Jista' l-Ministru jinfurmana x'sar mill-flus ivutati fil-budget speech tal-2000 biex titkompla Hompesch Road, fil-Fgura? Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li din il-wegħda tittwettaq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu x-xogħlijiet ta' servizzi ta' drenaġġ fl-inħawi ta' Triq Salvinu Spiteri, St Venera fejn ġa joqgħodu n-nies?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li milli jidher din it-triq ġiet imsemmija dan l-aħħar u ma kellniex indikazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha fuq is-site plan. Id-Dipartiment tad-Drenaġġ staqsa lill-Kunsill Lokali fejn tinstab din it-triq u indikaw li qiegħda fit-triq ta' l-Inter Supporters Club, fejn is-sistema tad-drenaġġ ġiet mgħoddija s-sena li għaddiet, u ilha tiffunzjona għal dawn l-aħħar xhur. Għaldaqstant, minħabba li d-Dipartiment jidhirlu li t-toroq fl-inħawi kollha għandhom is-sistema tad-drenaġġ, l-Onorevoli Interpellant forsi jista' jindika b'site-plan l-abitazzjonijiet imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-impjegat li ismu qiegħed jingħata separatament se jitħallas tax-xogħol overtime li għamel fuq xogħol f'Għawdex WD 690/94/4?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li dan ix-xogħol jirrigwarda l-Ministeru għal Għawdex, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-BICC sabietx tikri uffiċji ġodda? Jekk fl-affermattiv, fejn huma dawn l-uffiċji ġodda? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim tal-kirja relattiva?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tender għal kiri ta' uffiċċji ġodda għal BICC għalqet fis-16 ta' Jannar 2001 u qed tiġi aġġudikata.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex id-drenaġġ tal-block kollu ma jibqax jiżbokka u jiżbroffa fil-garaxx mingħand l-inkwilini ta' Blk A, 1, Bertha KIIg, f'Ta Ġiorni? Meta se jittieħdu dawn il-passi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament jiġi trasferit minn Ġnien l-Indipendenza lura għal Ħal Lija fejn kien qabel? Kien hemm xi motivi politiċi partiġġjani li wasslu biex din il-persuna fl-aħħar sentejn bdiet tintbagħat minn post għall-ieħor, minkejja li hija persuna bieżla li tagħti s-sehem tagħha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmija huwa wieħed fost 25 ħaddiem li ġew trasferiti minn diversi distretti fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni għal 'Environment Development and Management Section' fi ħdan l-istess Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Dan sar minħabba l-esiġenzi tad-Diviżjoni.
Mir-records jidher li dan il-ħaddiem kien ilu fid-distrett ta' Ħal-Lija, liema distrett ikopri Attard, Balzan, B'Kara, Lija u Santa Venera, għal dawn l-aħħar tlett snin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-impjegati mad-Dipartiment tal-Works li fl-1997 ħadu course ta' foreman hux ser javvanzaw xi grad aktar milli qegħdin?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-avvanz fil-grad jista' jingħata biss wara sejħa għall-applikazzjonijiet li ssir sabiex jimtela xi post vakant. Dawk li għamlu l-kors imsemmi japplikaw, ma' impjegati oħra, kull meta jkun il-każ.
Iċ-ċertifikati tal-kandidati li jkunu applikaw kollha jittieħdu fil-konsiderazzjoni mill-Board magħmul apposta mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-valur fi flus tax-xogħlijiet / proġetti li qed isiru fil-mument mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministru għall-Ambjent fuq talba tal-kunsilli lokali f'Malta u f'Għawdex?
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari nru. 22265 u jpoġġi xi kopji ta' rivisti relattivi mal-mistoqsija parlamentari?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proċess sabiex titlesta l-pubblikazzjoni fuq l-enerġija hu fi stat avvanzat u dalwaqt ikun imressaq għall-approvazzjoni tal-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħati b/down (kunsill kunsill) tal-kontijiet pendenti li għandhom il-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex mad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministru tal-Ambjent?
Jista' l-Ministru jara li ssir l-estensjoni tad-drenaġġ għar-residenti ta' Pimbrel Hour, Sunrise u Tresor li jinsabu fi Vjal il-Qalbiena Mostin?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li saru arranġamenti mad-Dipartiment tat-Toroq biex il-Kuntrattur li bħalissa qiegħed jagħmel xoghol ta' asfaltar fi Triq il-Qalbenin Mostin, jestendi s-sistema tad-drenaġġ ukoll quddiem id-djar imsemmija, fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex waqaf ix-xogħol fuq il-proġett ta' Triq Ħtrajriet, il-Mosta qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-Mosta?
Jista' jara li x-xogħlijiet jitkomplew?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal-Mistoqsija Parlamentari numru 19922 seduta 392.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Environment Monitoring Board? Jista' jgħid x'inhuma t-terms of reference ta' dan il-board? Jista' jgħid x'tip rimunerazzjoni (ħlas) jieħdu kull wieħed min dawn il-membri? Jista' jgħid jekk hemmx xi ħadd mill-membri li diġa jieħu xi ħlas ieħor minn konsulenzi, bordijiet, ħatriet eċċ magħmula mill-Gvern? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti l-figuri?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-'Terms of Reference' tal-Environment Monitoring Board huma li jfassal strateġija ċara għall-implimentazzjoni ta' l-infurzar tar-regolamenti li jirrigwardaw l-għasafar, kif ukoll li jipproponi strateġija għall-infurzar ta' kuljum ta' dawn ir-regolamenti min-naħa tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent, il-Pulizija u l-Forzi Armati, u li jsegwi rapporti u lmenti dwar l-infurzar jew in-nuqqas ta' infurzar ta' dawn ir-regolamenti.
Il-Membri, rimunerazzjoni u dettalji oħra dwar dan il-Bord huma kif ġej:
ENVIRONMENT MONITORING BOARD
Kompożizzjoni E.M.B. Konsulenzi, Ħlas ieħor
Ħlas ta' eċċ, oħra mill-istess
kull seduta Konsulenzi
eċċ
LM LM
--------------------------------------------------------------------------------------
Chairman
Saviour Balzan 11 Part-Time Adviser 4,520
Ministeru għall-Ambjent
Membri
Joe Sultana 8 Part-Time Adviser 2,673
Ministeru għall-Ambjent
Asst. Commissioner
Josie Brincat 8 NIL NIL
Major Emmanuel Mallia 8 NIL NIL
Joe Buttigieg 8 NIL NIL
Joe Perici Calascione 8 NIL NIL
Raymond Galea 8 NIL NIL
Norman Chetcuti 8 NIL NIL
Segretarja
Ayfer Aquilina 8 NIL NIL
Jista' l-Ministru jinfurmana x'xogħol tlesta s'issa fil-proġett tal-Cottonera u fuq liema parti qed isir ix-xogħol preżentament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi min-naħa tal-'Cottonera Waterfront Group' s'issa sar ix-xogħol fuq it-twaqqiegħ tar-'Royal Navy Cooperage Stores' ħdejn il-menqa, il-blokk magħruf bħala 'Starkey Building' u l-bini illi kien jintuża bħala store mill-Maltacom. Twaqqa' wkoll il-pont illi kien jagħti minn Triq il-Ħabs l-Antik għall-Forti ta' Sant'Anġlu peress illi dan kien ikkunsidrat bħala 'accretion' b'impatt negattiv fuq monument storiku. Bħalissa qed isiru xogħlijiet ta' tħejjija biex jinbeda l-bini tal-parti tal-proġett ta' madwar il-menqa u fil-parti magħrufa bħala 't-Toqba' (naħa tal-Kalkara) u nbdew ukoll diversi xogħlijiet ta' tindif u restawr fuq 'Caraffa Stores' u ġewwa s-'Sea Gate Vaults'.
Min-naħa tal-'Port Cottonera Consortium' saru xogħlijiet ta' tindif fil-bini magħruf bħala 'Scamp's Palace', tneħħew l-'accretions' li kienu fuq il-bejt u qed isiru wkoll xogħlijiet ta' restawr strutturali fuq dan l-istess bini. Qed isir ukoll xogħol ta' tħejjija biex jinbeda l-bini tal-lukanda fis-sit ta' fejn kien jinstab il-'White Building' illi kien ġie mwaqqa' xi żmien ilu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm numru ta' ħaddiema tal-Gvern, li poġġew il-paving blocks f'Tas-Sliema ħdejn Ġnien l-Indipendenza, li għandhom jieħdu tal-overtime li għamlu aktar minn sitt xhur ilu? Meta jaħseb il-Ministru li dawn il-ħaddiema ser jitħallsu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 24135 u 24265 (Seduta 506 u 511).
Jista' l-Ministru jgħid kemm għad hemm Imtieħen fil-Kottonera? Fejn qegħdin? Hemm xi ħsieb li dawn xi darba jinġiebu fi stat fejn ikunu jistgħu jitgawdew?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-Kottonera hemm żewġ imtieħen li qegħdin Bormla, waħda fi Triq San Ġwann u l-oħra fi Triq il-Nitħna. Il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera qed jistudja kif jista' jsir restawr fuq dawn l-imtieħen.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar xhur sarx xi xogħol biex jitneħħa r-radam li qed jidfen inħawi sħaħ f' Delimara? (Ara mappa mibgħuta separatament).
Jista' jgħid jekk sarx xi xogħol biex jissewwew ħitan tas-sejjieħ fl-inħawi u jitħawlu siġar ġodda flok dawk imqaċċtin u vandalizzati?
Hemm xi ħsieb li jsir dan ix-xogħol? Jekk iva, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kwestjoni msemmija qiegħda f'idejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.