Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gozo Transport Grant Scheme — assistenza lis-setturi Agrikoli u tas-Sajd f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 16690 u 16142 u ċjoè: Peress li l-iskema tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, il-Gozo Transport Grant Scheme ma tipprovdix assistenza lis-setturi tal-Agrikoltura u tas-Sajd f'Għawdex, jista' l-Ministru jgħid jekk tingħatax xi għajnuna oħra biex dawn iż-żewġ setturi jiġu biex jieħdu l-prodotti tagħhom lejn Malta? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn iż-żewġ setturi jingħataw xi forma ta' għajnuna oħra?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Malta Enterprises – promozzjoni ta’ investiment dirett barrani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2015 il-Malta Enterprise implimentatx xi programmi ta’ promozzjoni tal-investiment dirett barrani f’Għawdex biex b’hekk jiġu attirati proġetti li mhumiex imfixkla mil-limitazzjoni tal-gżira? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra elenku ta’ dawn il-programmi?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Matul is-sena 2015, Malta Enterprise kompliet il-ħidma intensiva tagħha biex tiddentifika investiment dirett barrani adattat għaċ-ċirkostanzi speċifi ta’ Ghawdex. Il-metodoloġija li ntużat hi dik ta’ micro-targeting, li jfisser li jiġu ddentifikati proġetti speċifiċi mingħajr il-bżonn ta’ kampanji pubbliċitarji ġeneriċi. Bhalissa il-maġġoranza ta’ proġetti li qed timmpromwovi il-Malta Enterprise f’Għawdex huma fis-settur mediku u tas-saħħa, liema proġetti jistgħu jistimulaw it-turiżmu mediku.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Ministeru jew fi kwalunkwè entità li taqa’ taħt ir-responsabiltà tiegħu (segretarjat, dipartimenti, kumitati, kunsilli, aġenziji, kummissjonijiet, awtoritajiet eċċ.) għandux impjegati fi kwalunkwè kapaċità u jaħdmu jew fuq bażi full-time jew part-time jew li qed jirċievu xi forma ta’ ħlas minn fondi pubbliċi, persuni li sa Marzu 2013 kienu impjegati mal-Partit Laburista u b’mod speċifiku mar-radju u t-televiżjoni tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jipprovdi lista ta’ dawn il-persuni kif ukoll il-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiċċji li qed jirċievu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nagħmel riferenza għall-prassi li kienet uzata f’legizlaturi preċedenti u ngħarraf lill-Onor Interpellant li informazzjoni ta’ natura personali kif mitluba minnu, tingħata biss bil-kunsens tal-individwi kkonċernati.

Responsible Gaming Foundation – benefiċjarji u ammonti allokati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17181, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-21 għaqda jew organizzazjoni li bbenefikaw mill-Corporate Social Responsibility Program? Jista’ jgħid kull għaqda kemm ibbenifikat fondi?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 17786

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — Safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu safar fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn siefer (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh f’kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li qed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba, nixtieq nżid ukoll li fuq impenji uffiċjali barra l-pajjiż inkun akkumpanjat minn uffiċjali tas-Segretarjat privat tiegħi u minn uffiċjali oħra tal-gvern.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – entitajiet — safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’safar sar minn uffiċjali mill-Ministeru, mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn sar is-safar (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Jista’ jgħid min mar għal kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kont tat-telephone – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt ma’ anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sabiex jirċievi kont tat-telephone?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill- Onor Interpellant li l-kumpanija li tiprovdi s-servizz hija waħda privata u ma tiformax parti mid-dekasteru.

Kumpaniji tal-gaming reġistrati Malta li ġew sospiŻi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn Jannar 2014 sa’ Lulju 2015 kemm ġew sospiŻi kumpaniji tal-gaming li kienu reġistrati f’Malta u dan kif jitqabbel mas-snin ta’ qabel?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar 2014 u Lulju 2015, l-Awtorita ssospendiet 26 liċenzja ta’ kumpaniji reġistrati f’Malta. Dan l-ammont huwa akbar mit-total ta liċenzji li ġew sospiżi f’hames snin sħaħ, bejn l-2008 u l-2013. Liċenzji Sospizi 2007 – 5 liċenzji sospizi 2012 – 3 liċenzji sospizi 2008 – 2 liċenzji sospizi 2013 – 8 liċenzji sospizi 2009 – 8 liċenzji sospizi 2014 – 5 liċenzji sospizi 2010 – 0 liċenzji sospizi 2015 – 21 liċenzji sospizi 2011 – 3 liċenzji sospizi

Land base gaming – spezzjonijiet mill-MGA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ spezzjonijiet li saru mill-Malta Gaming Authority (MGA) fuq dawk li joperaw land base gaming fis-sena 2014? ?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2014, l-Awtorita wettqet total ta 7,409 spezzjonijiet fil-qasam tal-land based gaming. Dan it-total u aktar mid-doppju tat-total ta spezzjonijiet li saru fl-2013, fejn f’sena sħieħa kienu saru 2,651 spezzjoni. Fis-sena 2015, dawn l-ispezzjonijiet qed ikomplu jiżdiedu, speċjalment fuq postijiet bħal ma huma l-Gaming Outlets. Dan biex nizguraw li dejjem naqdu d-doveri tagħna ta’ regolatur bl-aktar mod trasparenti u effettiv.

Kumpaniji b’investiment minn barra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm kumpaniji b'investiment minn barra li kabbru l-operat tagħhom f'Malta minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm kien dan l-investiment u x’inhuma l-pjanijiet ta’ dawn il-kumpaniji fis-snin li ġejjin għal dak li huwa investiment u mpjiegi ġodda?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul 2013, il-Korporazzjoni approvat 15 espansjoni ta' kumpaniji barranin f'Malta b'investiment ta' 42.5 miljun u 334 mpjieg ġdid fi tlett snin. Is-sena 2014 kienet sena ta' suċċess ukoll bl-approvazzjoni ta' 15 il-espansjoni li fi tlett snin li ġejjin dawn huma mistennija li jkunu nvestew mal-55 miljun u ġġeneraw 593 mpjieg ġdid. Minn Jannar sa Settembru 2015 il-Korporazzjoni approvat 3 espansjonijiet b'investiment li fi tlett snin li ġejjin mistenni jlaħħaq 11.7 miljun ewro u jiġġenera 157 mpjieg ġdid.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – servizz ta’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, inkluż id-dipartmenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għamlux użu u/jew qegħdin jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan is-servizz ingħatax b’tender, b’direct order jew b’kwotazzjoni? Jista’ jgħid kemm-il quote jew direct order inħarġu f’dan il-perjodu u jgħid kemm kien il-valur ta’ kull quote jew direct order inkluż liema dipartiment jew entità talbet dawn il-quotes jew ħarġet dawn id-direct orders? Jista’ jgħid kemm huwa l-ammont komplessiv li tħallas s’issa u kemm għad fadal biex jitħallas?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma kienx hemm użu mis-servizzi tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament.

Għawdex — sit għall-intrapriżi żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għadux bil-ħsieb li jidentifika sit biex jiġi żviluppat għall-intrapriżi żgħar f'Għawdex?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qiegħed jaħdem fuq sit magħruf bħala tal-Ħofra ġewwa l-qasam industrijali ta' Xewkija biex jiġi zviluppat għall intraprizi zgħar u medji.

MITA – għarfien dwar l-użu tal-IT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu mill-MITA sabiex iżżid l-għarfien dwar l-użu tal-IT miċ-ċittadini?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena li għaddiet, il-MITA mplimentat diversi inizzjattivi b’dan il-għan għal udjenzi differenti bħalma huma t-tfal, pensjonanti, edukaturi u anke l-pubbliku ġenerali. Għal tfal ta’ etajiet sa ħmistax-il sena, l-attivitajiet kienu jinkludu numru ta’ lezzjonijiet prattiċi dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija, L-Inġinerija u l-Matematika li seħħew fi żmien il-vaganzi tal-Għid, kif ukoll tul is-sajf, u kompetizzjoni nazzjonali dwar kif tiżviluppa logħba diġitali. Għal persuni avvanzati fl-eta’, il-MITA offriet taħriġ (fuq livell ta’ proġett pilota) għall-pensjonanti sabiex jitgħallmu jużaw it-teknoloġija. L-Aġenzija organizzat ukoll sessjonijiet għall-edukaturi sabiex jużaw iktar it-teknoloġija fit-tagħlim tal-lingwi. Il-MITA eżegwit ukoll kampanja ta’ għarfien għall-pubbliku ġenerali dwar kif wieħed jista’ jaċċessa ċertu servizzi elettroniċi tal-Gvern. Dan għamlitu billi żviluppat numru ta’ filmati li jservu ta’ gwida għall-pubbliku biex ikun jista’ juża l- Internet biex jinqeda b’mod iktar konvenjenti.

MITA – fondi ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-MITA bbenifikat minn fondi ewropej u kif użathom fis-sena 2014?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li fis-sena 2014 il-MITA ibbenifikat minn ftit inqas minn mitejn u għaxart elef ewro (€210,000) f’fondi mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-fondi ntużaw biex ġiet akkwistata parti mill-eLearning Platform għall-iskejjel tal-gvern, kif ukoll biex il-MITA pparteċipat f’networks tematiċi u proġetti pilota f’diversi oqsma tas-servizz pubbliku elettroniku u proġetti oħra li kienu jikludu kampanji ta’ għarfien għall-ħiliet u mpjiegi fis-setturi tal-ICT.

Student Advantage Scheme — studenti li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li bbenefikaw mill-iskema Student Advantage?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġħall-iskema “Student Advantage Scheme” kien hemm eleġibli b’mod awtomatiku madwar 40,000 student. Dan wara ftehim li ġie milħuq bejn il-MITA u Microsoft, fejn wara li għal perjodu li l-istudenti setghu jirregistraw b’mod faċli online għal din l-iskema, din l-istess skema ġiet estiża għall-istudenti kollha illi jattendu skejjel tal-Istat, MCAST u Giovanni Curmi Higher Lis-skejjel tal-Knisja u dawk indipendenti kellhom iċ-ċans illi jagħmlu l-arrangamenti meħtiega direttament mal-kumpanija Microsoft sabiex l-istudenti f’dawn l-iskejjel jibbenfikaw ukoll minn din l-iskema ta’ Office 365 b’xejn. Skond l-aħħar statistika hekk kif provduta sal-bidu ta’ Ġunju 2015, jirriżulta li dan is-software ġie mniżżel madwar 72,000 darba. Dan peress illi kull student kellu l-opportunita li jinstalla dan is-software b’xejn sa massimu ta’ 5 darbiet.

Digital Malta — update

Question

Jista’ l-Ministru jagħti update lill-Kamra rigward l-istrateġija Digital Malta?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li bħala attivitajiet prinċipali li saru huma li f’Ottubru 2014, twaqqaf id-Digital Malta Governing Board li għandu r-responsabilita’ li jara li l-istrateġija qed tiġi mplimentata. Fil-bidu tal-2015, inġabar il-program ta’ inizzjattivi għas-sena 2015. F’dan il program hemm iktar min 200 inizjattiva li bħalissa qed isir xogħol fuqhom minn diversi dipartimenti u entitajiet, dan ifisser li xogħol għaddej fuq 56 azzjoni (79%) mill-71 azzjoni tal-istrateġija. Sa nofs is-sena 2015, 62 mill-inizjattivi kienu 75% jew aktar kompleti.