċata nieqsa jissewwa sabiex jintuża bħala l-Mużew Nazzjonali għax-Xjenza u Teknoloġija. Dan hu s-sitt fażi tal-proġett ta' Bighi u matul l-1999 saru studji preliminari fuq ix-xogħol meħtieġ, fuq il-finanzjament ta' dan iċ-ċentru u fuq id-disinn ta' ċentri/mużewijiet simili barra minn Malta.
B'riferenza għal avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 15 ta'Ottubru 1999, jista' l-Ministru jgħid x'inhu antiċipat li jkun is-salarju u l-benefiċċji l-oħra li se jgawdu minnhom il-Projects Planner u l-Project Management Assistant li sejrin jintgħażlu biex jaħdmu fiċ-Ċentru ta' Malta għar-Restawr, kif ukoll jgħid minn min se jkun kompost il-bord ta'l-għażla għal dawn is-sejħiet, filwaqt li jagħti l-lista ta' dawk li applikaw għal dawn il-postijiet rispettivi bl-isem, il-kunjom, il-kwalifiki u l-indirizzi tagħhom?
B'riferenza għall-istess avviż, jista'l-Ministru jgħid x'inhi l-enti msejħa "Conservation and Restoration Project Management Office" billi jgħid minn min hi ffurmata din l-enti, min huma l-impjegati ta' din l-enti, billi jagħti l-isem, il-kunjom, l-indirizz u s-salarju u l-benefiċċji li jgawdu minnhom?
B'riferenza għall-istess enti, jista'l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istatut ta' din l-enti, filwaqt li jgħid jekk din l-enti għandhiex l-approvazzjoni ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u tal-Ministeru tal-Finanzi biex topera, filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-approvazzjonijiet rispettivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hu mistenni li s-salarju u l-benefiċċji ta' Project Planner u Project Management Co-Ordinator li jistgħu jintgħażlu biex jaħdmu fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr ikun bejn Lm3,600 u Lm5,800 skond il-kwalifiċi u l-esperjenza tal-kandidat magħżul.
Il-Bord ta' l-Għażla għal din is-sejħa hu kompost miċ-Chairman taċ-Ċentru Malti tar-Restawr, Dr J. Cannataci flimkien ma' żewġ membri oħra tal-Board of Governors, Dr Alex Torpiano u Mr Robert Cassar waqt li s-Sur Louis Borg sejjer ikun is-Segretarju tal-Bord ta' l-Għażla.
Ġejt mogħti l-parir biex f'dan l-istadju ma jiġux ippublikati d-dettalji ta' dawk li applikaw għal dan il-post qabel jiġi finalizzat il-proċess ta' l-għażla u dana speċjalment meta wieħed jikkunsidra li ħafna minnhom jista' jkun li ma jridux juru lil min qiegħed jimpjegahom bħalissa li qiegħdin ifittxu xogħol ieħor.
Informat li ċ-Ċentru Malti għar-Restawr qiegħed jirċievi bosta talbiet għal xogħol ta' restawr kemm għal proġetti żgħar kuf ukoll għal proġetti ta' ċertu entita`. Għaldaqstant, biex dan ix-xogħol ta' restawr isir b'mod professjonali, iċ-Ċentru beħsiebu jwaqqaf fi ħdanu diviżjoni amministrattiva li x-xogħol tagħha jkun iffukat fuq xogħlijiet ta' restawr, kemm dawk bil-ħlas kif ukoll xogħlijiet oħra. Dan hu r-"raison d'etre" tal-"Conservation and Restoration Project Management Office" li hi sempliċiment dipartiment jew diviżjoni fi ħdan iċ-Ċentru Malti għar-Restawr u għalhekk m'għandiex statut indipendenti per se u, peress li hu dipartiment ġdid, lanqas bħalissa m'hemm ebda impjegati fih.
Iċ-Ċentru Malti għar-Restawr hu istituzzjoni awtonoma li għandha l-jedd li jidħol għal xogħlijiet ta' restawr u jimpjega n-nies għal dawn ix-xogħlijiet u dan kif indikat espliċitament fl-Istatut ta' l-istess Ċentru, liema Statut ġie approvat mill-Kabinett. Il-finanzjament pubbliku approvat mill-Gvern hu kif jidher fl-Estimi għas-Sena 2000. Iċ-Ċentru hu mħeġġeġ jieħu inizjattivi biex jiġġenera finanzi oħra minn servizzi jew skambji li jista' jorganizza.
Kopja ta' dan l-istatut ser titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Jista' l-Ministru jgħid x'salarji, remunerazzjoniiet u benefiċċji oħra rċieva Dr Joseph Cannataci mill-Ministeru ta'l-Edukazzjoni u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħt dan il-Ministeru, fil-perijodu bejn l-10 ta' Settembru 1998 sal-lum, kif ukoll jgħid x'inhu antiċipat li jirċievi l-istess individwu mill-istess Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u li għandu sehem fihom, dirett jew indirett, għall-perijodu l-1 ta' Novembru 1999 sal-31 ta' Ottubru 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Minbarra s-salarju normali tiegħu bħala Senior Lecturer fl-Universita` ta' Malta, Dr Joseph Cannataci mill-10 ta' Settembru 1998 sal-lum għadu ma rċieva ebda salarju, remunerazzjoni jew benefiċċji oħra mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni jew mill-entijiet li jaqgħu taħtu. Hu antiċipat li għal kwalunkwe servizz ta' konsulenza professjonali li jingħata fuq bażi part-time lil Ministeru ta' l-Edukazzjoni u li seta' wettaq matul dan il-perijodu jew li jista' jwettaq matul il-perijodi msemmija fil-mistoqsija Dr Cannataci għandu jirċievi ħlas fuq rata komparabbli ma' dik ta' konsulenti ta' ċertu speċjalizzazzjoni u esperjenza.
It-tagħrif preċiż inkun nista' nagħtih fi żmien qasir meta jiġu finalizzati l-proċeduri.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tas-sinjuri, Mario Schiavone, Elizabeth Vella, Teddy Kenelly, Carmelo Sciberras, Daniel Farrugia, Spiridione Buttigieg u Maria Verin fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, filwaqt li jgħid x'salarji, benefiċċji jew allowances oħra gawdew minnhom fil-perijodu bejn id-9 ta' Settembru 1998 sal-lum kif ukoll x'inhu antiċipat li dawn l-individwi jirċievu f'salarji, benefiċċji jew allowances għall-perijodu l-1 ta' Novembru 1999 sal-31 ta' Diċembru 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Sinjuri Carmelo Sciberras u Spiridione Buttiġieġ ma għandhom ebda rwol fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni imma jaqdu d-dmirijiet tagħhom fid-Dipartimenti rispettivi tagħhom. Is-sinjura Elizabeth Vella taħdem fil-Ministeru u għandha rwol fi ħdan il-Customer Care. Mid-9 ta' Settembru 1998 sal-lum it-tlett persuni msemmija ħadu s-salarji rispettivi tagħhom skond l-iskali kif stabbiliti mill-Gvern. Ħadd minnhom ma ġawda, jew hu antiċipat li jgawdi, minn xi benefiċji jew allowance.
Is-Sur Mario Schiavone, minbarra li hu c-Chairpersona ta' l-iStudents Maintenance Grants Board, għandu rwol ta' Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fi ħdan il-Kumitat għaċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millenium u jopera mill-uffiċji tal-Ministeru. Is-salarju u l-allowances li ħa, u li hu antiċipat li jieħu, huma l-istess bħal tal-Communications Co-ordinators fis-Segretarjati Privati tal-Ministeri u għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-użu ta' karozza.
Fi ħdan is-Segretarjat Privat tal-Ministeru is-Sur Teddy Kenely għandu rwol ta' Secretariat Officer, is-Sinjura Maria Verin għandha rwol fis-Secretariat Pool, u s-Sur Daniel Farrugia għandhu rwol fil-Messengerial/Reception Pool. Huma gawdew, u hu antiċipat li jgawdu, dawk is-salarji, benefiċji u allowances kif stipulat fil-memorandum Engagement of Staff in Private Secretariats.
Jista' l-Ministru jagħti lista dettaljata ta' nfiq u lil min sar il-ħlas mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, b'mod dirett jew indirett, b'risq iċ-Ċentru ta' Malta għar-Restawr għall-perijodu bejn l-10 ta' Settembru 1998 u llum, kif ukoll jagħti x'inhu antiċipat li tkun in-nefqa mill-istess Ministeru jew entitajiet kollha li jaqgħu taħtu fil-perijodu bejn l-1 ta' Novembru 1999 u l-31 ta' Diċembru 2000, kif ukoll jgħid x'commitments finanzjarji dawn għandhom b'risq l-istess ċentru iżda li s'issa għadhom ma tħallsux jew inkella tħallsu biss partijiet minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Iċ-Ċentru Malti għar-Restawr twaqqaf nhar it-3 ta' Mejju 1999 u għalih kien hemm ivvutati Lm180,000 bħala nfieq fl-estimi ta' l-1999.
Hu allokat li sas-17 ta' Novembru tħallsu, jew jeżistu commitments finanzjarji għal total ta' madwar Lm172,000 b'risq dan iċ-Ċentru. Il-flus intnefqu fir-restawr u fit-tagħmir tal-bini storiku taċ-Ċentru f'Bighi kif ukoll fi ħlasijiet lil staff Taljan u Malti li huma mpjegati taċ-Ċentru jew li jaħdmu mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Parti minn dan l-infieq hu rikoverabbli taħt ir-Raba' Protocol Taljan. Il-kontijiet verifikati taċ-Ċentru jitħejjew fiż-żmien propizju wara li tagħlaq l-ewwel sena ta' operazzjoni taċ-Ċentru.
Dwar rendikont aktar dettaljat minn dak mogħti hawn fuq f'dan il-waqt, jekk id-domanda ta' l-Onor. Membru hi motivata minn xi ħaġa aktar minn interess ġenerali hu mistieden jindirizza domanda aktar speċifika.
Għal risposta tal-bqija ta' din il-mistoqsija nirreferi l-Onor. Membru għar-Risposta mogħtija għad-domanda tiegħu stess Numru 11565.