Jista' il-Ministru permezz ta' l-Enemalta jinformani fiex wasal il-bini tas-substation biex tiġi msaħħa l-provvista ta' l-Elettriku fi Triq it-Tiben, Wied il-Għajn? Fejn se tinbena jew qed tinbena din is-substation? Meta hu maħsub li tkun lesta din is-substation?
Jista' il-Ministru jara li jissewwa d-dawl li hemm jixgħel u jitfi fit-telgħa tar-Rialto Bormla?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' il-Ministru jgħid x'kontroll qed isir fuq il-piż tal-ħobż meta dan qed jinbiegħ? Kemm isiru inspections u x'passi ttieħdu matul din is-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li minn mindu ġie aġġustat il-prezz tal-ħobż, permezz tal-freephone 120, li huwa t-telefon fejn il-konsumatur iressaq l-ilment tiegħu lid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni, saru għoxrin ilment.
Dawn l-ilmenti ġew mgħoddija lill-Metrology Office li jagħmel parti mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Istandards. Dan l-Uffiċċju għadu kemm ġie imwaqqaf u qed jingħata din il-funzjoni f'dan il-qasam.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħofor ta' l-ilma u ta' spejjer antiki, reġistrati mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, llum f'Malta u Għawdex separatament? Kemm minnhom ġew rrapurtati /reġistrati din is-sena wara li nstabu imħaffra wara rapporti li saru lill-WSC? X'tip ta' ilma qed jitella' mill-ħofor u x'livelli ta' salinita'/kontaminazzjoni ġew reġistrati sal-lum mill-ispezzjonijiet li tagħmel il-WSC?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li n-numru ta' spejjer antiki u boreholes reġistrati mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma huwa kif ġej:
Malta Għawdex
Spejjer antiki (bejn l-1945 u l-1950) 3,016 1,833
Boreholes reġistrati sa Awissu 2002 3,482 1,860
Dawn jinkludu xi spejjer antiki ukoll.
Bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena kien hemm 123 borholes f'Malta u 10 f'Għawdex li ġew reġistrati mal-Korporazzjoni.
Fuq direttiva ta' l-Awtorita' tar-Riżorsi ta' Malta, b'seħħ mill-1 ta' dan ix-xahar, mhux qed tiġi aċċettata ebda reġistrazzjoni oħra ta' boreholes.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma għandha ebda nformazzjoni rigward il-kwalita' ta' l-ilma li qed jittella' minn dawn il-ħofor peress li l-ispezzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni kienu biss intiżi sabiex jikkonfermaw l-eżistenza jew le ta' tali ħofor.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-Gvern Malti ħalla daqstant il-ġibjuni ta' l-ilma abbandunati matul dawn l-aħħar 4 snin? Kemm hija il-ħażna ta' l-ilma li jieħdu dawn il-ġibjuni li tħallew jiddeterjoraw daqstant? Kemm hija n-nefqa meħtieġa sabiex jiġu attivi u riabilitati mill-ġdid?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 34822 waqt is-Seduta numru 783, il-kundizzjoni tal-ġibjuni li jintużaw għall-ilma tat-tisqija jew għal użu sekondarju, tvarja minn wieħed għall-ieħor. Għaldaqstant mhux faċli wieħed jikkwantifika n-nefqa meħtieġa biex issir il-manutenzjoni ta' dawn il-ġibjuni, ukoll meta wieħed iqis li ġibjun ta' l-ilma dejjem ikollu bżonn ta' manutenzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda fil-prezz tal-ħobż lokali matul dawn l-aħħar 4 snin, sena b'sena? X'taħlita ġdida se jibda jkun fih il-ħobż tagħna skond kif tħabbar fuq il-mezzi tax-xandir? Jista' jpoġġi kopji tar-rakkomandazzjonijiet li saru u ntbgħatu lill-furnara sabiex josservaw u jatwaw din it-taħlita ġdida?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-prezz ta' ħobża kbira tal-Malti matul dawn l-aħħar snin żdied kif jidher hawn taħt:
DATA TAŻ-ŻIEDA PREZZ
Marzu 1990 11ċ
Jannar 2000 15ċ
Awissu 2002 16ċ
It-taħlita ġdida tad-dqiq ser tkun ippreparata mill-mitħna li titħan il-qamħ u li fiha ser ikun hemm addittivi li permezz tagħhom għandhom jitjiebu il-konsistenza u l-kwalita' tad-dqiq li jintuża għall-ħobża tal-Malti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jirriżultalux li qed jiġi importat tip ta' diesel li jdaħħan ħafna u joħloq problemi fil-makni tal-karozzi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta qed timporta diesel ta' kwalita' Ewropea magħruf bħala 'EN590'.
Tajjeb jingħad li d-duħħan jista' jkun ikkaġunat minn nuqqas ta' manutenzjoni tal-vettura.
Jista' il-Ministru jgħidilna x'timeframes għandu l-gvern għat-tħejjija u l-ippubblikar tal-pjan nazzjonali ta' żvilupp? X'rwol ser ikollu l-MCESD f'dan kollu?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Onorevoli Interpellant japprezza li t-tfassil ta' Pjan Nazzjonali ta' Żvilupp irid isir b'għaqal u galbu biex jiġi żgurat li l-għajnuna finanzjarja li Malta tkun eliġibbli għaliha bħala parti integrali mill-ftehim li jirregola d-dħul eventwali tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea tintuża bl-aktar mod effettiv.
Il-Pjan Nazzjonali jkun jista' jiġi finalizzat wara li jkun ġie diskuss fl-MCESD. Huwa mistenni li l-Pjan ikun lest fi ftit xhur oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni rappurtati lill-Enemalta u WSC għall-abbużi fuq is-sistema tal-provvista tad-dawl u l-ilma matul din is-sena u fl-aħħar 5 snin, sena b'sena? Kemm minnhom tressqu l-qorti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ma żżomx statistika ta' kemm isiru rapporti dwar allegat serq ta' kurrent elettriku. Dan għaliex tali rapporti jidħlu f'diversi uffiċini tal-Korporazzjoni. In-numru ta' każijiet li l-Korporazzjoni irreferiet lill-pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin kienu dawn:
1997 168
1998 184
1999 167
2000 176
2001 152
2002 122 (sa Ġunju)
Matul l-aħħar ħames snin, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma irċeviet mija u għaxar rapport dwar allegat abbuż fuq is-sistema ta' l-ilma. Dawn kienu mqassmin hekk:
1997 14
1998 20
1999 33
2000 24
2001 9
2002 10 (sa Ġunju)
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-korporazzjoni Enemalta tivverifika biss jekk ċilindri tal-gass ikunu qed jillikjaw meta rapport isir minn min ikun qed juża dak/dawk iċ-ċilindru/i?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kull ċilindru vojt tal-gass li jiġi ritornat mid-distributur, jiġi iċċekkjat viżwalment u dawk li jinstabu f'kundizzjoni mhux aċċettabbli jitwarrbu miċ-ċirkulazzjoni u jiġu skrappjati.
Iċ-ċilindri li jkunu f'kundizzjoni tajba, wara li jimtlew, jgħaddu kollha minn ġo testing tank biex jiġi żgurat li ma hemm ebda leakage. Kull distributur jiffirma dikjarazzjoni li ċ-ċilindri li qed jirċievi huma f'kundizzjoni tajba.
Id-Diviżjoni tal-Gass għandha servizz ta' Customer Service fuq medda ta' erbgħa u għoxrin siegħa biex tivverifika ilmenti li tirċievi mingħand il-konsumatur.
Jista’ il-Ministru jgħid meta l-Malta Enterprise Board se jibda jopera u minn fejn? X’se jiġri mill-ħaddiema li huma impjegati mal-korporazzjonijiet li se jifformaw il-Malta Enterprise Board? X’numru ta’ ħaddiema u xi gradi ta’ dawn il-ħaddiema hemm bżonn biex il-Malta Enterprise Board tibda topera? Hemm xi ħsieb li jiġu mpjegati nies minn barra l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Malta Enterprise Board? X’se jiġri mill-ftehim kollettiv li għandhom dawn il-korporazzjonijiet (MDC, MIMCOL, METCO, eċċ.) u mill-ħaddiema tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Huwa maħsub li, sa l-aħħar ta' din is-sena, tkun inħolqot il-Malta Enterprise bħala aġenzija pubblika li ser tiġbor fiha il-funzjonijiet fil-preżent koperti mill-MDC, METCO u IPSE. Dan sabiex dawn il-funzjonijiet jiġu indirizzati b'mod aktar integrat u għalhekk ukoll b'mod aktar effettiv.
Il-Gvern diġa' ta' l-assikurazzjoni tiegħu li ħadd mill-impjegati preżenti ta' l-MDC, METCO jew IPSE mhu ser jispiċċa mingħajr impjieg. Fil-fatt huwa maħsub li 'l maġġoranza ta' dawn l-impjegati ser jikkostitwixxu l-bażi ta' l-aġenzija l-ġdida (i.e. tal-Malta Enterprise).
Huwa ppjanat li, fil-futur qarib ħafna, jingħataw aktar dettalji dwar dan is-suġġett direttament lill-ħaddiema involuti kif ukoll lill-Unions li jirrappreżentawhom.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari nru. 34328 b'referenza għall-estensjoni tas-servizz ta' l-ilma f'Wied il-Bużbież l/o Rabat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma diġa' ħadet ħsieb li ssewwi l-ħsara li kien hemm fil-mejn ta' l-ilma tar-residenza msemmija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiddawlu s-swar A.M. Valperga, tal-Bieb u tal-Foss fil-Fgura u jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ma jirriżultalhiex li hemm xi talba biex jiddawwlu s-swar imsemmija. Tajjeb jingħad li dawk is-swar li huma mdawwlin ġew mixgħula fuq inizjattiva ta' Valletta Rehabilitation Project u mhux mill-Enemalta.
Jista' il-Ministru jgħid tistax il-Maltacom tieħu ħsieb li jitneħħew wires bla użu f'Naxxar Road San Gwann ħdejn id-dar li l-isem tagħha qed nagħddi separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-ġimgħat li ġejjin il-Maltacom se tagħmel il-manutenzjoni meħtieġa fuq il-cables tat-telefon li hemm ħdejn id-dar li qed issir riferenza għaliha. Uħud mill-cables li deħlin f'żewġ distribution points li hemm fuq din ir-residenza, ser jitpoġġew f'mod aktar ordinat.
Jista’ il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35226: Jista' jgħid kemm daħlu ħaddiema ġodda mal-Maltacom f'dawn l-aħħar 4 snin, sena b'sena, sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar erba' snin tal-Maltacom ġew ingaġġati wieħed u disgħin impjegat ġdid bejn ħaddiema fuq bażi permanenti, dawk fuq bażi temporanja u studenti\trainees. Dawn ġew ingaġġati kif ġej:
SENA BAŻI BAŻI STUDENTI/ TOTAL
PERMANENTI TEMPORANJA TRAINEES
1999 3 4 0 7
2000 4 0 4 8
2001 63 0 7 70
2002 3 3 0 6
TOTAL 73 7 11 91
Tajjeb jingħad li:
1. Mit-63 ħaddiem impjegati fuq bażi permanenti matul l-2001, 62 kienu impresset drivers.
2. Mit-73 ħaddiem impjegati fuq bażi permanenti, 27 temmew l-impjieg tagħhom.
3. Mis-7 ħaddiema impjegati fuq bażi temporanja, 4 temmew l-impjieg. It-3 ħaddiema l-oħra jaħdmu fuq bażi ta' 20 siegħa fil-ġimgħa u l-impjieg tagħhom jista' jiġi terminat f'kull ħin.
4. Fil-każ ta' l-istudenti/trainess, il-kumpanija mhix kommessa li timpjeghom wara li jtemmu l-apprentistat tagħhom.
Peress li l-FOI stqarret li t-tneħħija tal-levies ma ġietx kompensata b’xi għajnuna lill-industrija li topera ġo pajjiżna, jista’ il-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tad-dipartiment biex jagħtu appoġġ lil dawk l-industrija milquta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Huwa fatt li matul dawn l-aħħar erba' snin kważi l-attivita' kollha ta' l-IPSE kienet maħsuba biex tipprovdi assistenza lil dawk il-kumpaniji milquta mit-tneħħija tal-levies. Fil-bidu din l-assistenza kienet indirizzata prinċipalment lejn min jimmanifattura prodotti industrijali. Illum l-iskemi kollha imfassla mill-IPSE ġew estiżi ukoll sabiex minnhom jibbenefikaw azjendi fil-qasam agro-industrijali.
L-operat ta' l-IPSE jinkludi wkoll djalogu kontinwu mal-korpi kostitwiti li huma rappreżentati direttament fuq il-board ta' l-istess IPSE, b'mod li l-assistenza offruta lill-industrija lokali qed tkompli tiġi irfinuta progressivament. B'hekk din l-assistenza tkun dejjem aktar effettiva sabiex twassal għar-ristrutturar meħtieġ u mixtieq.
Tajjeb li wieħed isemmi wkoll li fil-każ ta' l-ipproċessar ta' numru ta' prodotti agro-industrijali, il-produtturi konċernati qed jibbenefikaw minn għajnuna teknika mill-Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd. Huma jikkwalifikaw ukoll għal għajnuna finanzjarja taħt skemi imħabbra mill-istess Ministeru bħala parti minn programm magħruf bħala Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture.
Jista’ il-Ministru jgħid għaliex fl-area ta’ De la Cruz Avenue f’Ħal Qormi qrib il-ġnien u l-monti fejn jaqgħu ħafna nies m’hemmx telephone booth li hu ta’ bżonn kbir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-fatt l-istallazzjoni ta' telefon booth fiz-zona msemmija għandha tkun diskussa bejn il-Kooperattiva Payzone u l-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi.