Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-ambaxxatur tagħna fil-World Trade Organization (WTO) iweġibx lejn l-Ministeru jew le? Jekk iva jista’ jgħid x’pożizzjonijiet ittieħdu f’dawn l-aħħar tnax-il-xhar fi ħdan din l-organizzazzjoni?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ambaxxatur u Rappreżentant Permanenti għall-World Trade Organisation (WTO) iwieġeb lejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Malta ħadet il-pożizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea sabiex tingħaqad mal-consensus ġenerali fuq l-hekk imsejjaħ 'pakkett ta' Bali' . Malta ngħaqdet ukoll mal-UE fl-għażla tad-Direttur Ġenerali ġdid tal-WTO.
Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur — dispożizzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk id-dispożizzjonijiet kontenuti fil-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Informatur Kapitolu 527 tal-Liġijiet ta’ Malta rigward membri tal-korp diplomatiku ai termini tas-sub-artikolu tlieta (3) fl-artikolu tnejn (2) humiex ser jiġu fis-seħħ sal-aħħar ta’ din is-sena jew sal-aħħar ta’ din il-leġislatura?
Response (VELLA, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk irċeviex talbiet taħt il-Freedom of Information Act f’dawn l-aħħar xhur u jekk iva jista’ jindika kemm-il waħda u jekk kienx hemm tweġibiet fuqhom ai termini tal-att?
Response (VELLA, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika b'mod aktar speċifiku l-perjodu li qed jirreferi għalih fil-Mistoqsija tiegħu.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju, x’preparazzjonijiet saru u liema diffikultajiet hemm, sabiex l-Istitut Kulturali Malti jiġi stabbilit?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-kuntest ta' taħdidiet li għaddejjin bejn il-Ministri konċernati, qegħdin jitfasslu emendi fl-"Att Dwar Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta (Kap 515)" sabiex l-Istitut Kulturali Malti li hemm referenza għalih f'Artiklu 11 (e) jibda fil-futur jaqa' taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Membri tal-Korp Diplomatiku – proċess tat-tqassim ta’ postings
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hiex il-policy stabbilita tal-Ministeru u tal-Gvern li fil-proċess tat-tqassim tal-postings, ma jiġux magħżula persuni li huma membri tal-korp diplomatiku ?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma l-Onor. Interpellant li nirrifjuta bl-aktar mod assolut l-allegazzjoni infondata tal-Onor. Membru li hemm xi policy li membri tal-korp diplomatiku ma jingħatawx
postings.
Nirrakkomanda lill-Onor. Membru jagħmel ftit riċerka u jara l-verita' ta' dan li qiegħed ngħidlu.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra min huwa jew hija s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru? Jista’ jinforma lill-Kamra għala kien hemm xi tibdil tul din is-sena u kif saret il-ħatra l-ġdida?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Nterpellant li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru hija s-Sinjura Fiona Formosa. It-tibdil sar wara li s-Segretarju Permanenti ta' qabilha nħatar Ambaxxatur għall-Olanda b'residenza f' The Hague. Il-ħatra l-ġdida saret bil-mod kif jinħatru s-Segretarji Permanenti l-oħra kollha, jiġifieri b'appointment, kif dejjem sar fl-amministrazzjonijiet preċedenti.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin – smoking area
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ġietx identifikata żona fil-Ministeru fejn jista’ jsir it-tipjip?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tipjip fil-Ministeru huwa pprojbit ġewwa u f' partijiet magħluqa jew imsaqqfa .
Hemm biżżejjed spazji miftuħa fil-Ministeru fejn min irid ipejjep jista' jmur.
Naħseb li mil-lat ta' saħħa dan l-arranġament huwa aħjar milli jkollok kamra magħluqa mħollija għat-tipjip biss.
Immigranti rregolari – ripatrijati taħt l-mekkaniżmu ta’ Dublin II
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9278 u jinforma lill-Kamra kemm persuni li oriġinarjament kienu immigranti rregolari ġew ripatrijati taħt il-mekkaniżmu ta’ Dublin II minn Marzu 2013 sa Marzu 2014? Jista’ jgħid ukoll f’liema dati ġew? Mil-liema pajjiż?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għanda tiġi rriferuta lill-Ministeru konċernat u mhux lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin minħabba li dak li qed jigi mitlub ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħu.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin – transfers ta’ impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru transfers fl-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu bejn Jannar 2003 u Marzu 2013, xahar b’xahar għal kull sena b’mod separat? Jista’ jgħid x’kienet il-kariga tal-persuni milquta, il-postijiet fejn kienu u fejn ġew trasferiti u jekk it-transfers sarux fuq talba tal-individwu jew le?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni tinstab fuq it-tabelli li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għal liema raġuni x-xiri ta’ photocopier ġewwa l-High Commission ta’ pajjiżna f’Londra għall-ammont ta’ l’ fuq minn €10,000, saret b’direct order u mhux bil-proċedura normali tal-offerti?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kummissjoni Għolja ta’ pajjiżna f’Londra xtrat 2 free standing photocopiers u 2 desktop photocopiers. Kien iffirmat ukoll kuntratt ta’ servizz u manutenzjoni għal perjodu ta’ tlett (3) snin liema spiża totali se tlaħħaq is-somma ta’ €10,179.80. Dan sar wara l-kuntratt preċedenti skada. Ta’ min wieħed jinnota li dan kien sewa €56,000 fuq ħames snin u allura dan il-kuntratt se jsarraf bi skont pro-rata ta’ €23,420.20 fuq il-kuntratt preċedenti.
Skont regolament 20.1.d tal-Public Procurment Regulations kellha toħroġ Departmental Tender jew sejħa għal quotations ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern iżda minħabba l-fatt li dan is-servizz se jiġi utilizzat Londra ma kienx vijabli li jissejħu offerti minn pajjiżna. Għal dan l-iskop intalab permess mill-Ministeru għall-Finanzi sabiex il-proċedura użata tiġi awtorizzata. Din l-awtorizazzjoni ingħatat bil-kundizzjoni li din tiġi ippublikata bħala Direct Order fil-Gazzetta tal-Gvern, kif fil-fatt se tkun ippublikata wara l-aħħar ta’ Ġunju li ġej.
Għal din ix-xirja, tħejja dokument bħala Sejħa għal Offerti, liema sejħa kienet tgħalaq fl-20 ta’ Marzu 2014. Għal din is-sejħa, daħlu ħames (5) offerti li ġew evalwati u ntgħażlet l-orħos offerta dik ta’ Toshiba TEC.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin – impjegati ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9271 u jinforma lill-Kamra kemm ġew impjegati ġodda biex jaħdmu fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin minn Marzu 2013 sa Marzu 2014?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu msemmi ġew impjegati 9 persuni ġodda fil-Ministeru għall-Affarjiet Barranin kif ukoll 7 impjegati ġodda ingaġġati lokalment fl-Ambaxxati ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm tħallsu spejjeż u drittijiet legali nsegwitu għall-inċident tat-traffiku bil-vettura tal-Ambaxxata ġewwa l-Greċja li seħħ is-sena li għaddiet?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ispiża għall-inċident tat-traffiku bil-vettura tal-Ambaxxata ġewwa l-Greċja swiet €3,179.38. Ta’ min wieħed jinnota li is-somma ta’ €2,127.91 ġiet irkuprata mill-assigurazzjoni u għalhekk l-ispiża netta hija ta’ €1,051.47.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Ministeru hux se jkollu sehem waqt il-Presidenza Maltija fl-Unjoni Ewropea? Jekk iva, x’sar s’issa?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ser ikollu sehem waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017. Dan is-sehem u l-involviment jissarraf f’diversi fatturi li ser insemmi.
F’April tal-2013 ġie appuntat focal point fil-Ministeru biex nibdew nosservaw u nfasslu l-pjanijiet neċessarji għal meta Malta jkollha l-Presidenza fl-2017.
Diġa saru numru ta’ laqgħat mal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej, fejn ġew diskussi numru ta’ kwistjonijiet – kemm fuq livell ta’ loġistika, ippjanar tal-attivijiet li ser isiru hawn f’Malta, u kwistjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif ukoll fuq livell politiku. Dan il-Ministeru ta s-sehem tiegħu f’eżerċizzju mitlub minn kull Ministeru ieħor fejn ġew imfassla għall-ewwel darba l-prijoritajiet għal matul iż-żmien tal-Presidenza tagħna u għax xhur ta’ qabel fejn il-programm tagħna se jkun imfassal u mwettaq flimkien mat-trio partners – l-Olanda u l-iSlovakja.
Dan il-Ministeru, permezz tal-Ambaxxati tagħna, ikompli jagħti s-servizz u l-appoġġ tiegħu biex jistabilixxu kuntatti bejn Ministeri u awtoritajiet meħtieġa biex inkomplu nippreparaw għall-bżonnijiet ta’ Malta kemm qabel u waqt il-Presidenza. Hawnhekk nixtied nsemmi li bħalissa, uffiċjal mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jinsab Ateni fejn sa tmiem il-Presidenza Griega jati rapport dwar l-osservazzjonijiet u informazzjoni miġbura matul is-sitt xhur. L-għan ewlieni hu sabiex din l-informazzjoni tkun tista tgħin lilna bil-preparamenti tagħna.
Sar ukoll ftehim mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja, li uffiċjal Malti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin se jkun jista’ jsegwi mill-qrib ix-xogħol u tfassil tal-politika għall-Mediterran għal waqt is-sitt xhur tal-Presidenza Taljana li se tibda fl-Lulja ta’ din is-sena. Dan il-ftehim sar sabiex inkomplu nħejju ruħna għal mod ta’ kif ser jitfassal il-politika tagħna waqt il-Presidenza, b’attenzjoni partikolari għall-Mediterran.
Fuq livell Ministerjali, nixtieq insemmi li ser inkun membru tal-core group imexxi mill-Prim Ministru. Membri oħra fuq dan il-core group huma l-viċi Prim Ministru, u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u għall-fondi Ewropej.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern wara d-dikjarazzjoni li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ta dwar l-immigrazzjoni rregolari l-ġimgħa li għaddiet? Jista’ jinforma x’sforzi qed isiru da parti tal-Gvern Malti f’dan ir-rigward?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dikjarazzjoni minnu msemmija kienet waħda unilaterali magħmula mill-individwu ikkoncernat u għalhekk qegħda titqies bħala tali. Nixtieq ninforma wkoll illi l-Prim Ministru Libjan wassal messaġġ ċar lill-Ambaxxaturi Ewropej fi Tripli illi d-dikjarazzjoni ma tirriflettix il-pożizzjoni tal-Gvern Libjan u li l-awtoritajiet Libjani ser jibqgħu josservaw l-obbligi internazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward.
Il-Gvern Malti ser ikompli jaħdem id f’id mal-Gvern Libjan sabiex jiġi ndirizzat dan il-fenomenu permezz ta’għajnuna bilaterali kif ukoll fl-ambitu tal-preżenza Maltija f’’EUBAM Libya’ fejn il-ħidma tal-uffiċċjali Maltin diġa qegħda ssarraf riżultati sodisfaċenti ħafna.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2009 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?
Response (VELLA, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħataw l-ebda xogħlijiet lill kumpanija li id-dettalji tagħha ngħataw separatament.
In vista tal-mod kif żviluppaw l-affarijiet, jista’ l-Ministru jara li ċ-ċittadini mill-Ukraina li jridu japplikaw għall-visa biex jiġu f’pajjiżna, ikunu jistgħu japplikaw fl-istess imsemmi pajjiż?
Response (VELLA, GEORGE)
Nixtieq informa ill-Onor. interpellant li l-Gvern qiegħed jesplora kull possibilità sabiex il-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini mill-Ukraina jkun jista' jsir bl-inqas problemi, preferibbilment minn ġewwa il-pajjizi stess, dejjem jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu.
Bħalissa, l-applikazzjonijiet qedgħdin jiġu milqgħuha u pproċessati ġewwa il-Konsulat ta’ Malta f’Moska. L-applikanti jistgħu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom jew dirett ġewwa il-Konsulat f’Moska jew f’wieħed mill-Visa Application Centres mifruxa mar-Russia li l-Ministeru għandu kkuntrattati ma’ aġenzjia privata jew inkella juża is-serviżżi ta’ Aġenti Ukraini akkreditati biex jagħmlu dan.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin huwa konxju li hemm diffikultajiet loġistiċi għall-applikanti biex jisottomettu l-applikazzjoni tagħhom ġewwa Moska u għalhekk qed issiru diskussjonijiet ma’ stati membri oħra ta’ Unjoni Ewropeja għal-għajnuna konsolari, kif ukoll ma' aġenzija privata li qed topera numru ta’ Visa Application Centres ġewwa l-Ukraina, kif isir ġewwa Moska.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba pajjiżna hux se jwieġeb għall-aħħar sejħa tal-UNHCR sabiex jassisti l-eluf ta’ refuġjati li ħarbu mill-gwerra ċivili fis-Sirja?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta laqgħat u tat protezzjoni internazzjonali lil dawk kollha li ġew Malta u li kienu intitolati għal din il-protezzjoni hekk kif stipulat fl-Att dwar ir- Refuġjati.
Ninforma wkoll lill-Onor. interpellant li m’hemmx intenzjoni li jigu risistemati persuni minn kampijiet tar-refuġjati f’pajjiżi oħra lejn Malta, minħabba li Malta diġà għandha pressjonijiet migratorji tagħha.