Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni sa mill-bidu tas-sena 2006 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri ta' din il-Kummissjoni sa mill-bidu tas-sena 2006 sal-lum kienu l-Imħallef Albert Manche', il-Kurunell John Harison (Irt.) B.E.M. u l-Avukat Raymond Zammit LL.D.
B'referenza għall-ktieb voluminuż "The State of Human Rights and Democracy in Europe" li għada kif ippublikat il-Parliamentary Assembly of the Council of Europe, billi l-President tal-Kunsill tal-Ewropa fid-daħla tiegħu għall-ktieb jinkoraġixxi bil-qawwa kollha lill-parlamenti nazzjonali biex iżommu dibattiti dwar dan ir-rapport - li fih rapport speċifiku dwar Malta kif hemm dwar il-pajjiżi l-oħra kollha membri tal-istess kunsill - jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-mejda tal-Kamra u jista' jgħid x'inhuma l-pjani tal-Gvern biex jimxi fuq il-parir tal-President tal-Kunsill tal-Ewropa Rene' Van Der Linden?
Response (BORG, TONIO)
Dan il-Ministeru ma rċieva ebda ktieb intitolat kif qed igħid l-Onor. Interpellant; dwar is-suġġeriment l-ieħor ta’ l-Onor. Interpellant it-talba se tiġi konsidrata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni għal-liċenzja mill-Kummissarju tal-Pulizija ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ilha pendenti għal diversi xhur meta applikazzjonijiet oħrajn ta' l-istess xorta ġew proċessati u meta jidher li din l-applikazzjoni qed tieħu żmien itwal bla bżonn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant kien jirrikjedi diversi verifikazzjonijiet, li issa ġew eżawriti u huwa mistenni li din l-applikazzjoni tkun konkluża dalwaqt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pulizija qed jagħtu ċitazzjonijiet lill-impjegati li jaħdmu l-HSBC biss u li jkunu pparkjati fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi, normalment fil-parti ċentrali ta' l-imsemmija triq? X'inhi r-raġuni li aktar 'il fuq fejn ikun hemm karozzi pparkjati ħafna u ħafna agħar u fi triq li tidjieq mhux jintgħataw ċitazzjonijiet, fosthom vetturi mhux liċenzjati? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni wkoll li meta kien hemm rapporti fejn anke ngħataw numri ta' vetturi, meta l-pulizija marru fuq il-post minflok għamlu kif għamlu fil-konfront ta' mpjegati tal-bank daħlu ġewwa u talbuhom isuqu l-karozzi ħalli ma jagħtuhomx ċitazzjoni? Jaħsibx li din hija diskriminazzjoni għax kien hemm xi ħadd li għamel rapport u meta persuni oħra għamlu rapporti simili dawn ġew trattati b'mod differenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll tat-Taqsima tat-Traffiku li jagħmlu ronda fl-inħawi msemmija jirrapurtaw kull ksur tar-regolamenti tat-traffiku li jinnotaw, bla ebda distinzjoni. Pero' jekk l-Onorevoli Interpellant joġgħbu jagħtini aktar tagħrif dettaljat dwar dan l-ilment, inkun nista' nitlob għal aktar informazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi skemi differenti ħarġu ta' qbiela fuq art agrikola lill-bdiewa u raħħala matul din is-sena mid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta'? Kemm se jkollhom iħallsu iżjed il-bdiewa u r-raħħala meta mqabbel ma' kemm kienu jħallsu qabel? X'effett se jkollha ż-żieda fuq il-vijabilita' tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta' fi ħdan it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern matul din is-sena ma ħareġ l-ebda skema ġdida ta' qbiela fuq art agrikola tal-Gvern.
B'referenza għal mistoqsijiet parlamentari 19495, 21718 u 25977 u peress li minn spezzjoni li saret fuq il-post, cioe quddiem l-indirizz 1, Sqaq il-Pjazzetta Nru 2, Attard, minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li r-reserved parking li għaliha qed nirreferi din il-mistoqsija parlamentari mhux għal użu minn persuni b'diżabilita', u minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku sa mis-sena 1998 ma nstabitx approvazzjoni għal tali reserved parking, iżda t-Taqsima hi nfurmata li tali approvazzjoni nħarġet mill-pulizija u peress li fit-tweġiba 21718 jingħad li hija biss l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta li tipprovdi għal postijiet ta' parkeġġ kontinwu, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex u kif u fuq liema bażi t-tali approvazzjoni nħarġet mill-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Mir-records tal-Pulizija ma irriżulta li hemm xejn dwar dal-każ. Illum kwestjonijiet bħal dawn huma responsabbilita' ta' l-Awtorita' tat-Trasport li jekk tħoss li ma hemmx ġustifikazzjoni għal reserved parking, tneħħieh.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm membri tal-korp tal-pulizija ggradwaw bħala avukati matul dawn l-aħħar tmien snin? Kemm minn dawn ma baqgħux fil-korp tal-pulizija wara li ggradwaw u x'kienet ir-raġuni għala spiċċaw mill-korp?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar tmien snin iggradwaw bħala avukati 12-il membru mill-Korp tal-Pulizija, li minnhom wieħed spiċċa mill-Korp minħabba raġunijiet ta' saħħa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħtu? Minn min huma komposti u x'inhi l-onorarja u benefiċċji oħra ta' kull wieħed?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23555.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-għassa tal-pulizija li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma ħadux il-passi neċessarji biex jitneħħew il-vending machines li ġew installati bla permess?
Response (BORG, TONIO)
Il-Pulizija tad-Distrett ħadet passi. Sadanittant il-permessi meħtieġa mill-Kunsill Lokali ħarġu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li jinsab fil-Belt hux rekwiżizzjonat jew le? Jista' jikkonferma jew jinnega jekk is-sid hux l-Uffiċċju Konġunt jew id-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-post li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant fil-fatt huwa tal-Gvern u dan kien ingħata b'ċens temporanju li issa skada. It-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern mhix infurmata jekk dan il-post hux rekwiżizzjonat. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment responsabbli mill-proċeduri ta' rekwiżizzjoni huwa dak tal-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li huma gradwati fil-liġi? Jista' jgħid x'rank għandhom? Hemm membri oħra tal-Korp li bħalissa qed jattendu kors simili fl-Universita' ta' Malta? Hemm xi pulizija li qed jattendu korsijiet li ma jwasslux għal gradwazzjoni bħala avukat jew prokuratur legali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm tliet Supretendenti, tliet Spetturi u ħames Surġenti fil-Korp tal-Pulizija li huma gradwati b'dottorat fil-liġi. Infurmat ukoll illi m'hemmx membri tal-Korp tal-Pulizija li bħalissa qed jattendu kors simili fl-Universita' ta' Malta, filwaqt li hemm xi membri oħra tal-Korp li qed jattendu courses oħra fuq bażi personali part time.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qed jiswa lill-gvern kull immigrant fid-detention centres?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli, matul is-snin mill-1999 sal-2007 saru dawn il-pagamenti relatati ma' spejjeż fuq immigranti illegali mid-Dipartiment tal-Pulizija. Dawn ma jinkludux spejjeż relatati ma' salarji ta' Pulizija.
1999 Lm 50,322
2000 Lm 33,208
2001 Lm 27,400
2002 Lm228,250
2003 Lm407,934
2004 Lm109,790
2005 Lm340,754
2006 Lm389,260
2007 Lm 89,000 (sat-22 ta' Mejju)
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-ministeru, dipartimenti u entili jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom l-uffiċjali mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, safra b'safra separatament u min kienu dawn l-uffiċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Huwa minnu li l-bini abbandunat u delibitat fi Triq ix-Xgħajra, ħdejn Misraħ San Nikola, Ħaż-Żabbar hu proprjeta' ta' l-Uffiċċju Konġunt? Jekk fl-affermattiv, se tittieħed l-azzjoni neċessarja biex jinbena ċ-ċint dawramejt ma' din l-area?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika fuq site plan il-proprjeta' in kwistjoni sabiex tkun tista' tingħata tweġiba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li fejn ir-roundabout ta' Santa Lucija li tagħti għal Raħal Ġdid għad-daħla tal-Ġudja u ħruġ minn Santa Lucija jkun hemm warden jew pulizija jikkontrolla t-traffiku l-aktar bejn 7.00 a.m u 8.30 a.m. peress li f'dan il-ħin ikun diffiċli li toħroġ minn Santa Lucija? Jista' jgħid kemm saru inċidenti tat-traffiku f'dawn l-inħawi fis-sena 2004, 2005, 2006 u 2007?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi roundabout minnha nnfisha hija sistema sabiex it-traffiku li jisporgi minn diversi toroq ikun jista' jimxi aħjar. Ir-roundabout imsemmija mill-Onorevoli Interpellant fiha mhux anqas minn sitt toroq li jisporgu ġo fiha, għaldaqstant wieħed jistenna illi fil-ħinijiet tar-rush hour ikun hemm xi ftit tal-konġestjoni. Pero' ninsab infurmat illi matul dawk il-ħinijiet ikun hemm pulizija tat-traffiku jagħmlu ronda fit-toroq prinċipali, sabiex fejn ikun hemm bżonn jikkontrollaw it-traffiku.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika kif mitluba ċioe' inċidenti mar-roundabout ta' Sta. Luċija. Pero' skond statistika miżmuma l-inċidenti tat-traffiku rrapurtati lill-Pulizija li seħħew fit-toroq prinċipali li jmissu ma' din ir-roundabout, kienu kif ġej:
2004
2005
2006
2007*
30
26
20
10
*sat-30.04.07
Għal dak li jirrigwardja l-Kunsilli Lokali, bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, dawn huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal il-qorti din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar 2007 sa llum ittellgħu b'kollox 48 tfal (taħt is-16-il sena) quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) u quddiem il-Qorti tal-Minorenni f'Malta.
Minn dawn, 10 tressqu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) flimkien ma' persuni maġġorenni fejn 9 każi kienu dwar serq u każ minnhom kien dwar falsifikazzjoni ta' dokumenti.
Fil-Qorti tal-Minorenni ttellgħu 38 u ċioe`:-
Pussess ta' droga 1
Ksur ta' buon ordni, ġlied u theddid 24
Tlajjar għal prostituzzjoni 2
Ħsara f'vettura u ġrieħi ta' natura gravi u sewqan mingħajr liċenzja 1
Ta' dettalji foloz 1
Serq 6
Użu ta' telecom ħażin 1
Depożiti ta' urina f'post pubbliku 2
L-informazzjoni dwar Għawdex hija s-segwenti:-
Sewqan ta' karozzi mingħajr liċenzja u ħbit 1
Ġlied u ksur tal-paċi pubblika 3
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jsuqu vetturi bil-mutur waqt li kienu taħt l-influwenza tad-droga din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, ma kien hemm ebda persuna li nstabet li kienet qed issuq vettura meta ma kienetx f'kundizzjoni li ssuq minħabba droga.