Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ssellfu kotba mil-librerija pubblika ta' Belt is-Sebħ fl-1995, 1996, 1997, 1998 u 1999? Tista' tagħti l-istess statistika għall-fergħat differenti ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istatistika miżmuma mid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji ma tagħtix informazzjoni dwar kemm persuni jissellfu kotba, iżda tgħarif dwar in-numru ta' kotba li jiġu mislufa. Fil-fatt bejn l-1995 u l-1999, il-Librerija Pubblika tal-Floriana u l-fergħat f'Malta u Għawdex, sellfu bejniethom, 3,383,458 ktieb.
It-tabella t'hawn taħt tagħti informazzjoni dettaljata dwar kemmu minn fejn ġew mislufa dawn il-kotba.
Sena Librerija Fergħat f'Malta Total
Floriana u Għawdex
1995 239,355 393,082 632,437
1996 256,690 415,478 672,168
1997 248,556 429,616 678,172
1998 262,461 438,189 700,650
1999 295,174 424,857 720,031*
It-totali għas-sena 1999 huma sa l-aħħar ta' Novembru.
Jista' l-Ministru jgħid b'kemm inxtraw kotba matul is-sena 1999 għal-librerija pubblika ta' Belt is-Sebħ u tal-fergħat differenti ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-1999 id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji Nazzjonali xtara b'erbatax-il elf Lira Maltija (Lm14,000), kotba, għal-Librerija Pubblika tal-Floriana u l-fergħat madwar Malta u Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti hemm maħsubin fil-qasam tas-siti storiċi li se jsiru matul is-sena 2000; (1) ma' għaqdiet volontarji; (2) ma' għaqdiet tip Fondazzjoni Patrimonju Malti; u (3) mas-settur privat?
Response (GALEA, LOUIS)
Apparti l-ftehim mal-BOVI Heritage Trust dwar il-proġett tat-Tempji ta' Ħal-Tarxien li xogħol dwaru wasal fi stadju avvanzat u qegħdin jitlestew dokumenti u kuntratti definittiv, kif ukoll diskussjonijiet prelimanari dwar it-tmexxija ta' l-Ipoġew, s'issa m'hemmx proposti konkreti oħra. Nittama li ma jdumx ma jiġi konkluż ix-xogħol fuq l-abbozzar tal-qafas legali li għandu jirregola dan is-settur u li hu maħsub li jiffaċilita sħubija bħal dik indikata mill-Onor. Membru.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Junior Lyceum - Eżamijiet
Question
Jista' l-Ministru jara biex jittieħdu passi biex il-unit li jorganizza u jikkordina l-eżamijiet tal-Junior Lyceum fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jkollha spazju kbir biżżejjed fejn jaħdem biex jiġi mnaqqas ir-riskju ta' leakages?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li diġa' ġew indikati żewġ imħażen kbar għall-Educational Assissment Unit. Meta jkunu vakati, jirranġaw ruħhom u jingħaqdu mal-Unit. Dawn joffru spazju biżżejjed biex it-taqsima tkun organizzata aħjar u tkompli ssaħħaħ il-fiduċja ta' kulħadd fis-sigurta` u s-serjeta` ta' l-eżamijiet imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni tad-dewmien biex isir maintenance fit-toilets ta' l-iskola Lorenzo Gafa' u jekk il-Ministru hux qed jikkonsidra l-iskomdu li l-istudenti qed ikollhom joħorġu barra fil-bitħa biex jużaw il-mobile toilets?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li l-ilment jiġi konsidrat u jittieħdu l-passi kif xieraq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ipparteċipaw persuni f'youth exchanges bejn l-1995 sal-lum?
Fejn saru dawn il-youth exchanges u kemm intnefqu flus f'kull exchange?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji liema kienu l-karozzi uffiċjali u mikrija mill-ministeru u li kienu nvoluti f'kolliżjonijiet mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm ġew jiswew l-ispejjeż tal-ħsarat ta' dawn il-kolliżjonijiet; (b) min kienu l-uffiċjali jew impjegati li fi żmien li saret il-kolliżjoni kienu responsabbli mill-vettura nvoluta u (ċ) f'kull każ min kien qiegħed issuq il-vettura fil-ħin li saret il-kolliżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-karozzi uffiċjali fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni involuti f'kolliżjonijiet mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn kienu dawn:
1. 18/11/98 - Peugeot GAN 453 li kienet fir-responsabilita`
u misjuqa mix-xufier tal-Ministru u li l-ispejjeż tħallsu
mill-Bus Pool Insurance.
2. 26/10/99 - Hyundai LAB 743 li kienet fir-responsabilita`
tas-Segretarju Permanenti u misjuqa minn Motor Transport
Driver u li l-ispejjeż tħallsu mill-Gen. Accidents Insurance.
Informat ukoll li l-ispejjeż ta' kolliżjonijiet b'karozzi tal-kiri huma koperti minn polza ta' sigurta` skond it-termini tat-'tender' u għaldaqstant mhumiex fir-'records' tal-Ministeru.
Peress li ħafna kapijiet ta' skejjel li jilmentaw li minor staff jiġi mċaqlaq u trasferit bla ma jiġu konsultati huma (il-kapijiet), tista' tinbidel din il-linja biex ma jkomplux jitħarbtu l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-fehma tiegħi, ċertu xogħol ta' tindif u maintenance ta' kuljum fl-iskejjel hu aktar imħarbat mill-inkapaċita` ta' kull min hu responsabbli biex jassigura li kull impjegat jaqdi dmiru sew u jagħti ġurnata sħiħa ta' xogħol, milli mill-approvazzjoni għal ċaqliq ta' minor staff normalment mitlub mill-impjegati nfushom.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-wirjiet ta' l-arti li saru tul l-1999 f'xi mużew jew bini li jaqa' taħt il-ministeru; jista' jagħti l-isem ta' l-artist u d-data tal-wirja u l-post wirja b'wirja?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Għaqdiet kulturali — Kontribuzzjonijiet finanzjarji
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm għaqdiet kulturali li matul l-1999 ngħataw xi kontribuzzjoni finanzjarja mill-ministeru?
Liema kienu u kemm ingħataw f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jiġi kompilat biex tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm għaqdiet sportivi u clubs li matul l-1999 ngħataw xi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Ministeru? Liema kienu u kemm ingħataw f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Meta tqis li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha 3,500 mis-7,500 computer li hemm fid-dipartimenti tal-gvern, jista' l-Ministru jgħid meta se jingħataw IT facilitators lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru diversi talbiet sabiex jingħataw IT facilitators għad-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Il-kwestjoni qed tiġi diskussa mal-MITTS u fil-futur għandha tittieħed azzjoni f'dan ir-rigward.
B'riferenza għar-rapport ta' l-Awditur Ġenerali għall-1998 f'paġna 60 u 61 fejn u għand min instabu ż-żewġ oġġetti (glazed vase and a mahogany table) li kienu nieqsa u nstabu?
X'sar mis-sitt oġġetti l-oħra nieqsa? Fejn waslet l-investigazzjoni dwarhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-"glazed vase" instab fl-uffiċċju ta' l-Awdituri Interni, filwaqt li l-"mahagony table" instabet fl-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti. Informat ukoll li sa issa għadhom ma ġewx misjuba s-sitt oġġetti l-oħra nieqsa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9331 jista' l-Ministru jgħid ta' min huwa r-rwol biex jinvestiga irregolaritajiet simili?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-rwol sabiex ikunu investigati irregolaritajiet bħalma qed isemmi l-Onor. Membru huwa totalment f'idejn l-istess awtoritajiet li jmexxu l-Iskejjel tal-Knisja.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi konkreti se jittieħdu matul is-sena 2000 għall-interventi edukattivi li hemm bżonn biex ngħinu lil 20% ta' l-istudenti fl-eta' ta' seba' snin li għandhom diffikultajiet biex jiktbu u jaqraw bil-Malti u bl-Ingliż, skond kif ġew identifikati fir-riċerka li saret fuq it-tfal kollha fit-tieni sena tal-primarja f'pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tieħu diversi inizjattivi fuq livell ta' skejjel, klassijiet u individwi biex isiru magħrufa dawk it-tfal li baqgħu lura fit-tagħlim u jittieħdu passi biex dawn l-istess tfal tingħatalhom l-għajnuna meħtieġa biex javvanzaw 'il quddiem.
Fost dawn il-passi:
* Jingħata s-servizz ta' Edukazzjoni Kumplimentarja.
* Jitqassmu riżorsi lill-għalliema ta' l-Edukazzjoni
Kumplimentarja.
* Jittieħdu inizjattivi biex kull għalliem/a joħolqu
programmi li jindirizzaw il-bżonnijiet edukattivi
speċifiċi ta' dawn it-tfal.
* Jiġu organizzati korsijiet ta' aġġornament (induction
training u in-service courses) lill-għalliema ta' dawn
it-tfal.
* Jitkompla r-rapport kwantitattiv, li beda fl-1996 mill-
Uffiċjal Edukattiv ta' l-Edukazzjoni Kumplimentarja bl-
għajnuna ta' l-għalliema f'dan is-servizz.
* Isir follow-up ta' dawn ir-rapporti bil-għan li dawn it-
tfal jingħataw l-għajnuna meħtieġa fit-tagħlim.
* Isiru żjarat ta' sikwit fil-klassijiet ta' dawn l-istudenti.
* L-għalliema joħolqu l-metodi ta' tagħlim b'modi individwali
kif ukoll fi gruppi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jaċċettax il-proposta popolari li l-iskola primarja B ta' Birżebbuga tissemma għal Suor Maria Theuma, mara mil-lokal, li tat ħajjitha fil-missjoni u mietet issalva tarbija fil-Pakistan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-eżerċizzju biex l-iskola primarja ta' Birżebbuġa tingħata isem uffiċjali għadu mhux konkluż. S'issa kien hemm proposta mill-Kunsill Skolastiku (li rrefera għaliha l-Omor. Membru) u, issa jmiss lill-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa li jagħmel il-proposta tiegħu. Wara li jsiru dawn il-proposti, tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar l-isem uffiċjali ta' din l-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti se jittieħdu mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fil-linja ta' dak li hemm f'paġni 65 u 66 tad-diskors tal-Budget 2000: "Hemm lok kbir biex nikkontrollaw aħjar l-ispiża fl-iskejjel tal-gvern bla ma ssir ħsara lill-kwalita'. Jeħtieġ li l-iskejjel tal-gvern jużaw ir-riżorsi tagħhom b'aktar ekonomija"?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, filwaqt li tħares lejn il-kwalita`, il-ħin kollu impenjata biex tagħmel l-aħjar użu tar-riżorsi li jkollha. L-Office of Review hu mistenni jkun ta' għajnuna f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda x-xogħol tant urġenti fuq il-bini ta' l-iskola primarja ta' Ħal-Luqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li xogħol urġenti kaġunat mill-maltemp li kellna fil-ġimgħat li għaddew fl-iskola ta' Ħal Luqa mbeda u mistenni jispiċċa fi żmien qasir. Xogħol ta' ristrutturazzjoni ta' l-iskola kollha li ilu maħsub snin hu msitenni jibda tul is-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jkunu l-kwalifiki għad-dħul ta' l-istudenti fil-Kors tal-Mediċina u tal-Kirurġija fl-Universita' ta' Malta f'Ottubru 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Membru jaf li din hi materja li l-Universita` tiddeċidiha b'awtonomija sħiħa permezz tas-Senat ta' l-Universita`.
Informat li l-kwalifiki għad-dħul ta' l-istudenti fil-kors tal-Mediċina u tal-Kirurġija fl-Universita` Malta f'Ottubru 2000 huma l-istess bħal dawk li kienu meħtieġa għad-dħul fil-kors li fetaħ f'Ottubru 1999 jiġifieri dawk ippubblikati permezz ta' l-Avviż Legali 104 ta' 1999. Dawn il-kwalifiki jgħoddu għad-dħul ta' studenti regolari u kull min ikollu dawn il-kwalifiki jidħol bi dritt fil-kors li minn din is-sena m'għadx għandu numerus clausus.
Informat ukoll li bħal f'kull kors ieħor, il-Fakulta` għandha f' diskrezzjoni li tammetti studenti bi prova (probationary students) dawk l-applikanti li jkunu kisbu ċ-Ċertifikat tal-Matrikola iżda jkun jonqoshom mhux aktar minn element wieħed mir-Rekwiżiti Speċjali tal-Kors partikolari li jkunu applikaw għalih (bħalma hu grad f'suġġett fil-Livell Avvanzat jew grad f'suġġett fil-Livell Intermedjarju). Dan fit-termini tar-Regolamenti għad-Dħul kif emendati bl-Avviż Legali 9 ta' 1998.