Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-Dipartiment tal-Beach Cleaners mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fil-perijodu ndikat mill-Onor. Interpellant ma ġie mpjegat l-ebda ħaddiem mat-Taqsima tal-'Beach Cleaners' tad-Dipartiment tat-Turiżmu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema nieqsa u f'liema oqsma, u suġġetti fil-korsijiet ta' l-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Meta hemm il-ħsieb li l-istudenti jkollhom l-għalliema li għandhom bżonn?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li bħalissa l-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi qed iħejji struttura ġdida ta' l-istaff akkademiku li hemm bżonn fl-Istitut.
Ma hemm l-ebda klassi li mgħandhiex għalliem għax kemm issa, kif ukoll taħt l-amministrazzjoni l-oħra, ġew impjegati 'Lecturers' fuq bażi 'part-time' biex jimlew il-vojt li jista' jkun hemm.
Hemm il-ħsieb pero' li 'l quddiem joħorġu applikazzjonijiet biex jimtlew postijiet fuq bażi 'full-time'. Illum dawn huma okkupati minn 'Lecturers' fuq bażi 'part-time'.
'Lecturer/Assistant Lecturer Housekeeping'
'Lecturer/Assistant Lecturer Food Preparation & Production'
'Lecturer/Assistant Lecturer Hotel Reception & Communications'
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ikla li saret fil-Pembroke Restaurant nhar il-Ħamis 21 ta' Ottubru filgħaxija tħallsitx minn fondi pubbliċi? Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet din l-ikla?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li l-ikla li saret għad unur ta' l-ex Direttur tat-Turiżmu li rtira mis-Servizz Pubbliku wara erbgħa u erbgħin sena, tnax minnhom fil-Ministeru tat-Turiżmu, tħallset mill-I.T.S. u swiet Lm337.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' staff akkademiku, Maltin u barranin, fulltime u part-time, jew b'kuntratt definit, fl-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi maqsumin skond il-grad?
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru globali ta' staff mhux akkadamiku fl-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi? Kemm minn dawn il-ħaddiema fulltime jew part-time huma fuq kuntratt definit, f'liema grad u meta jiskadi l-kuntratt? Kemm hemm ħaddiema mhux akkademiċi fuq bażi każwali u f'liema grad? Kemm hemm ħaddiema mhux akkademiċi mislufin minn entitajiet/korporazzjonijiet parastatali u f'liema gradi? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħaddiema mhux akkademiċi li huma fuq kuntratt definit jew fuq bażi każwali li laħqu l-eta' ta'l-irtirar u f'liema grad qed jaħdmu?
Response (REFALO, MICHAEL)
In-numru globali ta' 'staff' mhux akkademiku fl-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi huwa ta' 73 persuna.
Il-ħaddiema li huma 'full-time' fuq kuntratt definit huma kif ġej:
Skrivani 5
'Telephone Operators' 2
'Kitchen Attendants' 2
'Storekeepers' 2
'Asst. Librarian' 1
'Asst. Security Guard' 1
'Messenger/Driver' 2
'Housekeeper' 2
'Asst. Housekeeper' 1
'Cleaners' 14
'Watchmen' 4
Dawn il-ħaddiema huma kollha impjegati tal-'White Rocks Holiday Complex' iżda jaħdmu fl-Istitut. Il-kuntratt tagħhom huwa għal xahar li jiġġedded minn xahar għal xahar.
Hemm ħaddiem wieħed li huwa 'Works Technical Officer' misluf mill-Universita' ta' Malta.
Hemm skrivan wieħed fuq bażi każwali li għandu iktar minn 61 sena.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti ta' żieda imminenti fir-rata tal-VAT fuq is-settur turistiku?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-Onor Membru, li fi żmienu kopra l-kariga ta' Ministru tal-Finanzi, żgur japprezza li miżuri fiskali, jekk ikun hemm, normalment jitħabbru fil-'Budget Speech'.
Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jagħti dettalji dwar ir-remunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra mogħtija liċ-Chairman ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Kif żgur jaf l-Onor Kap ta' l-Oppożizzjoni l-kariga ta' 'Chairman' tal-'Malta Tourism Authority' hi waħda 'part time' u klassifikata A fl-iskala uffiċċjali. Għalhekk iċ-'Chairman' tal-'M.T.A.' jitħallas onorarju ta' Lm7,000 fis-sena. Għandu wkoll għad-dispożizzjoni tiegħu karozza uffiċċjali bi 'driver' u l-użu tat-telefon tad-dar u ta' 'mobile' mingħajr ħlas.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il uffiċċju għandha l-Awtorita' tat-Turiżmu barra minn Malta, kemm hemm impjegati jaħdmu hemm u kemm flus intnefqu f'dawn fis-snin 1996, 1997 u 1998 mill-NTOM?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 10147, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx rapport lill-ministeru tiegħu dwar il-fatt li ħwienet tas-souvenirs fl-Imdina qed ikollhom ibiegħu bl-għoli għaliex iridu jagħtu kummissjoni lil gwidi skond kif kiteb l-Onor.Edwin Vassallo fil-"Il-Mument" tat-3 ta'Ottubru?
Jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li sallum ma saru ebda rapporti uffiċjali lill-Ministeru tiegħi dwar l-ilmenti msemmija fil-mistoqsija tal-Onor Membru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent għandu ngaġġat mal-ministeru tiegħu u kemm jitħallsu dawn il-konsulenti individwalment?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninfurma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru għandu tlett konsulenti kuntrattati miegħu. Dawn jitħallsu Lm5,849, Lm5,014 u Lm4,192 fis-sena rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fuq il-website tal-Malta Tourism Authority għadhom jidhru il-figuri ta' l-1997 bħala l-aħħar figuri ippubblikati?
Response (REFALO, MICHAEL)
Filwaqt li nirringrazzja lill-Onor Interpellant li attirali l-attenzjoni għal dan in-nuqqas ġejt infurmat mill-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta li hu fatt li bi żvista għadha tidher l-istatistika ta' l-1997 u li qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex dawn jiġu aġġornati.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bin-numru ta' studenti barranin li ġew Malta biex jitgħallmu l-lingwa ta' l-Ingliż bejn l-1 ta' Mejju u t-30 ta' Settembru, 1999?
Kemm minn dawn l-istudenti għażlu l-akkomodazzjoni ma' host families?
Kemm hemm familji li għandhom il-liċenzja meħtieġa biex jakkomodaw lil dawn l-istudenti?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li ma tinżammx statistika dwar it-tagħrif mitlub fl-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija tal-Onor Membru. Madankollu minn 'survey' li sar mill-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta joħroġ li madwar 30,000 student jiġu Malta kull sena biex jitgħallmu l-Ingliż. Skond l-istess 'survey' madwar 57% minnhom joqgħodu għand 'host families'.
Ninsab infurmat li hemm madwar 950 familja liċenzjata biex jakkomodaw barranin għandhom.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 10459, jista' l-Ministru jgħid il-membri fuq l-Embellishment Committee lil min jirrappreżentaw, kull persuna separatament?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li l-membri fuq l-'Embellishment Committees' baqgħu jirrappreżentaw lil min kien innominahom fl-ewwel lok. Kif diġa' għidt fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 10459, dawn huma l-istess nies li qabel kienu membri ta' l-'Action Committees'. Jekk l-Onor Membru jixtieq ikollu aktar tagħrif nistiednu jirriferi lill-kollega tiegħi l-Ministru għall-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas f'arretrati l-persuna li ismu qed jintbagħat separatament u minn meta sa meta huma dawn l-arretrati?
Response (REFALO, MICHAEL)
Kif diġa' weġibt fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 8612, il-kuntratt mal-persuna konċernata ġie ffirmat fid-9 ta' Lulju 1999 b'effett mill-5 ta' Frar 1999 meta fil-fatt beda jaħdem fil-Ministeru.
Jien infurmat li b'kollox fix-xahar ta' Lulju tħallas b'kollox Lm3,672.08, li minnhom Lm3,029.26 f'arretrati skond it-termini tal-kuntratt li jsir ma' persuni li jaħdmu f'Segretarjati Ministerjali kif approvati mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li kopja tagħhom tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jinvestiga allegazzjonijiet rigward persuna li taħdem mas-sezzjoni tal-beach cleaners, li isimha qed jintbagħat separatament, peress li minn informazzjoni li għandi din il-persuni waqt il-ħin li suppost tkun fuq il-post tax-xogħol, minflok qiegħda tkun ta' kuljum taħdem ġewwa l-kċina ta' lukanda partikolari fil-Qawra, li isimha qiegħed nibgħatu wkoll separatament?
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul dawn l-aħħar sitt xhur din il-persuna kienx fuq unpaid leave jew sarlux tnaqqis mis-salarju tiegħu? Jekk sar tnaqqis mis-salarju tiegħu, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li minn stħarriġ li sar u mid-dikjarazzjonijiet miġbura ma jirriżultax li l-allegazzjonijiet fir-rigward tal-persuna konċernata ġew pruvati. Madankollu jekk l-Onor Membru jipprovdi l-ismijiet u l-indirizzi ta' xhieda li jsostnu l-allegazzjonijiet lest nagħti struzzjonijiet biex il-każ jiġi mistħarreġ mill-ġdid.
Ma jirriżultax li din il-persuna ħadet 'unpaid leave' tul il-perijodu msemmi u anqas ma sarilha tnaqqis mis-salarju tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru żammx in-negozjanti li kellu fuq Action Committee li jieħdu ħsieb l-upgrading ta' l-areas turistiċi?
Jekk fl-affermattiv, min hu r-rappreżentant fuq l-Action Committee ta' Buġibba, tas-South u ta' San Ġiljan/Tas-Sliema?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-'Action Committees' li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant kienu nkorporati fl-'Embellishment Committees' li twaqqfu mill-Ministeru għall-Ambjent biex jippjanaw, jiddisinjaw u jesegwixxu proġetti ta' 'embellishment'.
Jien infurmat li l-persuni li qabel kienu fl-'Action Committees' u issa huma fl-'Embellishment Committees' huma:
'St Julian's Embellishment Committee': is-Sinjuri Peter Bonello, David Camilleri, Paul Camilleri, Philip Fenech, Patrick Grixti, George Micallef u Edwin Mintoff.
'South Embellishment Committee': is-Sindki ta' Birżebbuġa, Marsaskala u Marsaxlokk.
'Sliema Embellishment Committee': is-Sinjuri Joe Bondin, Albert Bonello du Puis, Vincent Camilleri, Anthony Chircop, Patrick Grixti, George Micallef, Joe Preca, George Schembri u Julian Zammit.
'Buġibba Embellishment Committee': is-Sinjuri George Micallef u Winston Zahra, u s-Sindku ta' San Pawl il-Baħar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilaħħaq l-ammont ta' sigħat vacation leave li ħadu l-ħaddiema, mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn, fil-Ministeru, fid-dipartimenti u f'kull entita' li b'xi mod taqa' taħt id-dekasteru tiegħu separatament?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-Onor Membru żgur japprezza li biex jinkiseb it-tagħrif mitlub f'din il-Mistoqsija kif ukoll f'Mistoqsijiet Numri 9101, 9102, 9103, 9105 u 9106 jintilef ħafna ħin prezzjuż li jista' jiġi utilizzat b'mod ferm aktar produttiv mill-impjegati tal-gvern. Jekk l-Onor Membru jinfurmani bl-utilita' tat-tagħrif mitlub minnu jien nagħmel mezz biex niġbor l-informazzjoni u nagħti tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilaħħaq l-ammont ta' sigħat sick leave li ħadu l-ħaddiema mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn, fil-Ministeru, fid-dipartimenti u f'kull entita' li b'xi mod taqa' taħt id-dekasteru tiegħu separatament?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-Onor Membru żgur japprezza li biex jinkiseb it-tagħrif mitlub f'din il-Mistoqsija kif ukoll f'Mistoqsijiet Numri 9101, 9102, 9103, 9104 u 9106 jintilef ħafna ħin prezzjuż li jista' jiġi utilizzat b'mod ferm aktar produttiv mill-impjegati tal-gvern. Jekk l-Onor Membru jinfurmani bl-utilita' tat-tagħrif mitlub minnu jien nagħmel mezz biex niġbor l-informazzjoni u nagħti tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tlaħħaq l-ispiża ta' l-overtime għal ħaddiema mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn fil-ministeru, fid-dipartimenti u f'kull entita' li b'xi mod taqa' taħt id-dekasteru tiegħu separatament?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-Onor Membru żgur japprezza li biex jinkiseb it-tagħrif mitlub f'din il-Mistoqsija kif ukoll f'Mistoqsijiet Numri 9101, 9102, 9103, 9104 u 9105 jintilef ħafna ħin prezzjuż li jista' jiġi utilizzat b'mod ferm aktar produttiv mill-impjegati tal-gvern. Jekk l-Onor Membru jinfurmani bl-utilita' tat-tagħrif mitlub minnu jien nagħmel mezz biex niġbor l-informazzjoni u nagħti tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tlaħħaq l-ispiża ta' telefonati mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn fuq linja tat-telephone linja b'linja fil-Ministeru, fid-dipartimenti u f'kull entita' li b'xi mod taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba li tajtu fis-Seduta 157 għall-Mistoqsija tiegħu 9098.