B'riferenza għall-perjodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sa l-10 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih il-Ministru huwa responsabbli, jista': a) jagħti lista ta' aġenziji tar-reklamar użati; b) jagħti indikazzjoni tal-kampanji afdati lilhom; c) jgħid kemm intnefaq ma' kull aġenzija; d) kemm intnefaq f'kull waħda mill-mezzi tal-media li hawn Malta; e) jagħti lista ta' l-istamperiji (minbarra dik tal-Gvern) li ġew użati; f) jagħti indikazzjoni ta' x'ġie stampat u l-kwantita' ta' l-istampar; g) jgħid kemm intnefaq ma' kull stamperija; h) jagħti lista tal-kumpanniji ta' l-iscanning li ġew użati u jgħid kemm intnefaq ma' kull kumpannija?
Kemm kien hemm persuni/ditti li kienu joffru s-servizzi ta' reklamar lill-istess dikasteru/Ministeru qabel il-5 ta' Settembru, 1998 u twaqqfu mill-Gvern preżenti? Liema kienu? Għalfejn twaqqfu? Min tqabbad flokhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Maltapost iddaħħal postman fil-futur qarib?
Kemm hu l-complement attwali tal-postmen u kemm suppost hu dan il-complement?
Response (BONNICI, JOSEF)
M'hemmx ħsieb li l-Maltapost timpjega pustiera minn barra qabel jiġi attwat l-eżerċizzju ta' riorganizzazzjoni.
Il-complement attwali ta' pustiera, inklużi Pustiera Anzjani, huwa ta' 488.
Il-"full complement", mingħajr ma jittieħed in konsiderazzjoni l-eżerċizzju ta' riorganizzazzjoni huwa ta' 493.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Korporazzjoni Enemalta sabiex jonqos it-tniġġiż mill-Power Station tal-Marsa? Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar analiżi tad-diversi gassijiet tossiċi, kemm kienu u jekk kenux f'livell aċċettabbli?
Jista' l -Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ tal-produzzjoni ta' l-ilma mill-impjanti tar-reverse osmosis, kemm huwa msoffi matul il-ġurnata u kemm matul il-lejl?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntuża l-impjant tal-combined cycle fil-Power Station ta' Delimara u jekk dan ġiex ikkummissjonat? Qed jintuża regolari? Hemm xi problemi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Billi fl-estimi li għadhom kemm ġew ippreżentati ma ssemmew l-ebda inċentivi għall-użu ta' enerġija alternattiva, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan in-nuqqas jiġi rimedjat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-użu ta' enerġija alternattiva mhux eskluż mill-amministrazzjoni preżenti u kwalsiasi proposta għall-istess tkun kunsidrata.
Billi fl-1992 il-Gvern diġa' kellu parir biex ix-xogħol li kienet tagħmel il-Kumpannija Polymetrics jgħaddi għand kumpannija Maltija, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li dan ma sarx dak iż-żmien u kellu jkun gvern ieħor biex jagħmel dan aktar tard?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża kapitali mill-Water Services Corporation: (a) għall-impjant tar-Reverse Osmosis taċ-Ċirkewwa; u (b) għall-impjant tar-Reverse Osmosis ta' Pembroke?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Riferibbilment għall-perjodu 1 ta' Novembru, 1998 sat-30 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kif skond id-diskors tal-Budget il-petrol kellu jinbiegħ 32c u fil-fatt qed jinbiegħ 32c5?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-prezz tal-petrol huwa ta' 32c5 il-litru u mhux 32c. Infatti t-text tas-sezzjoni dwar is-sisa fuq il-petrol fid-diskors tal-Budget 1999 kien fih żball tipografiku. Dan l-iżball kien korrett permezz ta' stqarrija għall-istampa numru 2115 maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fis-26 ta' Novembru 1998.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif lill-Kamra dwar l-ammont ta' petrol bla ċomb li ntuża mill-1992 'il hawn sena b'sena?
Jista' l-Ministru jagħti l-istess tagħrif dwar l-użu ta' petrol normali?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pajjiżi Ewropej kollha għandhom tariffi preferenzjali għall-petrol bla ċomb?
Jista' l-Ministru jgħid kif dawn it-tariffi preferenzjali issa tneħħew f'Malta bħala riżultat tal-Budget 1998/99?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif intqal fid-diskors għall-Budget 1999, il-prezz tal-petrol bla ċomb għall-konsumatur ġie l-istess bħal dak tal-petrol normali, peress li nħossu li l-poplu huwa konxju biżżejjed tal-effett li l-għażla ta' tali tip ta' petrol għandha fuq l-ambjent.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' wieħed li ismu u l-ID Card number tiegħu qed jintbagħtu separatament li billi huwa każ ta' trapjant tal-kliewi kien ġie assenjat xogħol ta' driver biex ma jbatix fl-amministrazzjoni preċedenti, u issa reġgħuh lura jaħdem bix-xift D, N, R, u O bi tbatija kbira għal saħħtu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika l-post fejn taħdem il-persuna li għaliha qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jsemmi t-talbiet għal street lighting ġdid mill-Kunsilli Lokali ta' Bormla, Birgu, Isla u Kalkara u kemm minnhom ġew milqugħa mill-1995 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
KUNSILL LOKALI TALBIET APPROVATI
Bormla 31 17
Birgu 21 17
Isla 13 10
Kalkara 24 18
Total 89 62
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Water Services Corporation għandhiex pjanijiet speċifiċi sabiex jinbidlu mains ta' l-ilma fl-Isla? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawn it-toroq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha pjanijiet biex jinbidlu mains ta' l-ilma fl-Isla. L-għażla tat-toroq għadha qed tiġi analizzata.
Jista' l-Ministru, għall-perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sa l-1 ta' Diċembru, 1998, jagħti lista tal-kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt: (a) jindika x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecifiations; (ċ) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu l-quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħataw extensions fuq il-kuntratt oriġinali; u (h) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1841, jista' l-Ministru jgħid jekk sal-lum il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta ġewx ikkonsultati jew għallinqas ġewx mitluba japprovaw it-tariffi l-ġodda ta' l-ilma u l-elettriku, iva jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif diġa' għidt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija numru 1841, il-Gvern ikkonsulta mal-partijiet soċjali kollha, kif ukoll mal-management tal-Korporazzjonijiet konċernati qabel wasal biex ħa l-miżura soċjali ta' roħs fit-tariffi tad-dawl u ta' l-ilma.