Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Enti pubbliċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-enti pubbliċi, awtoritajiet u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn l-enti eċċ, jagħmlu outsourcing ta' xogħol legali (legal advice and litigation) tagħhom? Fil-każ li jsir outsourcing ta' xogħol legali, min huma l-avukati mqabbda? Kemm jitħallsu kull sena jew perjodikament dawn l-avukati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Kompetittivita' u Kommunikazzjoni huma l-Malta Communications Authority, il-Malta Maritime Authority u l-Malta Standards Authority. Huma l-Malta Communications Authority u l-Malta Maritime Authority li jagħmlu outsourcing tax-xogħol legali tagħhom (legal advice and litigation). L-avukati mqabbda mill-Malta Communications Authority huma Ganado and Associates u dawn jitħallsu Lm1,437.50c kull tliet xhur. Il-Malta Maritime Authority għandha ftehim mal-kumpanija Mamo TCV għal servizzi ta' legal advice litigation li għalihom tħallas Lm25 is-siegħa. L-Awtorita' tuża wkoll servizzi ta' l-avukat Dr. Robert Vassallo għal skopijiet ta' riċerka u dan jitħallas bir-rata ta' Lm2.75 is-siegħa. L-Awtorita' tista' f'ċertu każijiet speċifiċi, tqabbad avukati oħra fuq bażi ad hoc.

MMA — Yachting Centre Directorate

Question

Peress li kemm mill-estimi kif ukoll mir-rapport annwali ta' l-attivitajiet ta' l-Awtorita' Marittima ma jirriżultax kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal berths mal-yachting centre directorate fi ħdan l-Awtorita' Marittima, jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt hemm applikazzjonijiet u kemm ilhom pendenti? Jista' jgħid ukoll għal meta huwa pproġettat li jkun hemm yacht marina ġdida f'Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għall irmiġġi, fil-Yachting Centres huwa ta' 409. Dawn l-applikazzjonijiet saru d'dawn is-snin: Sena Numru ta' Applikazzjonijiet 1993 17 1994 31 1995 54 1996 47 1997 55 1998 62 1999 39 2000 31 2001 17 2002 19 2003 23 2004 7 2005 6 2006 1 Rigward l-iżvilupp tal-Yacht Marina f'Għawdex, il-policy mħaddna mill-Awtorita' Marittima li tiffaċilita u tippromwovi l-iżvilupp ta' Yacht Marinas mis-settur privat skond il-qafas regolatorju stabbilit.

Importazzjoni ta' Tiġieġ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15909 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjnet u li issa ġiet riferuta lilu u jinformana jekk ġietx investigata l-aħħar sitwazzjoni fejn tiġieġ ġew importati b'dump price b'riżultat li l-produzzjoni lokali ġiet affettwata? Jekk fin-negattiv, jista' jinvestiga?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Diviżjoni għall-Konsumatur u Kompetizzjoni investigat il-prezzijiet li bihom kien qiegħed jinbiegħ t-tiġieġ impurtat u ma rriżultax li kien hemm ksur ta' l-Att dwar il-Kompetizzjoni għax it-tiġieġ ma kienux qed jinbiegħu taħt l-average variable cost.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel fuq mobile phones matul is-sena 2005?

Response (GALEA, ĊENSU)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-rapport Finanzjarju li t-Teżor aktar tard fis-sena.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Enti pubbliċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji jew awtoritajiet/corporations li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma d-diretturi tal-bord, jew membri tal-bord, ta' kull waħda mill-enti imsemmija aktar 'il fuq? X'inhu l-ħlas annwali ta' kull membru u direttur?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati ġodda tul is-sena 2005 mad-dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jaqsamhom skond il-grad?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

MMA/Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili

Question

B'riferenza għad-diskors tal-Budget 2005 fejn kien intqal li ser jiġu amalgamati l-Awtorita' Marittima Maltija u d-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili f'awtorita' waħda, l-Awtorita' Maltija għall-Portijiet, meta hu maħsub li sseħħ din l-amalgamazzjoni? Jista' jgħid jekk hux ser ikunu involuti xi esperti u/jew ħaddiema mill-Awtorita' Marittima Maltija u d-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili fil-proċess kollu ta' l-amalgamazzjoni? F'każ li fl-affermattiv, jista' il-Ministru jgħid min ġie kkonsultat s'issa? Jista' jikkonferma li l-kondizzjonijiet tal-ħaddiema taż-żewġ awtoritajiet/dipartimenti preżenti ser jibqgħu l-istess jew jitjiebu għal kulħadd u ħadd mill-ħaddiema li hemm illum maż-żewġ awtoritajiet/dipartimenti m'hu ser jitlef ix-xogħol jew jibda jitqies bħala redundant worker?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dan il-proċess għadu fil-fażi inizjali tiegħu.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Cruise liners

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu cruise liners f'Malta fis-sena 2005 u kemm minnhom ankraw barra Għawdex biex il-passiġġieri setgħu jżuru Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' cruise liners li daħlu Malta fis-sena 2005 kien ta' 327, filwaqt li 2 minnhom ankraw barra Għawdex.

Ajruplani tal-gwerra

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu ajruplani tal-gwerra fl-ispazju ta' l-ajru Malti din is-sena u x'tip kienu? Kemm minn dawn waqfu f'Malta u x'tip kienu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li niżlu Malta 202 ajruplan militari magħmulin minn 53 tip differenti u li jinkludu l-ajruplani militari li ħadu sehem fil-Malta International Airshow 2005. Fil-każ ta' ajruplani li għaddew mill-ispazju ta' l-ajru kontrollat minn Malta mingħajr ma niżlu f'Malta dawn kienu jammontaw għal 388 ajruplan magħmula minn 50 tipi differenti.

Vapuri tal-gwerra

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri tal-gwerra din is-sena u x'tip kienu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fit-2005 in-numru ta' żjarat ta' vapuri navali li daħlu Malta kien ta' 31 li kienu 11 frigati, 1 Landing Ship, 1 Cruiser, 6 Destroyer, 3 Training Ship,1 Submarine, 1 Corvett, 2 Auxiliary Ship, 1 Salvage Boat, 2 Assault Ship, 1 Oceangraphic u 1 Support vessel.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Kuntratti ta' Konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema dipartimenti governattivi jew enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament matul l-2004 u l-2005? Kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti, wieħed wieħed, f'dawn is-snin? Jista' jgħid liema dipartimenti governattivi u enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-kumpannija Island consultancy services matul l-istess medda ta' żmien u kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti f'dawn is-snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li m'hemm l-ebda Dipartiment Governattiv jew Enti Pubblika li jaqgħu taħt dan il-Ministeru li taw xi kuntratt ta' konsulenza lill-persuna li dwarha ingħataw dettalji, matul l-2004 u l-2005. Lanqas ma ingħataw kuntratti ta' konsulenza lill-kumpanija Island Consultancy Services matul l-istess medda ta' żmien mill-istess Dipartimenti u Enti Pubbliċi. Mandankollu dan il-Ministeru kien ingħata servizz ta' konsulenza mill-kumpanija Islands Consulting Services fis-sena 2004. L-ispiża li tħallset għal dan is-servizz kien dak ta' Lm 1,410, inkluż il-VAT. Ma nafx jekk din hix l-istess kumpanija li għaliha qed jagħmel referenza l-Onorevoli Interpellant.

MMA

Question

Jista’ il-Ministru jikkonferma li l-Malta Maritime Authority bdiet proċeduri legali kontra s-sidien ta' dgħajjes/vapuri mgħarrqa fil-Port il-Kbir? Fiex waslu dawn il-proċeduri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima hija nvoluta fi proċeduri legali kontra sidien ta' dgħajjes jew opri tal-baħar li jinsabu mgħarrqa fil-Port il-Kbir, liema proċeduri għadhom għaddejjin.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-karozza uffiċjali tiegħu bħala Ministru u s-second car humiex government owned jew mikrija? F'każ li mikrija, kemm hu l-ammont inkluż il-VAT li l-imsemmija karozzi huma mikrijin kuljum? F'każ ta' government owned cars, jista' jgħid kemm kienet l-ispiża għal manutenzjoni ta' l-imsemmija karozza matul is-sena 2004/2005? Jista' jgħid jekk matul l-2004/2005 keriex xi karozza għal użu tiegħu temporanjament, u fil-każ li fl-affermattiv kemm inkriet kuljum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-karozza tiegħi bħala Ministru hija government owned, filwaqt li s-second car hija mikrija għal Lm8 kuljum inkluż il-VAT. L-ispiża għall-manutenzjoni tal-karozza uffiċjali kienet ta' Lm651.15ċ matul is-sena 2004 u ta' Lm881.25ċ matul is-sena 2005. Ma nkriet l-ebda karozza oħra għall-użu temporanju fil-perjodi msemmija. Meta kien meħtieġ is-second car ġiet użata minflok dik uffiċjali.

Slipway f'Pembroke

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15957 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid ġiex identifikat is-sit fejn sejra ssir is-slipway ġewwa Pembroke? Hemm xi indikazzjoni meta ser isir dan u jekk hux se jkun hemm konsultazzjoni mal-kunsill lokali dwar dan? Jekk ġie identifikat is-sit, saret talba lill-MEPA għall-permessi meħtieġa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ippjanar u kostruzzjoni ta' slipways ġodda kif ukoll xogħol ta' manutenzjoni fuq slipways eżistenti jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tad-Direttur tas-Sajd u Akwakultura. Normalment dan jikkuntratta x-xogħol lill-Marine Section tal-Works Deptartment. Għalhekk din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Reġistrazzjoni ta' yachts

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' yachts li ġew reġistrati din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' yachts li ġew reġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili s-sena l-oħra kien ta' 329, filwaqt li din is-sena (bejn Jannar u Settembru) ġew reġistrati 163 yacht. Min-naħa l-oħra, n-numru ta' bastimenti zgħar li ġew risġistrati mal-yachting Centres Directorate is-sena l-oħra kien ta' 518, filwaqt li għal din is-sena u sal-lum kien ta' 405.

Diviżjoni għall-affarijiet tal-konsumatur — Ħobż Malti

Question

Jista’ il-Ministeru jgħid kemm-il spezzjoni għamlet il-Consumer Affairs Division biex tiżgura li d-daqs tal-hobża Maltija jkun dak kif suppost, f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Telefonija ċellulari

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess li jkun hemm number portability sħiħa f'Malta fit-telefonija ċellulari?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' ta' Malta dwar il-Kommunikazzjoni ippublikat deċiżjoni rigward Number Portability sħiħa f'Malta kemm għat-telefonija fissa kif ukoll ċellulari, f'Marzu ta' 2005, liema deċiżjoni trid tiġi mplimentata sa Marzu ta' l-2006.