Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Sussidju fuq kera f'postijiet tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ibbenefikaw households minn sussidju ta' kera f'postijiet tal-gvern? Kemm kien l-ammont ta' flus ta' sussidju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 3063 post li hu suġġett għall-sussidju fuq il-kera. Huwa stmat li s-sussidju ilaħħaq madwar Lm440,000.

Djar — Sussidju ta' kera f'postijiet privati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ibbenefikaw households minn sussidju ta' kera f'postijiet privati? Kemm kien l-ammont ta' flus ta' sussidju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Lulju 2002 u t-30 ta’ Ġunju 2003 kien hemm total ta’ 583 household li bbenefikaw miż-żewġ skemi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar dwar sussidju ta’ kera ta’ postijiet privati. Dan is-sussidju kien jammonta għal Lm86,679.

Djar — Postijiet li tneħħitilhom l-ordni ta' rekwiżizzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' postijiet li tneħħitilhom l-ordni ta' rekwiżizzjoni mill-1998 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi n-numru ta’ postijiet li tneħħitilhom l-ordni ta’ rekwiżizzjoni mill-1998 sallum hu ta’ 3718.

Djar — Postijiet rekwiżizzjonati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu postijiet id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali li huma rekwiżizzjonati? Kemm għandu tal-privat? Kemm għandu tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 8739 post rekwiżizzjonat tal-Gvern filwaqt li 9767 huma tal-privat.

Djar — Xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern/awtorita' tad-djar f'xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar bħalissa ma għandha l-ebda Skema miftuħa sabiex tixtri proprjeta’ mingħand il-privat.

Sigurta' Soċjali — Servizz lill-persuni fil-bżonn

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern biex tagħti assistenza lill-volontarjat li jipprovdi servizz lill-persuni fil-bżonn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern jikkonsidra l-volontarjat, partikolarment dawk il-għaqdiet mhux Governattivi li jipprovdu servizzi lill-persuni fil-bżonn, bħala wieħed mill-pilastri fl-iżvilupp ta’ soċjeta’ demokratika li ma tħalli lil ħadd barra. Biex isostni dak li jemmen fih bil-fatti, fl-2001 dan il-Gvern għolla l-allokazzjoni ta’ fondi, biex jgħin finanzjarjament lil dawn l-għaqdiet fis-settur soċjali, minn Lm400,000 għal Lm700,000 fis-sena. Dawn il-fondi jiġu mqassma wara li jiġu evalwati l-proġetti sottomessi, fid-dawl tal-prijoritajiet għas-servizzi meħtieġa u l-livell tas-servizz provdut. Dan kollu hu apparti għajnuna oħra li tingħata mid-diversi Ministeri lill-għaqdiet mhux governattivi fl-oqsma kulturali, soċjali, sportivi eċċ. Minbarra għajnuna finanzjarja dan il-Gvern jgħin ukoll għaqdiet volontarji billi jassenja mpjegati pubbliċi biex jaħdmu ma’ dawn l-għaqdiet waqt li jkomplu jitħallsu minn fondi pubbliċi. I

Djar — Proġetti ta' housing

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet fejn hemm siti li qed jinbnew bħala proġetti ta' housing? X'inhu l-kejl ta' kull biċċa art? X'inhu l-valur ta' kull biċċa art? Kif ġiet akkwistata kull biċċa art? X'inhu ċ-ċens ta' kull biċċa art? Min kien is-sit ta' kull biċċa art? Min kien il-perit li għamel il-valur ta' kull biċċa art?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ebda Dipartiment jew entita’ li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma għandu informazzjoni dwar iċ-ċens u min kien il-perit li għamel il-valutazzjoni ta’ kull biċċa art. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bil-kumplament ta’ l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Direct orders

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 121 u cioe' jgħid kemm kien in-numru ta’ direct orders li ħarġu mill-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra totali ta’ flus ta’ dawn id-direct orders? Jista’ il-Viċi Prim Ministru jinformani bl-istess informazzjoni għall-perjodu tas-snin 2001 u 2002?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant

Sta. Luċija — Ħlas tar-relief

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-każ tar-relief ta' mara b'żewġt itfal li m'għandha l-ebda dħul ieħor jitmexxa mill-aktar fis?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Awtorita' tad-Djar — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reklutati impjegati ġodda bejn Jannar 2003 sa 12 ta' April 2003 ma' l-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-perijodu ndikat mill-Onor. Interpellant ġew impjegati erba’ junior clerks ma’ l-Awtorita’ tad-Djar biex jissostitwixxu skrivani oħra li tterminaw l-impjieg tagħhom ma’ l-Awtorita’.

Postijiet tal-Gvern — Lifts

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-Politika tal-Gvern fejn jidħlu il-lifts fil-qasam ta' postijiet ġodda tal-Gvern; fil-qasam ta' postijiet qodma tal-Gvern u fil-qasam tas-settur privat (Housing)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-politika tal-Gvern dwar il-lifts fil-qasam ta’ blokki ġodda tal-Gvern hi li dawn il-blokki jiġu fornuti b’lift. Għal dak li jirrigwards blokki qodma tal-Gvern, l-Awtorita’ tad-Djar tikkunsidra applikazzjonijiet taħt Skema V biex tinstalla lift fejn ikun hemm persuna li jkollha diżabilita’ ta’ mobilita’ tgħix fil-blokk. Residenti f’dawn il-blokki li jkunu xtraw l-appartament mingħand l-Awtorita’ jintalbu jħallsu 50% tas-sehem tagħhom filwaqt li l-inkwilini l-oħra ma jħallsu xejn għall-installar. Taħt Skema 7 ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, persuni b’diżabilita’ ta’ mobilita’ li jgħixu fi blokki privati jingħataw sa massimu ta’ Lm2,800 bħala sussidju biex jinstallaw lift fil-blokk tagħhom.

Kummissjoni għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha l-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-kera li ġiet imwaqqfa fl-1998? Jista' jitpoġġa kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra rigward ir-rakkomandazzjonijiet ta' din l-istess kummissjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sallum, il-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera, mwaqqfa fl-1998 mill-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien, għadha ma ppreżentatx ir-rapport tagħha u dan minkejja diversi tentattivi minn naħa tiegħi biex tagħmel dan u l-fatt li l-membri tagħha kienu tħallsu qabel ma’ daħlet l-Amministrazzjoni ġdida Nazzjonalista f’Settembru 1998.

Housing — Użu ta' ħafna djar vojta li hawn

Question

Jista' il-Ministru jgħid fid-dawl tad-diskors ta' l-E.T. il-President Guido De Marco fl-okkażjoni tal-ftuħ ta' l-għaxar parlament fejn qal li ser jingħataw inċentivi għall-użu tal-ħafna djar vojta li hawn, x'għandu maħsub il-Gvern fuq dan il-qasam?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern jippubblika l-pjanijiet tiegħu dwar is-suġġett kif dawn jiġu finaliżżati.

Aġenzija appoġġ — Każ dwar tliet neputijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti spjegazzjoni jew inkella spjegazzjoni privata lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li ġejt inkarigat minnha biex nagħmel din il-mistoqsija, għaliex ittieħdulha mill-kustodja tagħha it-tlett neputijiet (tfal tat-tifla) mill-aġenzija appoġġ? Jaf il-Viċi Prim Ministru li din il-persuna kienet qiegħda trabbi lil dawn it-tfal b'kunsens verbali mill-istess tifla tiegħu u fin-nuqqas tal-ġenituri tagħhom li ma kenux u ma humiex f'pożizzjoni li joffru trobbija lit-tfal in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jidhirlix li kwistjoni tant delikata, bħal ma hi l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Ħarsien dwar minorenni, u li hi s-suġġett ta’ din il-Mistoqsija, għandha tkun suġġetta għal spjegazzjoni pubblika. Iżda irrid ngħid li l-Qorti ċaħdet l-oġġezzjoni li l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għamlet dwar il-ħruġ ta’ din l-Ordni.

Anzjani — Home-help

Question

Jista' jgħid kemm hawn anzjani bħalissa li mhux qed jingħataw home-help għax il-persuni li s-soltu jipprovdu dan is-servizz jinsabu bil-leave? Jista' jgħid jekk hemmx replacements għall-persuni bil-leave? Jekk m'hemmx kif qed jiġu mgħejjuma l-anzjani li għandhom bżonn is-servizz tal-home-help?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li każijiet fejn l-Assistenti Soċjali jkunu bil-leave fit-tul u xi klijent tagħhom ma jkunx jista’ jgħaddi mingħajr is-servizz ta’ Home Help, il-klijent jingħata replacement. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta’ klijenti tas-servizz tal-Home Help li ma jingħatawx dan is-servizz għax l-Assistenti Soċjali assenjati magħhom ikunu bil-vacation leave jew sick leave, għax ma jkunx possibbli li dawn ta’ l-aħħar jiġu rimpjazzati, jvarja minn ġurnata għall-oħra. Id-Dipartiment responsabbli jara li, kemm jista’ jkun, in-numru ta’ Assistenti Soċjali bil-vacation leave jkun wieħed raġjonevoli u mqassam fuq kull distrett/reġjun biex ma jkunx hemm impatt negattiv fuq l-għoti tas-servizz. Sfortunatament, dan ma japplikax fil-każ tas-sick leave li t-teħid tiegħu hu mprevist. Madankollu, mill-esperjenza ta’ din is-sena, li fil-fatt hi l-ewwel sena li l-Assistenti Soċjali ngħataw kundizzjonijiet ġodda ta’ xogħol inkluż id-dritt għall-vacation u sick leave, d-Dipartiment konċernat qed jara kif jista’ jtejjeb l-effiċjenza tas-servizz.

Bord ta' l-appelli għall-benefiċċju ta' disimpjieg

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni l-bord ta' l-appelli għall-benefiċċju ta' disimpjieg (relief) ilu ma jiltaqa' għal dawn l-aħħar xhur? Jaf li hemm numru ta' każi pendenti biex jiġu deċiżi, fosthom ta' individwi li ma jaħdmux u li mhu qed jirċievu l-ebda benefiċċju soċjali beix jgħixu? Jaf li dawn il-persuni qed jistennew b'ħerqa biex jinstema' l-appell tagħhom biex il-każ tagħhom ikun deċiż u b'hekk jibdew jirċievu l-benefiċċju dovut lilhom? Jista' jgħid kemm jammontaw il-każi pendenti quddiem dan il-bord? Jista' jintervjeni biex dan il-bord jiġi mlaqqa mill-aktar fis possibbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika għal liema wieħed mill-bordijiet ta’ appelli li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tad-dekasteru tiegħi qed jirreferi.

Rabat — Qasam tad-Djar Għajn Qajjed

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 102, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ġiex investigat jekk huwiex possibbli li l-lift jiġi stalalt f'partijiet oħra tal-blokk per eżempju quddiem, wara jew fil-ġnub?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li saru ¿ewg applikazzjonijiet fil-qasam tad-djar ta’ Ghajn Qajjed fir-Rabat, Malta. Biex jigi nstallat lift taht Skema V, irid ikun possibbli li l-lift jista’ jkun akkomodat b’tali mod li l-appartamenti kollha jkunu accessibbli permezz tal-lift. Fil-ka¿ ta’ Blokk A, il-bankina quddiem il-blokk hija dejqa wisq biex jigi akkomodat lift ma’ gemb it-tromba tat-tarag. Jirri¿ultalna wkoll li fil-gemb u fuq wara ma jkunx possibbli li permezz tal-lift jintlahqu l-appartamenti kollha. Fil-ka¿ ta’ Blokk E Bieb 1, l-applikazzjoni ma gietx approvata mill-Kummissjoni Persuni b’Di¿abilita’. Meta jigri hekk l-applikazzjoni tieqaf hemm. F’dan il-ka¿ xorta wahda hemm l-istess problema bhal tal-Blokk A.

Impjiegi — Persuni boarded out

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 97 u cioe` jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li għaddew boarded out f’Malta u Għawdex separatament matul Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? Jista’ il-Viċi Prim Ministru jinformani bl-istess tagħrif għall-istess perjodu tas-snin 2000, 2001 u 2002 rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta’ pensjonijiet ghal invalidita’ godda, li tinghata lill-persuni li jkunu gew certifikati minn Bord mediku tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Socjali bhala nkapaci ghal xoghol xieraq ghal mill-anqas tliet snin, fil-perjodi mitluba kienu: Sena Jannar Frar Marzu April 2000 40 59 80 78 2001 39 72 74 78 2002 113 107 138 135 2003 103 134 166 72

Għajnuna soċjali — Trasport

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni fil-każ ta' missier li għandu bżonn trasport għall-ġuvni b'diżabilita' biex imur iċ-ċentru tal-Birgu jew missieru jsirlu arranġament biex ikun jista' jwassal lit-tifel li l-partikularitajiet tiegħu jidhru separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment konċernat jista’ jipprovdi b’trasport lit-tifel tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant biex jattendi fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Ħal-Far. Dan peress li t-tifel hu residenti fil-catchment area ta’ dan iċ-Ċentru għal dak li jirrigwarda trasport provdut mid-Dipartiment. B’dan kollu jistgħu isiru arranġamenti biex it-tifel ikun jista’ jattendi ċ-Ċentru tal-Birgu jekk il-missier jipprovdi trasport hu.