Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif ġie appuntat l-viċi kap ta' l-SWDP? Saret sejħa għall-applikazzjonijiet u kemm applikaw persuni? X'kienu l-kondizzjonijiet li riedu jissodisfaw l-applikanti u min kien fuq il-bord ta' l-għażla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li d-Deputat Kap ta' l-SWDP kien ġie 'designated' f'dik il-pożizzjoni minn fost l-impjegati ta' l-Aġenzija mill-Kap ta' l-SWDP fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti.
Ma kienet saret l-ebda sejħa għall-applikazzjonijiet qabel ma saret dik il-ħatra.
Għajnuna soċjali — Rata tal-kera wara korriment serju
Question
Peress li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament ilha erba' xhur u nofs ma taħdimx għax weġġgħet serjament fuq ix-xogħol, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġi kkunsidrat li titbaxxielha r-rata tal-kera li jkollha tħallas lill-gvern għall-post fejn toqgħod mal-familja tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi r-rata ta' sussidju fuq il-kera tal-persuna ndikata ġiet riveduta din is-sena skond id-dħul tal-inkwilin matul l-1998, u dan skond il-ftehim ffirmat minnhu meta ġie allokat il-post. Ir-reviżjoni li jmiss issirlu fl-2001 fuq id-dħul tiegħu matul is-sena 2000.
Iżda jekk minħabba ċirkostanzi speċjali, peress li tilef ix-xogħol wara li weġġa, naqaslu id-dħul, hu għandu, fil-bidu tal-2000, jitlob lid-dipartiment biex terġa ssirlu reviżjoni fuq id-dħul tiegħu matul l-1999.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, għar-rigward ta' proprjeta' mibnija f'dawn l-aħħar għaxar snin mid-Dipartiment tal-Housing u/jew il-Housing Construction and Maintenance Department, kemm hemm minnha: (1) vojta; (2) fejn din il-proprjeta' tinsab; (3) kemm hemm garaxxijiet; u (4) fejn dawn jinsabu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm id-dipartimenti msemmija mhumiex propjetarji ta' l-ebda bini tal-Gvern, m'hemm ebda propjeta' amministrata minn dawn id-Dipartimenti, li hija vojta għajr għal xi units li minn żmien għal żmien jiġu vakati w ri-allokati. Ta min isemmi li l-Awtorita' tad-Djar għandha numru ta' garaxxijiet li huma vojta u ser jiġu allokati permezz ta' sejħa għall-offerti fi ftit żmien ieħor. Lista ta' dawn il-garaxxijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, għar-rigward ta' data inputted fil-computers ta' l-Awtorita' tad-Djar u tad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali, u cioe' dik li tikkonċerna l-allokazzjoni ta' punti li fuqhom jiġu allokati l-postijiet, jiggarantixxi li hi waħda tajba, korretta u vera simili?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fir-rigward tad-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali, meta twaqqfet id-database tad-Dipartiment 11 il-sena ilu, numru rilevanti ta' punti ġew assenjati lid-dħul tal-applikant. Id-Dipartiment sar konxju ta' ċerta manipulazzjoni li tista' ssir hawn dwar fatti li diffiċilment jistgħu jiġu vverifikati.
Minn naħa l-oħra, fil-każ ta' l-allokazzjonijiet, l-Awtorita' tad-Djar tuża żewġ sistemi kontemporanji, waħda manwali u oħra kompjuiterizzata. Qabel ma issir l-allokazzjoni, jiġi assigurat li l-punti taħt iż-żewġ sistemi jkunu l-istess.
Barra dan, il-Ministeru flimkien mad-Dipartimenti Għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorita' tad-Djar qegħdin fil-fażi finali ta' proċess fejn il-punti allokati jkunu identiċi kif ukoll li din is-sistema tnaqqas kemm tista' l-abbużi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji fuq liema kriterji d-direttur għall-akkomodazzjoni soċjali/housing qiegħed jirrikkmanda l-allokazzjoni u jekk tali rakkmandazzjoni hijiex ibbażata fuq il-punti allokati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-punti mogħtija lil kull applikant huma għodda għad-Dipartiment biex isir l-proċess ta' allokazzjoni. Jista' jkun hemm ċirkostanzi fejn il-punti ma jirriflettux bżonnijiet soċjali ferm gravi li jirrikjedu allokazzjoni mmedjata lill-ċertu applikanti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni wara d-dikjarazzjoni, meta tkun rakkmandata applikazzjoni għall-akkomodazzjoni ta' homeless? Jista' l-Viċi Prim Ministru jiggarantixxi li min hu nkarigat qiegħed jaqdi dmiru sewwa u jiċċertifika mill-għases tal-pulizija rispettivi li tali dikjarazzjoni ta' homeless hija vera simili u mhux pretiza u li ma jkunx hemm kulliżjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali hu konxju li jkun hemm każi fejn ma jkunx veru li l-applikant ikun "homeless". Għalhekk rapporti "unchecked" mill-għases tal-pulizija jiġu injorati. Id-Dipartiment iqis l-aktar bħala "homeless" lil dawk żgumbrati mill-qorti, lil dawk li waqgħetilhom id-dar u lil dawk li jkollhom rapporti verifikati mill-pulizija, akkompanjati minn rapporti ta' welfare officers jew social workers.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qegħda tieħu l-amministrazzjoni sabiex tiżgura li dawk iċ-ċittadini li jew għax m'għandhomx wiċċhom jagħtihom u jmorru wara l-bibien jew għax ma jħobbux jitolbu, jieħdu l-istess trattament u attenzjoni fir-rigward ta' l-applikazzjoni tagħhom għal assenjazzjoni ta' akkomodazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-allokazzjonijiet ta' postijiet battala li jsiru mid-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma jiġux allokati lil dawk li jmorru jħabbtu l-bibien. Id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu nies apposta li jiflu u jidentifikaw każi urġenti u jressquhom għall-konsiderazzjoni tad-Direttur.
L-Awtorita' tad-Djar, ukoll, tittratta lil kulħadd bl-istess mod.
Kull ħarġa ta' allokazzjoni mħabbra mill-Awtorita' tad-Djar tkun ippubblikata diversi drabi fil-media lokali.
Ovvja, min irid xi forma ta' għajnuna mill-Awtorita' tad-Djar taħt xi skema minn tagħha rrid jissottometti applikazzjoni.
Dan l-aħħar saret kampanja televisiva mill-Awtorita' tad-Djar fejn informat l-pubbliku x'servizzi toffri.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji dwar xi proġetti ġodda kien hemm fir-rigward tal-housing tul dawn l-aħħar għaxar snin u fejn kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proġetti kollha tal-bini ta' l-Awtorita' tad-Djar ġew elenkati fir-rapporti amministrattivi ta' kull sena li ġew ippreżentati u approvati mill-Parlament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 8220?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar safar ta' Ministri u Segretarji Parlamentari nirreferi l-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8004.
Fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, qed nagħti informazzjoni simili dwar id-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Social Security Act — Persuni fuq dieta speċjali - Skimmed Milk
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10475 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u cioe': billi f'ċirkolari numru DH1285/98 dwar l-iskimmed milk li d-Direttur Ġenerali bagħat fit-12 ta' Ottubru qal li hemm proviżjoni speċjali fis-Social Security Act għal persuni li jenħtieġu dieta speċjali, jista' l-Ministru jispjega min hu ntitolat biex jieħu l-iskimmed milk? X'għandu jagħmel wieħed li jrid l-iskimmed milk għas-saħħa, meta d-dipartiment mhux se jagħti dan l-iskimmed milk?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi kif ġej:-
1. Fl-Artikolu 23 hemm provediment għall-Għajnuna Medika Bla Ħlas. Din l-Għajnuna tikkonsisti f'mediċini, nuċċalijiet, dentaturi, jew għajnuniet prostetiċi oħra li fil-fehma ta' l-Uffiċċjal Mediku Prinċipali tal-Gvern ikunu ndikati skond il-każ. Hemm provediment speċjali li bih, persuna li tkun tbati minn Auto-Immune Enteropathy, l-Għajnuna Medika għandha tinkludi wkoll il-Nutriment Parentarali sħiħ. Għalkemm l-għoti ta' din l-Għajnuna Medika hu suġġett għat-Test tal-Mezzi, fil-każ ta' ċerti mard li hu elenkat fit-Taqsima II tal-Ħames Skeda ta' l-Att m'hemmx ħtieġa li jsir it-Test tal-Mezzi.
2. L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi wkoll li fejn persuna tkun tbati minn xi marda jew kundizzjoni ndikata fl-ewwel taqsima tal-Ħames Skeda ta' l-Att, din tingħata Għajnuna Medika fi flus jekk il-persuna tissodisfa t-Test tal-Mezzi.
Minn dak li spjegajt, l-Onor. Interpellant jifhem li l-iskimmed milk, f'termini tal-provediment ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali,ma jaqax taħt it-termini ta' "mediċina" li "fil-fehma ta' l-Uffiċċjal Mediku Prinċipali tal-Gvern ikun ndikat". Għaldaqstant iċ-ċirkolari DH 1285/98, fejn għandu x'jaqsam l-iskimmed milk, u li għaliha qed issir referenza hi korretta f'termini tal-liġi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8914, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba sabiex jitlesta xogħol fuq il-gallarijiet fil-post Blk 1, Flat 6, Fuq San Pawl, Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-gallarijiet tlestew mid-Dipartiment tal-Manifattura w Servizzi w ser jitwaħħlu fil-post fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li wasslet liċ-Chief Executive ta' l-ETC biex itemm il-ħatra tiegħu mal-korporazzjoni? Skond il-kuntratt li kellu, meta kellha tintemm din il-ħatra?
X'inhuma l-kondizzjonijiet li ġew offruti liċ-Chief Executive il-ġdid tal-korporazzjoni? Kemm hu twil il-kuntratt tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Meta kien qed jitwettaq il-proċess għall-ħatra ta' "Chief Executive Designate" għall-Korporazzjoni, kien hemm il-ħsieb li ċ-"Chief Executive" attwali jiġi sekondat, a spejjeż tal-Gvern, ma Koperattiva li għandha bżonn tmexxija aħjar u assistenza teknika ta' persuna midħla fis-sistemi koperattivi. Dan l-arranġament iżda ma seħħx u għalhekk ma kienx jagħmel sens li l-Korporazzjoni jkollha, għal żmien relattivament twil, kemm "Chief Executive" kif ukoll "Chief Executive Designate". Il-ħatra taċ-"Chief Executive" attwali kienet tibqa' valida sakemm jirtira' bl-eta'.
Ir-remunerazzjoni li għandu jirċievi ċ-"Chief Executive" l-ġdid tal-Korporazzjoni hija fl-istess livell ta' dik li kien igawdi ta' qablu bid-differenza iżda li ċ-"Chief Executive" l-ġdid għandu wkoll id-dritt għall-"Performance Bonus" li għandhom s-Segretarji Permanenti fis-Servizz Pubbliku. Il-kuntratt taċ-"Chief Executive" l-ġdid huwa ta' ħames snin li jista' jiġġedded għal ħames snin oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex issir manutenzjoni fis-switches u s-sistema tad-dawl ta' Blokk A, Triq Bertha KIIG, Ta' Giorni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jammontaw il-blokki residenzjali tal-Gvern f'dawn il-lokalitajiet: Bormla, Birgu, Isla, Kalkara, il-Belt Valletta u l-Furjana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din id-domanda l-aħjar ssir lil-Ministru responsabbli mid-Dipartiment ta' l-Artijiet peress li dan id-Dipartiment jamministra il-proprjeta' tal-Gvern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' familji/romol, eċċ. li xtraw proprjeta'/flats, eċċ mill-Awtorita' tad-Djar matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet ġodda bejn l-istess perijodu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar irċeviet 222 l-applikazzjoni minn familji/ romol eċċ., biex jixtru r-residenza governattiva tagħhom. Saru 193 il-kuntratt.
Fil-każ tal-postijiet ġodda saru 135 il-kuntratt.
Taħt l-Avviż 63 - Bejgħ ta' Appartamenti, "Cluster Houses", "Maisonettes" u Garaxxijiet, fejn applikabbli, f'diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex - l-Awtorita' tad-Djar irċeviet 302 l-applikazzjoni minn familji/romol/"single parents". Lill-60 applikant intbgħat avviż li ġew allokati post.
Billi dan l-aħħar tħabbar li anzjani residenti f'St Vincent de Paule se tiżdidilhom ir-rata mill-pensjoni tagħhom illi se jżomma l-gvern, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid din iż-żieda ta' 20% x'issarraf fi flus? Kemm inżammilhom flus żejda minn mindu bdiet topera din l-ordni u kemm kien in-numru t'anzjani nvoluti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ebda flus żejda ma nżammu mingħand l-anzjani f'San Vinċenz de Paule billi s'issa ebda żieda ta' 20% fir-rata tal-pensjoni għada ma seħħet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament tingħata post, anke minħabba l-fatt li għandha persuna b'diżabilita?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni tal-persuna indikata qed tkun ikkunsidrata.