Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti hux se jagħti l-appoġġ tiegħu għal kandidatura ta' l-ex-kummissarju Ewropew Pascal Lamy għal direttur ġenerali tad-WTO?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Gvern Malti qed jagħti appoġġ lill-kandidatura ta' Pascal Lamy għall-pożizzjoni ta' direttur ġenerali tad-WTO.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-Prof. L Briguglio ġiex nominat mill-Gvern Malti bħala lead author għall-rapport mill-inter-governmental panel on climate change? X'funding arrangements se jsiru għal dan l-eżerċizzju?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nikkonferma li l-Gvern Malti nnomina lill-Professur Lino Briguglio bħala Lead Author għar-raba' rapport ta' l-Inter-Governmental Panel on Climate Change. L-ispejjeż qed jitħallsu parti mill-IPCC u parti mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi fil-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi hemm jaħdmu 25 persuna li għandhom aktar minn 61 sena li 9 minnhom huma part-time. Dawn il-persuni huma kollha Ambaxxaturi residenti jew mhux residenti.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba dwar dawn il-persuni.
Jista' il-Ministru jgħid x'reazzjoni kien hemm fi ħdan l-istrutturi ta' l-Unjoni Ewropea, inkluż l-ambaxxaturi akkreditati għall-Unjoni, dwar il-UNSG report of the high level panel on UN Reform? Kien hemm xi riżervi dwar xi setturi jew opsma speċifiċi?
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi bejn Jannar 2003 u Diċembru 2004? Min huma l-persuni li huma intitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom? Kemm huwa l-ammont ta' ħlas li dawn huma intitolati għalih kull xahar?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar 2003 u Diċembru 2004 tħallas l-ammont ta' LM53,657.39 f'kontijiet tat-telefon ta' residenzi ta' uffiċċjali governattivi.
F'dan il-perijodu l-uffiċċjali tal-Ministeri li kienu ntitolati għal ħlas tat-telefons privat b'xejn fir-residenza huma l-Ministri, dawk membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministri li huma ntitolati skond il-kundizzjonijiet tal-membri tas-Segretarjat, is-Segretarji Permanenti, d-Diretturi li għandhom performance agreement, l-Ambxxaturi residenti barra minn Malta, l-Kap tal-Protokoll u konsulent wieħed. L-istaff l-ieħor Malti fl-Ambaxxati tagħna barra minn Malta jitħallsilhom 20% tal-kont tat-telefon.
Ma hemmx limitu ta' ammont li jitħallas kull xahar.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' relazzjonijiet diplomatiċi għandha Malta mas-Somalja, Congo, eċċ. (pajjiżi msemmija)? Jista' jgħid jekk qattx saru kuntatti diplomatiċi ma' dawn il-pajjiżi biex immigranti klandestini ta' nazzjonalita' ta' dawn il-pajjiżi jiġu ripatrijati lura?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Malta m'għandiex relazzjonijiet diplomatiċi mas-Somalja u mal-Kongo. Filwaqt li għad hemm diffikultajiet dwar kuntatti mas-Somalja, fejn għal żmien twil lanqas kien hemm Gvern Ċentrali. Issa li spiċċat il-gwerra, il Ministeru qed jikkonsidra li jagħmel kuntatt mal-Kongo fuq din il-materja.
Jista' il-Ministru jagħti raġuni għaliex Malta għad m'għandhiex ftehim mal-Libja, simili għall-ftehim bejn il-Libja u l-Italja, biex jintbagħtu lura immigranti illegali li jkun stabiliti li telqu mil-Libja?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Libja qed tistudja abbozz ta' ftehim sottomess minn Malta fuq din il-materja.
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru impjegati tal-gvern jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu li huma fil-grad ta' executive officer jew grad inqas, jew li għandhom salarju fi skala 14 jew inqas bejn Jannar 2003 sa Ottubru 2004? Fejn marru? Min awtorizza l-imsemmija safra?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi fil-Ministeru u fid-dekasteru li jaqgħu taħti kien hemm tlett uffiċjali li għandhom is-salarju fi skala 14 jew anqas li bejn Jannar 2003 sa Ottubru 2004 siefru f’Bukarest, Dublin, Brussel, Strasburgu, Ateni u Karkovja. Is-safar tagħhom kien awtorizzat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin.
Tista' titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja bl-Ingliż tad-diskorsi li saru mill-President Malti u dak tar-Repubblika Ċeka waqt l-ikla jew l-ikliet statali li saru?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja bl-Ingliż tad-diskorsi li saru mill-President Malti u dak tar-Repubblika Ċeka waqt l-ikla statali.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-rwol u l-feedback li kellu l-kap ta' l-economic department tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fiż-żjara riċenti Presidenzjali fir-Repubblika Ċeka?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Kap ta' dan id-Dipartiment flimkien mal-persuni l-oħra assenjati fl-istess Dipartiment assistew fil-preparazzjonijiet meħtieġa għal din iż-żjara.
L-Onorevoli Interpellant japprezza li l-kompitu tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin huwa li "jiftaħ it-triq", u li jagħti kull assistenza oħra lill-komunita' kummerċjali Maltija biex jiffaċilita l-kummerċ. Dan kien l-iskop ta' l-assistenza li ngħatat għaż-żjara Presidenzjali. Il-"follow-up" għalhekk irid isir mill-Malta Enterprise u mis-settur privat, u meta jkun il-każ, dan jaqa' taħt il-kompetenza ta' Ministeri oħrajn.
Billi tħabbar li se jkun hemm erba' ambaxxaturi ġodda f'postings barra minn Malta, jista' il-Ministru jgħid x'kontroll se jkun hemm fuq ir-refurbishment costs li jistgħu jsiru mill-ambaxxaturi u l-familjari tagħhom?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Kull talba għal refurbishment ta' Ambaxxati jew residenzi uffiċċjali trid issir fuq talba ta' l-Ambaxxatur jew Ambaxxatriċi u trid tiġi approvata mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru jew minn uffiċjal delegat minnha, fil-parametri tal-vot allokat lill-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema dipartimenti fil-ministeru tiegħu saret l-għażla ta' Green Leaders?
Saret sejħa għall-applikazzjonijiet fid-dipartimenti konċernati?
Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Kemm se jitħallsu ta' dan ix-xogħol?
Hemm xi allowances marbuta ma' din il-pożizzjoni?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Green Leaders ġew nominati mis-Segretarju Permanenti wara li ntalbu mis-Segretarju Prinċipali Ewlieni fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.
M'hemm l-ebda ħlas jew allownaces marbuta ma' dan l-inkarigu.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-apparat tal-Voice of the Mediterranean? Għadu kollu fil-post? Jekk le, kif u fejn spiċċa u taħt liema kondizzjonijiet?
L-istaff tal-ministeru ġew mitluba jixhdu mill-Awditur Ġenerali f'dan il-każ? Jekk iva, min huma?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-apparat tar-Radju Voice of the Mediterranean għadu f'postu.
Is-Segretarju Permanenti preċedenti u d-Direttur Servizzi Korporattivi kienu ġew imsejħa mill-Awditur Ġenerali sabiex jagħtu informazzjoni dwar il-VOM.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7294 u cioe' ikun daqstant ġentili u jelenka dawk il-European Agencies ta' l-Unjoni Ewropea li t-twaqqif tagħhom għadu fil-pipeline?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-Aġenziji Regolatorji li qegħdin fil-proċess li jitwaqqfu wara li ġiet addotata l-leġiżlazzjoni Ewropea li twaqqafhom huma:
- European Centre for Disease Prevention Control
- European Railway Agency
- European Chemicals Agency
- European Agency for the Management of Operational Cooperation at the External Borders of the Member States of the European Union
- Executive Agency for the Programme on Public Health
Aġenziji Regolatorji oħra li huma proposti huma:
- Community Fisheries Control Agency
- Human Rights Agency
Entitajiet oħra ta' l-Unjoni Ewropea li huma proposti huma dwar:
- L-Immigrazzjoni
- Ir-Riċerka
- L-Edukazzjoni u l-Kultura
B'riferenza għall-ambaxxata Maltija fl-Ungerija li mistennija tingħalaq fl-ewwel nofs ta' din is-sena, jista' il-Ministru jikkonferma jekk fl-aħħar xhur inxtratx karozza ġdida mill-ambaxxata u jekk iva, meta? B'liema prezz inxtrat u ta' liema tip hi? Sar xi refurbishment fl-istess fond flimkien ma' spejjeż oħra anċillari?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Inxtrat karozza BMW 520i għall-Ambaxxata ta' Budapest f'Ġunju 2004.
Il-prezz tal-karozza, wara li nġab il-permess tal-Ministeru tal-Finanzi, kien ta' €31,050. Din il-karozza issa ser tintuża f'xi Ambaxxata oħra skond il-bżonn.
Ma sar l-ebda refurbishment.
Jista' il-Ministru jikkonferma, sakemm dan ma jkunx ta' xi preġudizzju għall-ħidma diplomatika Maltija, li f'Mejju tas-sena 2005 huwa probabbli ferm li ssir żjara statali f'Malta mill-President Taljan Carlo Azeglio Ciampi?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Huwa ppjanat li l-President Taljan iżur Malta fl-ewwel nofs ta' din is-sena.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni li pajjiżna tilef il-marġini tal-kompetittivita' fost ħafna pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropa u għall-fatt li pajjiżna spiċċa meqjus bħala l-aktar wieħed fejn il-ħajja ta' kuljum għoliet, jista' il-Ministru jikkunsidra l-possibbilta' li tintalab deroga lill-Unjoni Ewropa sabiex l-importazzjoni tal-materja prima ta' l-ikel u x-xorb li pajjiżna ma jistax jipproduċi tkun eżentata mid-dazji, tariffi u kwota imposti mill-ewwel ta' Mejju?
Billi kawża ta' dawn id-dazji, tariffi u kwoti pajjiżna spiċċa biex minn but jiffranka lira u mill-ieħor jeħel ħamsa u aktar, jista' il-Ministru jara li din l-anomalija tiġi rimedjata immedjatament?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat billi materji bħal dawn huma responsabbilta' tal-"line Ministry" individwalment konċernati.