Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mtarfa — Binja San David

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex l-ispazji u l-faċilitajiet komuni tal-Binja San David fl-Imtarfa issir il-manutenzjoni meħtieġa tas-soqfa, tal-lift u tibjid tal-ħitan biex ma jaqgħux fi traskuraġni u stat ta' abbandun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-partijiet komuni tal-blokk, il-manutenzjoni tagħhom hija r-responsabilita' tal-inkwilini. Għal dan il-għan, flimkien ma ftehim tal-kirja iffirmaw dokument li l-inkwilini bejniethom għandhom jiffurmaw Għaqda tar-Residenti biex jieħdu ħsieb l-manutenzjoni ta' l-istess partijiet komuni. 21.12.98

Sptar San Vinċenz de Paule — Ġonna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-ġonna ta' St. Vinċenz de Paule isiru bankijiet biex igawduhom l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hemm il-ħsieb li għas-sena d-dieħla, fir-Residenza ta' San Vinċenz, se jitqegħdu bankijiet fil btieħi tan-naħa tan-nisa u ta' l-irġiel, kif ukoll fil-bitħa quddiem il-kappella. Dawn huma postijiet l-aktar frekwentati mir-residenti. 19.12.98

Anzjani — Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proċeduri hemm biex tingħata liċenzja għall-ftuħ ta' dar ta' l-anzjani privata? Ladarba li l-gvern japprova liċenzja, x'miżuri jieħu biex jaċċerta ruħu li l-livelli stabiliti fl-għotja tal-liċenzja jinżammu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Min ikun interessat jiftaħ dar għall-anzjani għandu japplika lill-Ministeru tas-Saħħa. Wara li ssir l-applikazzjoni l-individwu jiġi mitlub jimla' kwestjonarju li jirrigwarda dettalji dwar il-proġett (per eżempju n-numru ta' impjegati, numru ta' kmamar, numru ta' residenti, servizzi, ecc.). Meta dan il-kwestjonarju jidħol fid-Dipartiment tas-Saħħa, ssir spezzjoni minn team ta' uffiċċjali rappreżentanti tad-Dipartimenti tas-Saħħa u ta' l-Anzjani, maħtura apposta għal dan l-iskop. Wara din l-ispezzjoni jinħarġu r-rakkomandazzjonijiet lill-applikant. Meta imbagħad l-post ikun jissodisfa r-regolamenti, jingħata parir lill-Ministru tas-Saħħa biex tinħareġ il-Liċenzja rispettiva skond il-Medical and Kindred Professions Ordnance. Kull liċenzja tkun valida għal sena kalendarja u biex din tiġi mġedda, ssir spezzjoni kull sena biex jiġi aċċertat li l-livell inzamm u xi rakkomandazzjonijiet li jkunu ingħataw ġew implimentati. Minbarra din il-vista ta' rutina, ġieli jsiru spezzjonijiet jekk ikun hemm xi lmenti jew tinħass il-ħtieġa. 18.12.98

Benfiċċji soċjali

Question

Jista' l-Ministru jara li l-applikazzjoni tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, Ref. HAS 96/98 u li din ġiet invalida minħabba klawsola 5 (d ii) li tgħid: "ftehim ta' enfitewsi temporanja li ma jeċċediex s-16-il sena li jkun magħmul qabel id-data appuntata", dan jiġi mogħti lura l-flus li ħallas lill-awtorita' inklużi r-riċerki u dan meta l-applikant huwa diżokkupat u jgħix bir-relief? Il-Ministru jara li dan huwa każ partikolari fiċ-ċirkostanzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-applikant kien jaf ben tajjeb li ma setgħax japplika għax l-enfitewsi temporanja kientet għal wieħed u għoxrin sena b'effett mill-31 ta' Awissu 1988. Dan il-kuntratt ma ġiex prestentat ma' l-applikazzjoni li ngħatat lill-Awtorita' tad-Djar fid-19 ta' Ottubru 1998. Il-fatt li għandu dan iċ-ċens temporanju ħareġ mir-riċerki. Kopja ta' l-kutratt ta' l-enfitewsi temporanju ġiet ippresentata l-Awtorita' tad-Djar fid-9 ta' Novembru 1998. Naħseb li l-Onorevoli Interpellant jifhem li biex tiġi proċessata applikazzjoni, l-ħlas ammistrattiv huwa ferm għola mid-depositu imħallas cioe' Lm10. Jekk l-applikant jixtieq ir-riċerki li ssottometta lill-Awtorita' tad-Djar, dan jista' jiġi l-uffiċċju ta' l-Awtorita' tad-Djar u jingħata kopja tagħhom. 18.12.98

Ministeru tas-Servizzi Soċjali — Karozzi tal-kiri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi tal-kiri mal-ministeru u mad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min huma l-kerrejja ta' dawn il-karozzi u jekk il-kirijiet humiex isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew permezz ta' direct orders? Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tlaħħaq l-ispiża kuljum għal kiri ta' dawn il-karozzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ti tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. 18.12.98

Ministeru tal-Politika Soċjali — Allowances

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru 1998? Min huma u xi grad għandhom? F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin? Għal liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'riferenza għat-Tweġiba temporanja li kont tajt għal din il-Mistoqsija fis-Seduta Nru. 4, għandi ninforma lill-Onor. Membru li l-informazzjoni mitluba issa nġabret. Jirriżulta li, fid-Dipartimenti u fl-organiżżazzjonijiet l-oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, waqt li hemm numru sostanzjali ta' mpjegati li abel il-5 ta' Settembru 1998 kienu u fil-fatt għadhom qed jirċievu xi forma ta' allowance (eż: Qualification Allowance, Shift Allowance, On Call at Home Allowance), ma kien hemm l-ebda mpjegat li beda jirċievi xi allowance wara d-data ndikata. 17.12.98

Pensjonijiet — Pensjoni kontributorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li bħalissa qed jirċievu xi tip ta' pensjoni b'mod globali? Kemm minn dawn jirċievu pensjoni kontributorja u kemm minnhom jirċievu pensjoni non-kontributorja? F'termini ta' flus, għal kemm jammontaw dawn il-pensjonijiet? X'persentaġġ tal-G.D.P. jikkontribwixxu dawn il-pensjonijiet issa u matul dawn l-aħħar tlett decades?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jipprovdu l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. B'mod partikolari l-informazzjoni mogħtija fit-tieni tabella tipprovdi numru ta' ndikazzjonijiet interessanti. 17.12.98

Pensjonijiet — Pensjoni kontributorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ tal-GDP ikkontribwixxew is-social budgets, sena b'sena, għal dawn l-aħħar 20 sena? Kemm minn dawn il-persentaġġi kienu għall-pensjoni kontributorja u kemm ma kienux, ċioe' pensjonijiet non-kontributorji u skemi oħra bħal SKA's? X'persentaġġ minn dawn is-social budgets, sena b'sena, kien allokat għall-unemployment benefits?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. Għalkemm il-preparazzjoni ta' din it-Tweġiba kienet tinvolvi eżerċizzju estensiv, ħassejt li dan kellu jsir anke għax din it-tip ta' riċerka u evalwazzjoni s'issa ma kinetx qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Irrid niċċara li, għall-iskop ta' din it-Tweġiba: (i) taħt id-definizzjoni ta' 'social budgets' qed tiġi nkluza biss in-nefqa fuq il-benefiċċji tas-Sigurta' Soċjali; (ii) taħt id-definizzjoni ta' 'pensjoni kontributorja' qed jiġu nklużi t-tipi kollha ta' pensjonijiet kontributorji u mhux ir-'Retirement Pension' biss; (iii) taħt id-definizzjoni 'pensjonijiet non-kontributorji u skemi oħra' qed jiġu nklużi l-benefiċċji non-kontributorji kollha tas-Siġurta' Soċjali, nkluż, per eżempju, l-assistenza soċjali. Ta' min jinnota, b'mod partikolari, li: (i) l-ammont minfuq f'pajjiżna matul dawn l-aħħar għoxrin sena fuq benefiċċji soċjali bħala persentaġġ tal-'Gross Domestic Product at market prices' kien wieħed kostanti (bejn l-10 u t-12%) ħlief fl-1979 (meta naqas) u fl-1983 - 1985 (meta żdied); (ii) l-ammont imħallas għal benefiċċji tal-qgħad bħala persentaġġ tal-'Gross Domestic Product at market prices' naqas sostanzjalment fl-1987 meta tela' fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista u baqa' kostanti b'żieda relattivament żgħira fl-1997. 17.12.98

Anzjani — Assistenti soċjali każwali

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni, sena b'sena, dwar in-numru ta' casual social assistants li ħadmu u li qed jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Anzjani (minn meta ġew ingaġġati)? Kemm hu n-numru ta' anzjani li għamlu u qed jagħmlu użu minn dan is-servizz sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' Assistenti Soċjali Każwali li kienu jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Anzjani mill-1988 sal-lum huwa hekk: 1988 - 27 1989 - 76 1990 - 143 1991 - 221 1992 - 293 1993 - 312 1994 - 316 1995 - 366 1996 - 417 1997 - 434 1998 - 440 In-numru ta' anzjani li għamlu użu minn dan is-servizz mill-1990 sal-lum huwa hekk: 1990 - 554 1991 - 1,331 1992 - 2,500 1993 - 2,798 1994 - 2,286* 1995 - 2,444 1996 - 2,569 1997 - 2,600 1998 - 2,811 * Sal-1993, il-figura murija tinkludi anzjani Maltin u Għawdxin. Mill-1994 'il quddiem, il-figura murija tinkludi biss anzjani Maltin. Fil-fatt fl-1994, kien hemm 773 Għawdxin li kienu qed jirċievu s-servizz. 17.12.98

Anzjani — Assistenti soċjali każwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talbiet pendenti minn anzjani, eċċ għas-servizz tal-casual social assistants? Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond jekk it-talba hijiex ġdida jew inkella żieda, sigħat, eċċ? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li ġie mnaqqas lilhom il-ħin ta' servizz li kienu jieħdu mingħand is-CSA's u x'inhuma r-raġunijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa hemm 83 persuna jistennew is-servizz tal-'Home Care Help'. Dawn it-talbiet għas-servizz huma mqassma hekk. 63 każi ġodda u 20 żieda ta' sigħat Bejn Ottubru 1996 u Settembru 1998 kien hemm 50 każ li tnaqqsilhom il-ħin tas-servizz tal-'Home Care Help'. Dan sar wara eżerċizzju ta' 're-assessment' ta' kull każ fejn instab li kellhom allokat siegħat aktar milli kellhom bżonn. Għaldaqstant is-sigħat li ġew iffrankati ġew allokati lill-każi ġodda li kienu fuq il-'waiting list'. 17.12.98

Koperattivi — Support unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu dawk li ġew impjegati fis-Support Unit għall-koperattivi bejn l-1992 u l-1996? Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-impjiegi kienx hemm sejħa pubblika u fil-każ li, iva meta u kif saret din is-sejħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija kif ġejja: IMPJEGAT/A SEJĦA GRAD Alphonse Żammit Lulju 1994 Project Leader Emanuel Zahra Ġunju 1995 Project Leader Marcelle Azzopardi Ġunju 1996 Clerk Michael Fenech Marzu 1996 Project Leader F'dawn il-każijiet kollha, saru sejħiet pubbliċi fil-gażżetti ta' kuljum u nżammu ntervisti ma' l-applikanti kollha. 17.12.98

Ministeru tal-Politika Soċjali — Kuntratti

Question

Riferibbilment għall-perjodu 1 ta' Novembru, 1998 sat-30 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dwar il-partijiet numru l-4 ta' din il-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Membru għat.Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 1269. Is-sitwazzjoni ndikata f'dik it-Tweġiba baqgħet l-istess bejn l-10 u t-30 ta' Novembru 1998. Dwar il-partijiet l-oħra ta' din il-Mistoqsija jien infurmat li l-Bord tal-Koperattivi għamel estensjoni waħda fuq kuntratt oriġinali. Din kienet tinvolvi x-xiri ta' żewġ desks, żewġ side desks, żewġ unit drawers u żewġ swivel chairs b' valur ta' Lm856.17. 17.12.98

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender saret din is-sena dwar xogħol fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Fiex kienu jikkonsistu dawn it-tenders? Kemm kien il-valur antiċipat f'dawn it-tenders? Kemm u liema minnhom ġew deċiżi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din is-sena inħarġu dawn it-tenders għad-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla: VALUR STMAT Lm (i) Mechanical and Electrical Services 712,000 (ii) New Water Mains and Sewage System 55,000 (iii) Internal and External Plastering Works 113,000 (iv) Roofing Works 33,000 (v) Aluminium Apertures 78,000 (vi) Shaft Plastering Works 5,000 (vii) Tiling Works and Sanitary Fittings 295,000 (viii) Vertical Transportation Systems 61,000 It-tenders min-numru (i) sa (vi) kollha ingħataw u x-xogħol inbeda. It-tenders (vii) sa (ix) qegħdin fl-istadju ta' 'adjudication' u dalwaqt jingħataw mid-Direttur tal-Kuntratti. 17.12.98

Djar — Postijiet rekwiżizzjonati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond 2/Flat 2 Pjazza Mattia Preti, Valletta, huwiex rekwiżizzjonat? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond imsemmi huwiex okkupat jew battal? Jekk huwa okkupat, jista' l-Ministru jgħid meta ġie allokat? Jekk huwa battal, jista' l-Ministru jgħid meta dan il-fond fil-fatt ġie battal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-fond indikat la hu rekwiżizzjonat u lanqas hu propjeta tal-Gvern. Għalhekk id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandux l-informazzjoni mitluba. 17.12.98

Mtarfa — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-programm tax-xogħlijiet li se jissoktaw fl-Imtarfa matul l-1999? Kemm huwa kkalkolat li se jintnefqu flus għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għas-sena d-dieħla ser tkompli bil-proġett ta' bini ta' appartamenti fl-Imtarfa u għandha ivvutat Lm1,033,000. Dawn l-ispejjez ikopru t-tkomplija tat-toroq, u t-tlestija tal-maisonettes diġa mibdija. Ser jingħata bidu għal-bini ta' 30 Maisonettes, għal-Blokk ta' appartamenti, kif ukoll għat-tiswija tat-torri tal-arloġġ. 16.12.98

Djar — Mtarfa

Question

Billi numru ta' familji residenti fl-Imtarfa qed jiffaċċjaw periklu serju fi djarhom, liema ċirkostanza tista' twassal għal xi inċidenti fatali, konsegwenza li soqfa tad-djar ta' l-imsemmija residenti huma qodma ħafna u filwaqt li ġew ċertifikati li huma kkundannati minn diversi periti kompetenti, baqgħu ma ġewx mibdula minkejja l-ħafna talbiet li għamlu tul is-snin lil diversi awtoritajiet konċernati mir-residenti in kwestjoni u minn rappreżentanti tagħhom, jista' l-Ministru jikkonsidra li jsib rimedju għal din is-sitwazzjoni u ċioe' jgħin mill-aħjar li jista' lil dawn il-familji li żgur mhux tort tagħhom qed jgħixu f'dan il-periklu kollu? Jista' l-Ministru jinvestiga mill-ġdid l-istat perikoluż ta' dawn is-soqfa sabiex il-periklu li qed jgħixu fih dawn il-familji ma jkomplix jiggrava?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Xi tmien snin ilu l-Awtorita' tad-djar kienet investigat il-każ tas-soqfa tal-Barrack Blocks fl-Imtarfa flimkien ma' perit privat imqabbad mir-residenti. Dawn il-postijiet kienu mixtrija mingħand l-Awtorita' tad-Djar u għalhekk ir-residenti huma propjetarji. Saru tliet proposti mill-Awtorita' Tad-Djar li kienu hekk: 1. Frar 1990 L-Awtorita' tad-Djar toħroġ l-ispejjeż kollha biex jitranġa s-saqaf tal-partijiet komuni u 50% tal-ispejjeż li jintefqu fis-saqaf tal-post sa massimu ta' Lm800. 2. Awissu 1990 L-Awtorita' tad-Djar toħroġ 50% tal-ispejjeż biex jitranġaw is-soqfa tal-appartamenti u l-partijiet komuni sa massimu ta' Lm1,200 għal kull appartament. 3. Novembru 1991 L-Awtorita' tad-Djar toħroġ l-ispejjeż kollha biex jitranġa s-saqaf tal-partijiet komuni u Lm6.50 għal kull metru kwadru ta' saqaf li jinbidel fl-appartament. Il-ħlas kellu jsir wara li jitlesta x-xogħol kollu u jiġu ppreżentati rċevuti tax-xogħol. Ir-residenti ma qablu ma' l-ebda waħda mill-proposti u għalhekk l-Awtorita' tad-Djar iddeċidiet li toffri għall-bejgħ il-partijet komuni kollha bi prezz nominali u s-soqfa jkunu responsabbli għalihom ir-residenti stess. Kien hemm numru ta' residenti li xtraw il-partijiet komuni. Fil-każ tal-Blokki G u H is-soqfa kienu msewwija mill-Works Department meta l-appartamenti ġew allokati u għalhekk l-Awtorita' tad-Djar mhix responsabbli għal tiswijiet fis-soqfa f'dawn il-blokki. 16.12.98

Persuni b'diżabilita' — Applikazzjoni Nru. 2961

Question

Jista' l-Ministru jara li jestendi l-għajnuna tiegħu għall-applikazzjoni Nru 2961 sabiex din it-talba pendenti ta' persuni b'diżabilita' tiġi rimedjata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Membru jipprovdi aktar dettalji, partikolarment dwar liema servizz applikat għalih il-persuna konċernata. B'hekk inkun nista' nagħti Tweġiba aktar sodisfaċenti. 16.12.98