Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ilma tax-xita

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk b’xi mod hux qed jinġabar l-ilma tax-xita li tkun għamlet biex jintuża aktar tard anke għall-biedja? Jekk iva, x’qed isir? Jekk le, għaliex mhux qed isir xejn biex dan jinġabar u jerġa’ jintuża?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fix-xhur li għaddew it-Taqsima tax-Xogħlijiet ħadmet fuq programm ta’ xogħol ta’ rijabilitazzjoni f’diversi widien bħal Wied Inċita, Wied il-Kbir u Għajn Rihana u permezz ta’ dan tkattar il-ġbir ta’ ilma tax-xita f’inħawi agrikoli. Fil-preżent għaddej xogħol preparattiv fuq proġett partikolari biex jinġabar l-ilma fl-inħawi tal-Mosta, Naxxar, B’Kara, Lija u Attard u hemm il-ħsieb li parti minn dan l-ilma jintuża għall-iskop imsemmi mill-Onor. Interpellant. Saret talba biex dan il-proġett ikun iffinanzjat mill-Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2007-2013.

Binja tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslet it-talba li għamlu r-residenti li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li jgħixu f'binja tal-gvern quddiem id-dipartiment tal-manutenzjoni u kostruzzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jiena nfurmat li l-każ qed jiġi nvestigat u risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Forti Sant'Anġlu

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol programmat għall-Forti Sant'Anġlu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi t-Taqsima tax-Xogħlijiet issottomettiet żewġ applikazzjonijiet lill-Awtorita’ Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar biex jitwaqqgħu strutturi relattivament moderni li ġew vandaliżżati u li jinsabu fi stat ħażin u perikoluż.

Birgu — Triq San Dwardu - Żbroff ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-ilment ġej minn residenti fi Triq San Dwardu, fil-Birgu li qed ikun hemm żbroff ta' drenaġġ fil-wied magħruf bħala Tal-Ħawli?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Marsa — Tiswijiet

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji u opportuni ħalli tiġi rimedjata l-ħsara u ma jibqax joskula l-ilma minn Triq il-Ġerrej/is-Serkin il-Marsa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment ser jiġi investigat u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Fortifikazzjonijiet

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-gvern sabiex iħares il-fortifikazzjonijiet mibnija kemm mill-Ingliżi kif ukoll dawk il-fortifikazzjonijiet mibnija mill-Kavallieri ta’ San Ġwann?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li r-Restoration Unit, fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, tagħmel xogħol kontinwu ta’ restawr, manutenzjoni w tindif fuq is-swar u l-fortifikazzjonijiet kollha li jiġu ddikjarati li qegħdin fi stat ħażin, kif ukoll dawk li jikkostitwixxu periklu għall-pubbliku. Dan ix-xogħol isir skond sistema ta’ prijoritajiet u skond il-mezzi disponibbli. Il-Ministeru qiegħed ukoll jipprepara programm estensiv ta’ restawr u manutenzjoni tas-swar u fortifikazzjonijiet sabiex ikun jista' jitħaddem mill-fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Oil exploration

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal it-tiftix għaż-żejt u xi pjanijiet hemm għall-futur?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fil-mument hawn ħames liċenzji għall-esplorazzjoni taż-żejt, fit-Tramuntana, fil-Lvant , fil-Lbiċ, fin-Nofsinhar u fix-Xlokk ta' Malta. Dawn qegħdin taħt kuntratt magħruf bħala ESA, Exploration Study Agreement. Waqt li tlieta minn dawn għaddejjin bl-istħarriġ tekniku, bħal ġbir ta’ informazzjoni siżmika u studji ġeoloġiċi, it-tnejn l-oħra jinsabu fi stat aktar avvanzat u qegħdin ifittxu kumpaniji sħab biex jinqasam kemm ir-riskju, kif ukoll l-ispejjeż tat-tħaffir tal-bjar. Hekk kif jinstabu kumpaniji nteressati jkun jista’ jibda t-tħaffir. Fil-preżent għaddejjin ukoll diskussjonijiet ma’ pajjiżi ġirien fuq il-qsim tal-blata kontinentali.

Irħam importat miċ-Ċina

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-metru kwadru l-irħam li ġie mportat direttament miċ-Ċina (CIF)? Kif intgħażel dan l-irħam? Ikun fih ħsarat sa ma jitwassal Malta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-prezzijiet CIF li bihom inxtara l-granit miċ-Ċina mit-Taqsima tax-Xogħlijiet huma dawn :- Granit bajdani b’bush hammered finish f’daqs ta’ 400mm x 400mm x 25mm $ 15.63 kull metru kwadru Granit griż b’bush hammered finish f’daqs ta’ 400mm x 200mm x 200mm $ 18.75 kull metru kwadru L-isem tad-ditta sabiex instab supplier ta’ reputazzjoni tajba fiċ-Ċina ġie pprovdut mill-Ambaxxata Ċiniża f’Malta. Mill-pellets li nfetħu sa llum ma nstabet l-ebda ħsara.
Leg 10 PQ #207 Sitting 336 2005-12-12 Written · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura

Importazzjoni tad-Diesel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari W168 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-gvern jilliberalizza l-importazzjoni tad-diesel? Jekk iva, għal meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-importazzjoni tad-diesel fuel ser tiġi liberaliżżata matul l-ewwel kwart tas-sena 2006.

EU — Restawr ta' fortifikazzjonijiet/swar

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux se ssir talba għal fondi mill-Unjoni Ewropea għar-restawr tal-fortifikazzjonijiet u swar Maltin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għandu l-ħsieb li japplika għall-fondi strutturali ta' bejn 2007 u 2013.

EU — Tempji tal-Ġgantija

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux se ssir talba għal fondi mill-Unjoni Ewropea għar-restawr tat-tempji tal-Ġgantija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.

Riżorsi u Infrastruttura — Servizz ta' l-internet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi uffiċjali fid-dekasteru tiegħu li għandhom is-servizz ta' l-internet fir-residenza tagħhom "minbarra dak ipprovdut mill-MITTS" imħallas minn fondi pubbliċi? F'każ li fl-affermattiv, min approva s-servizz, għal min qiegħed jiġi pprovdut u min hu l-ISP?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fil-Ministeru tiegħi hemm ħames uffiċċjali ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi li għandhom is-servizz ta’ Internet fir-residenza tagħhom li mhux provdut mill-MITTS. Dan joħroġ mill-Ftehim Kollettiv (sa mis-sena 2000) li dawn l-uffiċċjali kellhom mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. L-ISP huwa l-Maltanet.

Master plan għas-swar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx master plan jew xi pjan ieħor għas-swar f'pajjiżna? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tiegħu? Jista' jgħid ukoll f'dawn l-aħħar ħames snin mis-sena 2000, sena b'sena, kemm ġew minfuqa flus f'restawr u tiswija tas-swar ta' Malta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li għalkemm saru diversi studji fuq is-swar, m’hemmx Master Plan approvat li jirrigwarda s-sistema tas-swar. Madanakollu, il-Ministeru qiegħed fil-proċess li jissottometti talba għal għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea sabiex isir xogħol ta’ restawr fuq is-swar. Matul dawn l-aħħar ħames snin, in-nefqa għar-restawr tas-swar kienet: Sena Nefqa 2000 Lm133,855 2001 Lm174,878 2002 Lm294,528 2003 Lm216,040 2004 Lm144,515 2005 Lm163,600 (sa Ottubru)

Xiri ta' makkinarju

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista tal-makkinarju li ntqal li nxtara dan l-aħħar għas-somma ta' Lm250,000, inkluż il-prezz ta' kull item separatament? Dan il-makkinarju nxtara ġdid? Mingħand min inxtara?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Direttiva 2002/91/EC

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-preparamenti biex tiġi implimentata direttiva 2002/91/EC ta' l-Unjoni Ewropea dwar bini aħjar biex tiġi ffrankata l-enerġija li għandha tiġi fis-sehh f'Jannar 2006?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li wara li dan l-aħħar inħareġ dokument għal konsultazzjoni pubblika dwar regolamenti għal standards b’valuri minimi ta’ kif tintuża l-enerġija fil-bini u li jridu jkunu applikati kemm għal bini ġdid kif ukoll għal bini li jsirulu tibdiliet sostanzjali, qiegħed jitfassal l-abbozz ta’ l-avviż legali li ser idaħħal dawn ir-regolamenti fis-seħħ matul is-sena 2006. Hu maħsub li jingħata perijodu ta’ transizzjoni ta’ madwar 9 xhur biex jippermetti lill-periti u l-inġiniera jippreparaw il-proġetti ġodda għall-permessi meħtieġa skond dawn ir-regolamenti ġodda. Fil-każ ta’ ħruġ ta’ ċertifikati dwar l-effiċjenza tal-bini fl-użu ta’ l-enerġija u spezzjonijiet regolari ta’ sistemi ta’ boilers u ta’ l-arja kondizzjonata, Malta qiegħda titlob estenzjoni ta’ tlett snin skond l-artikolu 15 tad-Direttiva, biex jilħqu jiġu mħarġa biżżejjed nies kwalifikati li jagħmlu dan ix-xogħol.”

Użu ta' enerġija alternattiva

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu maħsub li hawn djar domestiċi li qed jużaw xi forma ta' enerġija alternattiva (solar energy, solar water heaters, etc.)? Kif jikkompara dan ma' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba, fejn hu possibbli, qed tinġabar u risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Raħal Ġdid — Knisja ta' Sant'Ubaldeska

Question

Jista’ il-Ministru jara li l-Knisja ta' Sant'Ubaldeska f'Raħal Ġdid tiġi restawrata, kif qed jiġu restawrati knejjes oħra fil-proġett lodevoli li l-Ministeru għaddej fuqu ta' restawr ta' postijiet storiċi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li sar rapport preliminari fuq il-kappella u qed tiġi nvestigata l-possibbilta' sabiex dan il-Ministeru jgħin fuq dan il-proġett ta' restawr.

Fgura — Restawr ta' swar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir restawr u manutenzjoni tas-swar li hemm bejn il-Fgura u l-Kottonera?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li din il-linja tas-swar hija nkluża fil-proġett tar-restawr u manutenzjoni, li fil-pajjiż għandna madwar 25 kilometru tul, liema rapport sar mill-esperti fi ħdan dan il-Ministeru. Dan il-proġett ser jiġi sottomess għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern biex jiġi nkluż bħala wieħed mill-proġetti li jkun iffinaliżat mill-fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea 2007 - 2013.

Riżori u Infrastruttura — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna spiċċaw ix-xogħol bl-eta', ġew boarded out għal raġunijiet mediċi jew irriżenjaw mix-xogħol matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament u possibbilment kull dipartiment li jaqa' taħt dan il-ministeru separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Kumitati tar-riabilitazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa li saret mill-kumitat tar-riabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u Imdina matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena u kull kumitat separatament? Fuq liema proġetti saret din in-nefqa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Infakkar ukoll li f'dawn l-aħħar sentejn saru xogħlijiet oħra f'dawn il-lokalitajiet li kienu ffinanzjati minn voti oħra kapitali bħall-proġett ta' l-Imdina. Barra minn hekk, fl-aħħar sentejn bdew isiru xogħlijiet ta' embellishment u restawr mill-ħaddiema tal-Works Division.