Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm familji li llum għandhom liċenzja biex iżommu studenti barranin? Jista' jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' familji li sa llum għandhom il-liċenzja li jżommu studenti barranin hu ta 1,136. Dawn il-familji ġejjin minn tmienja u tletin (38)-il lokalita' kif jidher hawn:
Attard, Balzan, Birkirkara, Buġibba, Fgura, Għarb, Gwardamangia, Gżira, Ħamrun, Iklin, Kerċem, Lija, Marsascala, Mellieħa, Mosta, Msida, Mtarfa, Munxar, Nadur, Naxxar, Pembroke, Pieta', Qawra, Qormi, Rabat (Malta), Rabat (Għawdex), San Ġwann, Siġġiewi, Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Swieqi, Ta' Xbiex, Tarxien, Valletta, Xlendi u Żebbuġ (Malta).
Jista' il-Ministru jgħid jekk kull familja li tapplika għal liċenzja biex iżżomm studenti barranin tiġix spezzjonata minn uffiċjali tad-dipartiment? X'rekwiżiti jrid ikollhom? Kemm kien hemm familji li ma ġewx aċċettati din is-sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li kull familja li tapplika tkun diġa ġiet spezzjonata mill-iskola li se tagħtiha l-istudenti. Minn naħa l-oħra l-Ispettorat ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu jagħmel diversi spezzjonijiet mingħajr avviż.
Ir-rekwiżiti tal-familji huma dawk imsemmija fil-liġi tal- Malta Travel & Tourism Services Act (Cap 409).
Sa llum ma ġietx aċċettata applikazzjoni waħda.
Jista' il-Ministru jgħid jekk teżistix xi tariffa minima dwar kemm għandhom jitħallsu l-familji għal kull student barrani li jżommu, jew kull skola tista' tinnegozja hi mal-familja konċernata?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ma teżisti l-ebda tariffa ta' kemm jitħallsu l-familji li jżommu studenti barranin. Kull skola tinnegozja mal-familja konċernata.
Jista' il-Ministru jindaga dwar x'inhu jiġri fir-rigward tal-parking diżorganizzat fuq ix-xtajta tal-Ġnejna? Jista' jara jekk hijiex qed issir forma ta' illegalita' u jekk mhux il-każ, jara li l-parking isir b'mod aktar organizzat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lil-Onor. interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk persuna li qiegħda teżerċita negozju li jikkonsisti fil-kiri ta' deckchairs u umbrelel fejn il-baħar, din għandhiex bżonn ta' permess mill-awtorita' tat-turiżmu u mill-kummissarju ta' l-artijiet? Il-liċenzja tat-Trade hija biżżejjed għal eżerċitar ta' dan in-negozju?
Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet flus il-manutenzjoni kollha tal-vetturi tal-gvern ta' l-uffiċjali fi skala 4 sa skala 1 fil-ministeru, id-dekasteru u l-enti tiegħu, vettura b'vettura separatament bejn Ottubru 2005 sa Diċembru 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni tal-vetturi tal-gvern ta' l-uffiċjali fi skala 4 sa skala 1 tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-enti li jaqgħu taħtu tammonta għal kif ġej:
Vettura
Ottubru sa Dicembru 2005
Jannar 2006 sal-lum
CBN 323
-
Lm 24.28
ABH 672
-
Lm 246.85
EBH 831
-
Lm 302.66
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru għandux proprjeta' mikrija għal xi tip ta' użu, kemm għall-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu, kemm qiegħda titħallas kera fix-xahar minn fondi pubbliċi għal kull proprjeta' separatament? Jista' jgħid fejn jinsabu dawn il-proprjetajiet mikrija separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm call for applications sabiex jiġu mpjegati nies minn redeployment li kien għaddej fi ħdan l-istrutturi tal-gvern fil-ministeru, id-dekasteru jew enti tiegħu bejn Ottubru 2005 sal-lum? Jista' jgħid x'karigi kien hemm vakanti, kif ġew magħżula l-applikanti, jekk hux b'eżami, fuq bażi ta' kwalifiki jew b'interview? F'każ li saru interviews, jista' jgħid jekk il-membri ta' l-interviewing board kienx magħmul minn nies mill-istess ministeru/dekasteru u f'każ li fl-affermattiv, xi skala kienu dawk li tpoġġew f'dawn il-bordijiet ta' l-intervisti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bejn Ottubru 2005 sal-lum Heritage Malta ħarġet 14-il sejħa għall-applikazzjonijiet taħt l-iskema ta’ redeployment. Dawn kienu jikkonċernaw karigi vakanti fil-gradi ta’ Senior Conservators, Manager Diagnostic Science Labs, Manager Documentation, Manager Business Development, Senior Curator (Ethnography and Natural History) Conservators, Scientists, Head Librarian, Communications Executive, Finance Executive, Procurement Executive, IT Executive, Junior Documentalist u Skilled Tradesman (Elect).
Il-proċess ta’ għazla f’kull każ jinvolvi intervisti lil dawk l-applikanti li jkollhom il-kwalifiki meħtiega skond is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-vacancy partikolari. L-intervisti li saru kollha saru minn persuni minn Heritage Malta li qegħdin fi gradi maniġerjali tad-dipartiment li fih ikun hemm il-vacancy partikolari u minn persuni mid-Dipartiment għar-Riżorsi Umani ta’ l-Aġenzija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru uffiċjali tal-gvern fi skala 14, 15 jew 16 fuq xogħol tal-gvern matul l-2005 u minn Jannar ta' l-2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid kemm qamet flus kull safra, kemm damet iljieli, x'kienet id-destinazzjoni, xi skala kienu l-uffiċjali u x'kienet ir-raġuni tas-safra separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet kull safra (spejjeż kollha inklużi) li saret matul l-2005 u minn Jannar 2006 sal-lum fejn kien involut il-Ministru separatament safra b'safra, meta sar dan is-safar, kemm damu ljieli, x'kienet id-destinazzjoni, min kienu l-uffiċjali li akkumpanjaw lill-Ministru u x'kariga għandhom? Jista' jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom f'kull safra separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19705 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk il-kiosks li jarmaw fil-bajjiet tagħna humiex obbligati bil-liġi li jinġiebu fil-post filgħodu u jitneħħew filgħaxija għax ma jeżistux fixed kiosks?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onor interpellant li l-Awtorita' tat-Turiżmu toħroġ liċenzji ta' fixed kiosks u ta' mobile kiosks on a fixed site. Dawn il-liċenzji joħorġu wara li d-Dipartiment tal-Artijiet fil-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern ikun ħareġ permess lill-applikant liema permess jesiġi li l-applikant jobdi ċertu kundizzjonijiet.
Fil-każ ta' mobile kiosks on a fixed site id-Dipartiment tal-Artijiet jistipula perijodu matul is-sena meta l-permess ikun validu u li f'għeluq dan il-perijodu il-mobile kiosk irid jitneħħa u l-art trid tiġi restawrata għall-istat oriġinali. Dan ma jgħoddx fil-każ ta' permess ta' fixed kiosk li l-art tingħata mid-Dipartiment ta' l-Artijiet fuq is-sistema ta' encroachment.
Liċenzja ta' mobile kiosk jew kif inhu magħruf aħjar bħala hawker toħroġ mid-Diviżjoni tal-Kummerċ fil-Ministru għall-Kompetittivita u l-Kommunikazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru, dipartimenti jew enti li jaqgħu taħtu għandhomx xi tip ta' proprjeta' li mhix qiegħda tintuża għal xi raġuni? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li din il-proprjeta' mhix tintuża u fejn tinsab?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u d-dipartimenti jew enti li jaqaw taħtu ma għandom l-ebda proprjeta' li mhix qiegħda tintuża.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18787, jista' il-Ministru jirrapporta xi progress sar dwar il-portal nazzjonali mindu wieġeb din il-mistoqisja iżjed minn xahar ilu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol preparatorju fuq is-sejħa għall-offerti tlesta. Għalhekk hu mistenni li sejħa għall-offerti tinħareġ fi żmien qasir.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19516 u jgħid b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari preċedenti dwar ħinijiet li fihom postijiet liċenzjati ta' divertiment jistgħu jdoqqu mużika, jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-liġi tobbligax lil min idoqq il-mużika bejn id-9 00 a.m. u l-4 00 a.m. biex ikollu l-premises tiegħu sound proof inkella jridx idoqq il-mużika tiegħu b'mod li ma tinstemax minn barra għax inkella jekk le, ifisser li r-residenti ta' l-inħawi jkunu jistgħu jistrieħu biss wara l-4 00.a.m. meta jkun kważi sar il-ħin biex iqumu għax-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-liġi tobbliga lill-operaturi ta' postijiet ta' divertiment li jdoqqu l-mużika b'mod li ma tinstemax minn barra wara l-11.00 pm f'kull parti ta' Malta u Għawdex ħlief għal xi lokalitajiet ta' divertiment elenkati fl-Avviż Legali fejn il-mużika ma tistax tinstema minn barra wara s-1.00 am.
Minbarra dan kull persuna hi mħarsa permezz tal-Kodiċi kriminali (kapitlu 9) kontra nkonvenjent fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata.
Jista' il-Ministru jgħid fir-rigward tal-ħaddiema tal-gvern, kemm jekk professjonisti u kemm jekk mhux: a) kemm hemm minn dawn il-ħaddiema li jaħdmu abbażi ta' kuntratt definit mal-gvern fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu u min huma? b) kemm minn dawn il-ħaddiema tal-gvern fi ħdan l-istess dekasteru ilhom jaħdmu fuq din il-bażi għal aktar minn erbgħa snin? min huma dawn il-ħaddiema tal-gvern u f'liema dipartiment, sezzjoni, eċċ jaħdmu? xi grad ta' xogħol, kariga jew professjoni jaħdmu; u skond liema scale qegħdin jitħallsu u min huma dawk li għandhom grad sostantiv u min huma dawk li m'għandhomx;? c) ipoġġi fuq il-medja tal-Kamra kampjun ta' kull tip ta' kuntratt definit illi bih il-gvern impjega lil dawn il-ħaddiema fuq bażi definita fis-snin 2000-2006?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid xi skop għandu d-dipartiment tat-turiżmu meta għal dawn l-aħħar snin għandna l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu? Jista' jgħid ukoll min huwa d-direttur tad-dipartiment tat-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ġiet imwaqqfa bl-iskop li tippromovi lil Malta, ttejjeb il-prodott turistiku, u tinforza l-istandards fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni, ikel u divertiment.
Id-Dipartiment tat-Turiżmu u Servizzi Korporattivi, għandu l-funzjonijiet kif ġej:
- li jagħti parir u jirrikmanda modi ta’ żvilupp u titjib fl-industrija lill-Ministru u lis-Segretarju Permanenti,
- li jżomm relazzjoni tajba ma għaqdiet li jgħinu lil Malta tiżviluppa t-turiżmu u jokkupa l-kariga ta' Deputy Permanent Representative għall- UNWTO
- li jmexxi l-proċess ta’ preparamenti ta’ business plans tad-dipartiment, kif ukoll tal-entitajiet kollha li jaqgħu fid-dikasterju u li jara’ li l-miri finanzjarji jintlaħqu,
- proċessar ta’ pagamenti,
- li jmexxi l-implimentazzjoni ta’ riformi relevanti tas-servizz pubbliku, fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura,
- li jassigura li l-inizjattivi u d-direttivi tal-Management and Personnel Office jiġu esegwiti fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt ir-risponsabbilta’ tal-Ministeru,
- jimmaniġġa r-Risorsi Umani tal-Ministeru,
- li jwessa’ l-ħiliet ta’ l-impjegati permezz ta’ taħriġ,
- biex jiffaċilita’ l-funzjonijiet ta’ Internal Audit Unit,
- tindif tax-xtut,
- organizzar ta’ avvenimenti.
Id-Direttur tad-Dipartiment għat-Turiżmu u Servizzi Korporattivi huwa s-Sur Francis Albani.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19354 dwar in-nefqa marbuta mal-parteċipazzjoni ta' pajjiżna fil-Eurovision Song Festival?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-nefqa marbuta mal-parteċipazzjoni ta' Malta fil-Eurovision Song Festival kienet kif ġej:
Promozzjoni tad-diska barra 9,484.56
Materjal promozzjonali 1,942.57
Parteċipazzjoni fil-Eurovison f'Ateni 11,892.50
Żeffiena, korjografista u artisti barranin 12,212.54
Laqgħa tal-kapitajiet tad-delegazzjoni 1,044.19
Video 2,025.00
Spejjeż oħra 1,054.36
Total 39,655.72
Id-delegazzjoni Maltija li telgħet Ateni u li ġiet magħżula mill-Maltasong Bord kienet komposta minn 12-il persuna, inklużi l-kantant u l-kompozitur.
Ir-rwoll ta’ dawn l-ufficcjali kien kif gej :
1. Fabrizio Faniello – kantant
2. Aldo Spiteri – Kompożitur (tħallsu flight u taxxa)
3. Robert Abela – Head of Delegation (parti mill- flight u taxxa imħallsa minnu personali)
4. John Demanuele – Assistant Head of Delegation u ko-ordinatur tekniku mad-DiretturArtistiku Alex Panya
5. Nadette Bugeja – Head of Press
6. Anton Miceli – Executive Secretary Malta Song Board u ko-ordinatur għall-affarijiet kollha amministrattivi konessi
7. Martin Gauci – Executive Officer Malta Council for Culture and the Arts u ko-ordinatur għall-affarijiet kollha amministrattivi konessi
8. Joseph Dalmas – Delegation u ko-ordinatur għall-attivitajiet kollha konessi mal-kantant
9. Frans Fenech – Delegat u konsulent
10. Marbeck Spiteri – Delegation u ko-ordinatur għall-attivitajiet kollha konnessi mal-korjografista u ż-żeffiena
11. Mike Spiteri – Delegation u ko-ordinatur għall-attivitajiet kollha konessi mal-kantant
12. Moyra Felice – TV Director (tħallsu biss spejjeż tat-taxxi fuq il-flight) ko-ordinatriċi konnessa mal-aspett viżiv u l-produzzjoni viżiiva ma’ l-istazzjon televiżiv responsabbli ERT.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip huma l-karozzi uffiċjali tiegħu? Dawn il-karozzi nkrew jew inxtraw, u jekk inxtraw meta nxtraw u kemm tħallsu flus għalihom?
X'inhu n-numru uffiċjali u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozzi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-karozzi uffiċjali tal-Ministru għat-Turiżmu u Kultura huma BMW 528i li nxtrat fis-sena 2000 għall-ammont ta' Lm 13,370 u Volvo 460 li nxtrat għall-ammont ta' Lm 8,500 fl-1996.
B'riferenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onor. interpellant huwa mitlub jindika x'relevanza għandha dil-parti tal-mistoqsija.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19186 u jgħid matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kemm kienet l-ispiża tas-safar tal-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ispiża tas-safar matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu kienet kif ġej:
Dipartiment/Enti
Ammont (Lm)
Ministeru u Dipartiment
14,975.81
*
Awtorita' tat-Turiżmu
52,462.21
Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti
23,341.00
Ċentru għall-Kreativita' ta' San Ġakbu
331.00
Dar il-Mediterran għall-Konferenzi
1,472.00
Teatru Manoel
300.00
Orkestra Nazzjonali
0.00
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali
0.00
Heritage Malta
4,371.00
**
Total
97,253.02
* minn din iċ-ċifra irid jitnaqqas l-ammont ta' Lm 2, 401.25 li jirrapreżenta flus li jingħataw lura mill-Unjoni Ewropeja fuq il-prezz tal-biljett ta' l-ajru tas-safar relatat mal-Kummissjoni jew Kunsill Ewropej.
** Lm 1,309 mħallsa mill-fondi tal- Unjoni Ewropeja.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16294, jista; il-Ministru jgħid għalfejn ix-xogħlijiet li kienu bdew fuq iċ-ċimiterju hekk kif indikat minnu reġgħu waqfu u jekk hemmx ħjiel jekk jistgħux jitkomplew mill-aktar fis, peress li qed joħolqu inkonvenjent kbir għall-pubbliku ta' l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li l-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' qabbad nies kompetenti fl-Arkeoloġija biex jagħmlu xogħlijiet ta' dokumentazzjoni fis-sit taċ-Ċimiterju ta' Santa Margerita, ir-Rabat.
Skond l-informazzjoni mogħtija dawn ix-xogħlijiet arkeoloġiċi għandhom jibdew fi żmien qarib.
Waqt dawn ix-xogħlijiet is-Sovrintendenza se tagħmel moniteraġġ u sorveljanza kif jitlob il-permess maħruġ mill-Awtorita' dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.