Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – lista ta’ tariffi u spejjeż imħallsa mill-konsumaturi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tat-tariffi kollha u l-ispejjeż kollha li l-konsumaturi tal-Awtorità tad-Djar qed jintalbu jħallsu għas-servizzi li tagħti l-Awtorità tad-Djar? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm żieda f'dawn it-tariffi li ntalbu lill-konsumaturi mill-2013 sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ispejjeż ammininstrattivi sabiex persuna tapplika għal servizz / skema tal-Awtorità qatt ma żdiedu mill-2013 ‘l hawn u għalhekk għadhom l-istess kif kienu taħt il-Gvern preċidenti. F’każ li l-applikanti jkollhom problemi finanzjari, dawn qegħdin jingħataw l-għażla li ma jħallsux l-ispejjeż f’daqqa iżda għandhom l-opportunità li l-ispejjeż jitnaqqsu mill-għotja wara li japplikaw.

Sigurtà Soċjali – miżuri ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu miżuri ġodda permezz tat-tliet baġits ta’ Gvern Laburista, jiġifieri fl-2013, fl-2014 u fl-2015 f’dak li jirrigwardja s-Sigurtà Soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-miżuri ġodda li ddaħħlu permezz tat-tlett bagits ta’ Gvern Laburista fl-2013, 2014 u 2015 huma kif qed jidhru iżjed ’l isfel: 2013 1. Pensjonanti li d-dħul tagħhom ġej biss mill-pensjoni li ma taqbiżx l-ammont tal-Paga Minima Nazzjonali ġew eżentati mill-ħlas ta’ taxxa. 2. Pensjonanti Romol li jaħdmu, bdew jirċievu pensjoni għar-Romol mingħajr tnaqqis irrispettivamnet mid-dħul tagħhom mill-impjiieg jew xogħol għal rashom. 3. L-ammont ta’ pensjoni ta’ Servizz li ma jitteħidx għall-assessjar tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali għal dawk il-pensjonanti li jirċievu wkoll pensjoni ta’ Servizz żdied b’ €200 oħra fis-sena sabiex b’kollox jibda jiġi injorat l-ammont ta’ €1,666. 4. L-Għotja għall-Anzjani li għadhom jgħixu ġewwa djarhom li tammonta għal €300 fis-sena bdiet titħallas minn 75 sena minflok minn 78 sena. 5. Persuni anzjani u persuni b’diżabilità li jimpjegaw magħhom carer ġew eżentati mill-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali. 6. Ir-rata fil-ġimgħa tal- Allowance għal Tfal b’diżabilità żdiedet minn €16.31 għal €20.00 fil-ġimgħa. 7. Kreditu tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali lil dawk il-persuni li jissodisfaw il-parametri mediċi tal-Pensjoni għall-Wens jew is- Social Assistance for Carers , iżda ma jissodisfawx it-test tal-mezzi. 8. Issaħħaħ il-kalkolu fejn dħul jew proprjetà li tkun tappartjeni lill-persuna li tkun se tibbenefika minn Pensjoni ta’ Diżabilità ġiet injorata anke għall-persuni li jkunu żżewġu qabel Jannar 2007. 2014 1. Daħal fis-seħħ benefiċċju ġdid imsejjaħ In Work Benefit applikabbli għal koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien u t-tnejn jaħdmu u għandhom dħul mix-xogħol bejniethom ta’ bejn €l0,000 u €20,400, fejn l-inqas dħul mix-xogħol ta’ wieħed jew waħda mill-konjuġi ma jridx ikun inqas minn €3,000 u, li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom jistgħu jiksbu benefiċċju li jvarja minn €190 sa €1,000 fis-sena għal kull wild eliġibbli kif ukoll għal persuna waħedha li taħdem fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €15,000 u li għandha tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħha tista’ tikseb benefiċċju li jvarja minn €190 sa €1200 fis-sena għal kull wild eliġibbli. 2. Ir-rata tal-benefiċċju tal- Leave għal Maternità żdiet u ġie ekwivalenti għal Paga Minima Nazzjonali u b’hekk minn €160 tela’ għal €166.26 fil-ġimgħa. 3. Ir-rata tal-benefiċċju għall-Maternità għal nisa li jaħdmu għal rashom żdiet u ġie ekwivalenti għal Paga Minima Nazzjonali u għalhekk minn €86.77 tela’ għal €166.26 fil-ġimgħa. 4. Tneħħliet anomalija fil-mod ta’ kif jiġu riveduti il-pensjonijiet ta’ dawk il-pensjonanti – fosthom ħaddiem tat-tarznari – fejn il-kumpanija li rtiraw minn magħha għalqet u għalhekk ma għadhiex tiffunzjona, sabiex meta ssir ir-reviżjoni annwali jiġu mqabbla mal-istruttura tas-salarji tal-ħaddiema tal-Gvern fis-sena li fiha tkun għalqet il-kumpanija. 5. L-ammont ta’ pensjoni ta’ Servizz li ma jitteħidx għall-assessjar tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali għal dawk il-pensjonanti li jirċievu wkoll pensjoni ta’ Servizz tnaqqas b’ €200 oħra fis-sena sabiex issa jibda jiġi injorat l-ammont ta’ €1,666. 6. Persuni li laħqu l-età ta’ 59 sena u għadhom ma laħqux l-età ta’ 65 sena u fl-istess waqt ikunu qegħdin f’impjieg jew jagħmlu xogħol għal rashom jistgħu issa jħallsu sa massimu ta’ ħames snin kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali b’lura sabiex itejbu l-pensjoni kontributorja tagħhom jew ikunu eliġibbli għal pensjoni kontributorja. 7. Persuni li jilħqu l-età tal-pensjoni u li huma ta’ età bejn it-62 sena u l-74 sena u li ma humiex intitolati għal pensjoni kontributorja bdew jirċievu bonus ta’ €200 fis-sena jekk għandhom kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali imħallsa għal aktar minn ħames snin u €100 fis-sena jekk ħallsu iżjed minn sena iżda inqas minn ħames snin. 8. Tħallas suppliment ta’ €400 fis-sena għal kull wild taħt it-23 sena li għadu jgħix mal-ġenituri tiegħu sakemm tali tfal ikollhom attendenza ta’ aktar minn 95% tal-ġranet tal-iskola. 9. Introdott il-kunċett tat- Tapering tal-Benefiċċji Soċjali fejn persuna li tkun fuq il-benefiċċji soċjali għal aktar minn sentejn u bdiet taħdem, il-benefiċċju beda jitnaqqas gradwalment fuq tlett snin minflok ma jinqata’ mill-ewwel. Min iħaddem beda jingħata wkoll 25% tar-rata tal-benefiċċju. 10. Tibdil fil-kalkolu tat-test tal-mezzi fl-Assistenza Medika, fejn l-ammont ta’ manteniment mgħoddi mill-applikant lill-ex-konjuġi tiegħu/tagħha beda jitneħħa meta jsir it-test tal-mezzi. 2015 1. Il-benefiċċju In Work Benefit ġie estiż għal koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien fejn jaħdem wieħed/waħda biss fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €13,000 u li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom bdew jiksbu benefiċċju li jvarja minn €52 sa €150 fis-sena għal kull wild eliġibbli. 2. Ir-rata ta’ pensjoni minima nazzjonali żdiedet u ġiet garantita għal €140 fil-ġimgħa u pro-rata għal dawk li għandhom nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali – inkluż il-bonus għall-għoli tal-ħajja filwaqt illi għal dawk il-pensjonanti miżżewġa li ma jibbenefikawx minn dan l-ammont, ħadu żieda totali ta’ €4.15 fil-ġimgħa inkluż il-COLA. 3. Inċentiv għal min jiddeċiedi li jittardja li jieħu l-Pensjoni għall-Irtirar billi jibqa’ fid-dinja tax-xogħol b’tali mod illi dawk li jittardjaw li jieħdu l-pensjoni b’sena jieħdu żieda perċentwali ta’ 5% mar-rata tal-pensjoni dovuta, dawk li jittardjaw b’sentejn bdew jieħdu 10.5%, dawk li jittardjaw bi tlett snin bdew jieħdu 16.5% filwaqt illi dawk li jittardjaw b’erba’ snin bdew jieħdu 23%. 4. Pensjonanti romol li għalkemm ikollhom dritt għal pensjoni kontributorja tal-Irtirar f’isimhom ikunu qegħdin jibbenefikaw minn pensjoni għar-Romol għaliex tkun aktar vantaġġjuża, bdew jirċievu rata ta’ pensjoni għar-Romol ugwali għar-rata ta’ pensjoni kontributorja għall-Irtirar li kellu dritt għaliha l-konjuġi. 5. Ġew akkreditati kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali lil dawk il-persuni li minħabba żmien jistudjaw ikollhom kontribuzzjonijiet nieqsa. 6. Ġew akkreditati kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali lil dawk il-persuni ġenituri li minħabba li kienu qegħdin irabbu l-uliedhom kellhom kontribuzzjonijiet nieqsa. Għalhekk ġenituri li twieldu bejn 1952 u 1961 kellhom dritt sa massimu ta’ sitt snin kontribuzzjonijiet akkreditati fuq l-ewwel tlett ulied anke jekk ma jkunux irritornaw lura fid-dinja tax-xogħol u seta’ jkollhom dritt ukoll għal sena għal kull wild mir-raba’ wild ’il quddiem sakemm ikunu rritornaw fid-dinja tax-xogħol għall-istess numru ta’ snin li jkunu ser jiġu akkreditati għar-raba’ wild ’il quddiem. L-istess kundizzjonijiet huma wkoll applikabbli għal ġenituri li twieldu fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara, iżda dawn għandhom dritt sa massimu ta’ tnax-il sena fuq l-ewwel tlett ulied u sa massimu ta’ sentejn mir-raba’ wild ’il quddiem. 7. L-ammont ta’ pensjoni ta’ Servizz li ma jitteħidx għall-assessjar tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali għal dawk il-pensjonanti li jirċievu wkoll pensjoni ta’ Servizz tnaqqset b’ €200 oħra fis-sena sabiex issa beda jiġi injorat l-ammont ta’ €1,866. 8. Miżura ta’ każijiet ta’ żagħżagħ li b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 beda jkollhom l-obbligu li jipparteċipaw fil- Youth Guarantee . 9. Każijiet ta’ single parents li bbenefikaw mill-iskema tat-Tapering tal-Benefiċċju. 10. Introdott it- Tapering tal-Benefiċċju għal min jiżżewweġ jew jingħaqad f’unjoni ċivili ma’ persuna li tkun fid-dinja tax-xogħol. 11. S ingle parents taħt it-23 sena li jkollhom it-tfal li laħqu l-età ta’ sena beda jkollhom l-obbligu illi jipparteċipaw fil- Youth Guarantee sabiex l-opportunitajiet tagħhom vis-as-vis id-dinja tax-xogħol jiżdiedu. 12. Kull persuna li tkun qiegħda f’impjieg bi qligħ jew taħdem għal rasha bi qligħ li jeċċedi l-Paga Minima Nazzjonali ingħatala ikollha dritt għal Pensjoni tad-Diżabilità sħiħa u għalhekk ma beda jseħħ l-ebda tnaqqis mill-imsemmija pensjoni. 13. Ingħatat l-opportunità lil kull persuna benefiċjarja li tirċievi xi tip ta’ benefiċċju mhux kontributorju, sabiex tirrapporta xi irregolaritajiet min-naħa tagħha stess, u l-ħlas lura jkun ta’ 15% minflok is-soltu 100% tal-benefiċċju li ma kienx dovut.

In work Benefit

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif persuna tista’ tiġi ntitolata għall-In-Work Benefit? X’tikseb din il-persuna jekk tgħaddi biex tibbenefika minn din il-miżura?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-aħħar tal-2016 persuna tista’ tiġi intitolata għall-In Work Benefit kif ġej: 1. Koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien u t-tnejn jaħdmu u għandhom dħul mix-xogħol bejniethom ta’ bejn €l0,000 u €20,400, fejn l-inqas dħul mix-xogħol ta’ wieħed jew waħda mill-konjuġi ma jridx ikun inqas minn €3,000 u, li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom, jistgħu jiksbu benefiċċju li jvarja minn €190 sa €1,000 fis-sena għal kull wild eliġibbli skont id-dħul. 2. Koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien fejn jaħdem wieħed biss fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €13,000 u li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom, jistgħu jiksbu benefiċċju li jvarja minn €52 sa €150 fis-sena għal kull wild eliġibbli skont id-dħul. 3. Single parent li taħdem fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €15,000 u li għandha tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħha tista’ tikseb benefiċċju li jvarja minn €120 sa €1200 fis-sena għal kull wild eliġibbli skont id-dħul. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, kif tħabbar fil-baġit ta’ din is-sena, fl-2017, ir-rati fuq imsemmija żdiedu u t-thresholds imsemmija twessgħu biex aktar familji jibbenefikaw. Għalhekk mill-1 ta’ Jannar 2017 ‘il quddiem, persuna tista’ tiġi intitolata għall-In Work Benefit kif ġej: 1. Koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien u t-tnejn jaħdmu u għandhom dħul mix-xogħol bejniethom ta’ bejn €l0,000 u €24,000, fejn l-inqas dħul mix-xogħol ta’ wieħed jew waħda mill-konjuġi ma jridx ikun inqas minn €3,000 u, li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom, jistgħu jiksbu benefiċċju li jvarja minn €100 sa €1,200 fis-sena għal kull wild eliġibbli skont id-dħul. 2. Koppja miżżewġa jew li jgħixu flimkien fejn jaħdem wieħed biss fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €16,500 u li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħhom, jistgħu jiksbu benefiċċju li jvarja minn €52 sa €350 fis-sena għal kull wild eliġibbli skont id-dħul. 3. Single parent li taħdem fejn id-dħul mix-xogħol hu ta’ bejn €6,600 u €16,500 u li għandha tfal taħt l-età ta’ 23 sena jgħixu magħha tista’ tikseb benefiċċju li jvarja minn €50 sa €1,330 fuq l-ewwel wild eliġibbli u sa €1250 fis-sena għal kull wild ieħor addizzjonali skont id-dħul.

Persuni li gawdew mil-livell Minimu ta’ Pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni gawdew mil-livell Minimu ta’ Pensjoni li issa tela’ għal €140 fil-ġimgħa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont l-aħħar statistika li għandu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, jirriżulta li 18,360 pensjonanti gawdew mill-miżura li tellgħet il-livell minimu garantit ta’ pensjoni, inkluż il-bonus għall-ogħli tal-ħajja, għal massimu ta’ €140 fil-ġimgħa. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li l-pensjonanti li kienu qed jirċievu l-pensjoni minima u kellhom il-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa, ir-rata tal-pensjoni tagħhom inkluż il-bonus għall-ogħli tal-ħajja telgħet għal €140 fil-ġimgħa, dawk il-pensjonanti li kellhom xi kontribuzzjonijiet nieqsa raw żieda fir-rata tal-pensjoni tagħhom fuq bażi pro-rata.

Persuna lli tissokta taħdem meta tilħaq l-età tal-pensjoni — vantaġġi

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’vantaġġi hemm meta persuna tagħżel li tissokta taħdem meta tilħaq l-età tal-pensjoni, mingħajr ma tieħu l-pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, min ikun jaħdem fis-settur privat u jiddeċiedi li jittardja li jieħu l-Pensjoni għall-Irtirar billi jibqa’ fid-dinja tax-xogħol, qed jibbenefika minn żieda fil-pensjoni eventwali tiegħu. Dawk li jiddeċiedu li jittardjaw li jieħdu l-pensjoni b’sena qegħdin jieħdu żieda perċentwali ta’ 5% mar-rata tal-pensjoni dovuta, dawk li jittardjaw il-pensjoni b’sentejn jieħdu 10.5%, dawk li ser ikunu qed jittardjaw l-pensjoni tagħhom bi tlett snin jieħdu 16.5% żieda, filwaqt li dawk li ser ikunu qed jittardjaw il-pensjoni tagħhom b’erba’ snin ser ikunu qed jaraw il-pensjoni tagħhom tiżdied bi 23%. L-ammont addizzjonali li jirriżulta meta jibdew jieħdu l-pensjoni jibqgħu jieħduh tul ħajjithom kollha u anke jintiret mir-romol ta’ pensjonanti li jmutu billi jiżdied mal-pensjoni tar-romol.

Persuni b’diżabilità li ħarġu jaħdmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’diżabilità li ħarġu jaħdmu u allura baqgħu jgawdu l-pensjoni ta’ diżabilità u d-dħul mill-impjieg ġdid tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa’ Ottubru 2016, in-numru ta’ persuni b’diżabilità li f’impjieg u fl-istess ħin baqgħu jirċievu l-pensjoni tad-diżabilità, jammonta għal 692 persuna.

Uffiċċju tal-Arbitru – appelli pendenti taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm appelli pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali preżentement u jista’ jinforma kemm hemm minnhom appuntati u kemm le?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabella t’hawn taħt : Appelli Jannar – 28 Novembru 2016 Appelli pendenti sa Settembru 2016 1447 Appelli li daħlu minn Jannar sa Settembru 2016 825 Numru ta’ Appelli deċiżi 314 Numru ta’ Appelli Ċeduti/Revokati/Kanċellati/Deżerti / sine die 443 Numru ta’ Appelli differiti 190 Numru ta’ appelli appuntati mit-28 ta’ Novembru sa Dicembru 2016 174 Numru ta’ appelli mhux appuntati 1273 Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, l-Uffiċċju tal-Arbitru qed jagħmel minn kollox sabiex jappunta l-appelli fl-iqsar ¿mien possibbli. Bosta mid-drabi id-dewmien fl-appuntamenti ta’ ka¿ijiet huwa ri¿ultat ta’ appelli li jiġu diferiti għal raġunijiet varji bħal meta appell jiġi differit għal aktar minn darba fuq talba tal-avukat difensur tal-appellant jew anke peress li jkun ghad jonqos xi dokumenti minn naħa tal-appellant.

Uffiċċju tal-Arbitru – appelli pendenti taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali minn residenti ta’ Ħal Tarxien

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm appelli pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru taħt l-Att dwar is-Sigurta Soċjali ta’ residenti minn Ħal Tarxien preżentement u jista’ jinforma kemm hemm minnhom appuntati u kemm le?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej: Numru ta’ Appelli quddiem l-Arbitru ta’ Residenti minn Ħal Tarxien Appelli pendenti 13 Appelli appuntati Nil Appelli solvuti 4

Uffiċċju tal-Arbitru — appelli

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew deċiżi każijiet mill-appelli taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru tul din is-sena u jista’ jinforma kemm minnhom ġew appellati mid-Dipartiment quddiem il-Qorti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, matul l-2016, kien hemm 308 ka¿ li ġie deċiż quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru. Minnhom, sad-data li fiha qed titwieġeb din il-Mistoqsija Parlamentari, 28 każ kienu appellati quddiem il-Qorti tal-Appell (Inferjuri). Minn dawn, 14-il każ kienu appellati mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali quddiem il-Qorti tal-Appell (Inferjuri) u l-14-il każ l-ieħor kienu appellati quddiem il-Qorti tal-Appell (Inferjuri) mill-individwi li tilfu l-każ tagħhom quddiem l-Arbitru.

Uffiċċju tal-Arbitru – appelli pendenti taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali minn residenti ta’ Raħal il-Ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm appelli pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali ta’ residenti minn Raħal il-Ġdid preżentement u jista’ jinforma kemm hemm minnhom appuntati u kemm le?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej: Numru ta’ Appelli quddiem l-Arbitru ta’ Residenti minn Raħal Ġdid Appelli pendenti 17 Appelli appuntati Nil Appelli solvuti 4

Malta Psychology Profession Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ladarba f’Kap. 471 tal-Liġijiet ta’ Malta m’hemm l-ebda kriterju speċifiku fuq liema bażi jinħarġu l-lawrji tal-psikologi, (numru tal-ECTSs, lista ta’ Universitajiet/korsijiet, eċċ), x’inhuma l-kriterji li l-Malta Psychology Profession Board jikkunsidra biex jieħu d-deċiżjoni għal talba għal warrant? Ma jaħsibx il-Ministru li jkun ġust li l-bord jippubblika sett ta’ kriterji li tkun disponibbli għall-applikanti li jridu jirċievu l-lawrja biex b’hekk ikun assigurat li l-istudenti jkunu infurmati u d-deċiżjonijiet tagħhom fuq x’korsijiet isegwu, ikunu deċiżjonijiet tajbin u f’waqthom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kwalifikazzjoni tal-warrant hija regolata mill-Artikolu 3(ċ) tal-Att dwar il-Professjoni tal-Psikoloġija, Kap. 471 tal-Liġijiet ta’ Malta, fejn, fost oħrajn, persuna trid tkun kisbet Grad fil-livell tal-Masters fil-Psikoloġija mill-Università ta’ Malta jew xi kwalifika professjonali oħra li l-Bord jidhirlu li tkun ekwivalenti. Għal dan il-għan il-Bord ippublika fuq is-sit elettroniku tiegħu, www.mppb.gov.mt , dokumenti gwida bi spejagazzjoni fuq l-ekwivalenza tal-kwalifiki. Kandidati prospettivi huma għalhekk imħeġġa sabiex jużaw din l-informazzjoni biex jaraw jekk programm ta’ kors huwiex ekwivalenti għal dak offrut mill- Università ta’ Malta. F’dan ir-rigward ‘ekwivalenza’ hija kkunsidrata f'termini tal-tul tal-kors, l-għadd ta’ ECTSs, l- input teoretiku rilevanti għall-ispeċjalizzazzjoni preferut, kif ukoll prattika sorveljata meħtieġa. Il-kandidat huwa mħeġġeġ jitlob din l-informazzjoni direttament mill-universitajiet konċernati. Il-Bord jevalwa l-applikazzjonijiet għal warrant billi jara jekk dawn ir-rekwiżiti minimi tal-liġi jkunux intlaħqu jew le.

Ħaddiem tat-Tarzna — pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward anomalija fil-pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-persuna li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament ġiet ikkuntattjata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Naxxar – proġett hub għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda jinbena l-proġett identifikat bħala hub għall-persuni b'diżabilità fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ix-xogħol fuq il-proġett għal persuni b’diżabilita’ bl-isem ta’ REACH, huwa mistenni jibda malli tkun approvata t-talba għall-fondi tal-ERDF li ġiet sottomessa u fil-preżent qiegħda tigi evalwata mill-entità governattiva responsabbli mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja.

Naxxar – proġett hub għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jindika preċiżament fejn hu mistenni jinbena l-proġett indikat bħala hub għall-persuni b'diżabilità fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, is-sit tal-proġett għall-persuni b’diżabilità bl-isem ta’ REACH, huwa mistenni li jinbena bejn Triq it-Torri tal-Kaptan u Triq San Timotju fin-Naxxar, hekk kif ġie indikat fl-applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Naxxar – proġett hub għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-proġett indikat bħala hub għall-persuni b'diżabilità li kien hemm referenza għalih fl-aħħar żewġ diskorsi tal-budgetu li għandu jsir fin-Naxxar hemmx interessi ta' kumpaniji jew entitajiet privati fit-twettiq tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-proġett għall-persuni b’diżabilità bl-isem ta’ REACH, ser ikun parzjalment iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea, li kif weġibt għal mistoqsija parlamentari numru 28861, l-applikazzjoni ġiet sottomessa lill-entità governattiva responsabbli għall-fondi mill-Unjoni Ewropeja.

Naxxar – proġett hub għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-proġett indikat bħala hub li ssemma’ fl-aħħar żewġ budgets u li suppost għandu jinbena fin-Naxxar hux ser jilqa' fih ukoll persuni anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proġett bl-isem ta’ REACH , huwa intenzjonat għall-persuni b’diżabilità. Madanakollu, l-proġett ser jintroduċi żoni miftuħa u addattati għal kulħadd, u għalhekk post li ser ikun aċċessibli għal min ser ikun qiegħed jiffrekwentah.

Housing Estates – kuntratti tax-xiri ta’ appartamenti — punti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li għadhom fis-seħħ punti fil-kuntratti tax-xiri ta’ appartamenti fi blokok mill-Housing Estates speċjalment f’dak li jirrigwardja l-indafa, condominum, eċċ.?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-kuntratti tax-xiri tal-appartamenti jsiru skont il-kundizzjonijiet tal-avviż li taħtu jkunu ħarġu l-appartamenti.

Opportunitajiet għall-adozzjonijiet mill-Każakistan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx problemi mal-Każakistan sabiex jinfetħu opportunitajiet għall-adozzjonijiet għall-koppji jew individwi Maltin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtoritá Ċentrali Maltija bagħtet korrispondenza lill-Awtorità Ċentrali tal-Każakistan iżda għadha ma rċeviet l-ebda tweġiba għall-korrispondenza mibgħuta.

Ftehim milħuq bejn Malta u r-Russja

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li kien irraportat li ntlaħħaq bejn Malta u r-Russja sabiex koppji jew individwi Maltin ikunu jistgħu jaddottaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-awtoritajiet Maltin qed jistennew rispons mingħand l-awtoritajiet Russi dwar il-ftehim bilaterali bejn iż-żewg pajjiżi.