Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjonijiet — Aġġustamenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir adjustment fuq il-pensjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna msemmija qed jiġi nvestigat. Il-persuna kkonċernata tiġi nfurmata mid-dipartiment bir-riżultat wara li jitlestew dawnl-investigazzjonijiet.

Impjiegi — Opportunitajiet ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ikkummissjonax rapport li jistudja modi ta' kif jistgħu jiġu maħluqin opportunitajiet ta' xogħol ġodda għall-ħaddiema Maltin? Jekk iva, min qed iħejji dan ir-rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-eżerċizzju biex jinħolqu opportunitajiet ta' xogħol għall-ħaddiema Maltin hu wieħed kontinwu bil-kontribut ta' bosta organiżżazzjonijiet bħall-MDC, ETC, etc. Ma ġie kkummissjonat ebda rapport formali fis-sens li qed jgħid l-Onor. Membru.

EU — Liġijiet

Question

Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid liema liġijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għandhom bżonn jiġu emendati, miżjuda jew mibdulin kompletament biex ikunu konformi mad-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nifhem li l-Onor. Membru qed jirreferi għal tibdil f'leġislazzjoni eżistenti. Jekk dan huwa l-każ, il-liġijiet jew regolamenti li jkunu jridu jinbidlu huma s-segwenti: - Conditions of Employment (Regulations) Act. 1952 - Social Security Act 1987 - Industrial Relations Act, 1976 - Occupational Health and Safety (Promotion) Act 1994 - Other Occupational Health & Safety Regulations Irrid ngħid li peress li l-"iscreening process" ta' dawk il-Kapitli ta' l-"acquis" li l-aktar jolqtu l-Ministeru tiegħi għadhom ma ġewx finaliżżati, jista' jkun li l-lista mogħtija f'din it-Tweġiba m'hijiex waħda finali.

Moviment għal persuni b'diżabilita' — Laqgħat

Question

Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' mal-moviment għal persuni b'diżabilita' biex jiddiskuti l-abbozz ta' liġi dwar opportunitajiet indaqs? Dan il-moviment għamel xi rakmandazzjonijiet? Kemm minn dawn ir-rakkmandazzjonijiet intlaqgħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali l-aktar permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ilha mill-1994 tagħmel konsultazzjoni fuq il-Liġi Opportunitajiet Indaqs. Din il-konsultazzjoni saret kemm mill-amministrazzjoni Nazzjonalista kif ukoll mill-amministrazzjoni Laburista. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' żewġ dokumenti li juru b'mod iddokumentat dan il-proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa li huma: a) Liġi Opportunitajiet Indaqs - Persuni b'Diżabilita' maħruġ mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' fl-1994 u li jittratta konferenza nazzjonali li kienet organizzata dak in-nhar fuq din it-tema. b) White paper - Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita') - Konsultazzjoni Pubblika li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita fl-1997 u li jagħti rendikont ta' diversi laqgħat ta' konsultazzjoni li l-amministrazzjoni preċedenti kienet għamlet fuq din il-liġi. Matul dawn is-snin kollha, ħlief għal dawn l-aħħar ġranet, ma kien hemm l-ebda organiżżazzjoni bl-isem ta' Moviment għal Persuni b'Diżabilita' u għalhekk ma kien hemm l-ebda rakkomadazzjoni minn dan il-moviment. F'dawn l-aħħar ġranet qrajna fil-medja kummenti kritiċi dwar din il-Liġi minn dan il-moviment. Barra minn hekk il-Membri Parlamentari wkoll irċevew din l-istqarrija pero għalkemm din l-istqarrija kien fiha indirizz ma kienx hemm identifikazzjoni tal-persuni li qed imexxu dan il-moviment. L-anqas f'din l-istqarrija ma kien hemm rakkomandazzjonijiet speċifiċi. Il-Ministeru tiegħi kien ikun dispostissmu li jiltaqa' u jiddiskuti kull punt li seta' jressaq dan il-Moviment pero dan il-Moviment għażel li joħroġ il-kritika tiegħu fil-medja, kif kellu kull dritt li jagħmel, biss dan għamlu ħames snin wara li beda dan il-proċess ta' konsultazzjoni mill-aktar wiesgħa u komprensiva. Il-Ministeru xorta għadu dispost li jiltaqa' mal-membri ta' dan il-moviment biex nassiguraw li din il-Liġi tkun ta' l-akbar benefiċċju possibli għall-persuni b'diżabilita' u l-familji tagħhom.

Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti — Laqgħat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' ma' l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti mill-5 ta' Settembru 'l hawn u x'kienu d-dati ta' meta ltaqgħu? B'riferenza għar-riżoluzzjoni maħruġa waqt il-konferenza ġenerali annwali ta' l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-budget li jmiss hux se jilqa' t-talba ta' l-għaqda fejn dawn talbu li: "jibdew diskussjonijiet minnufih sabiex pensjonati jieħdu ż-żidied li jistħoqqilhom wara l-ftehim kollettiv għas-Servizz Pubbliku"?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-informazzjoni qieghda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Djar — Sussidju ta' kera

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex sinjura, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija, naqsilha s-sussidju tal-kera meta għad għandha l-istess dħul?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fis-sena 1998, li fuqha inħadem is-sussidju tal-kera, l-applikant kella żieda ta' Lm 395.28 fid-dħul annwali fuq dik tas-sena 1997.

Għawdex — Xewkija - Qasam Industrijali - Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni ġew dikjarati redundant f'dawn l-aħħar tliet xhur mill-kumpanniji li jaħdmu fil-qasam industrijali tax-Xewkija, Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'dawn l-aħħar tlett xhur, mill-Qasam Industrijali tax-Xewkija, Għawdex, persuna waħda biss ġiet iddikjarata bħala "redundant".

Tfal u żgħażagħ — Bord konsultattiv

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord konsultattiv dwar it-tfal u ż-żgħażagħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Bord Konsultattiv Dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ huwa magħmul hekk: Chairperson: Dr Ruth Farrugia, LL.D. Viċi-Chairperson: Mr John Role', C.Q.S.W. Segretarju: Mr Eugenio Galea, Dip. Soc. Stud. (S.W.);P.G. Cert. in Soc. Wrk. Management; P.G. Dip. Ger. Membri: Mr Dione Mifsud, B.Ed. (Hons); Dip. Sch. Couns. Ms Margaret Psaila, Dip. Soc. Work Ms Mary Cachia, Dip. Soc. Wrk; B.A. (Hons.); P.G. Cert. in Soc. Wrk Management; C.Q.S.W. Ms Clarissa Sammut Scerri, B.A. (Hons.) M.A. Couns. (Psych.) Ms Carmen Zammit, Diploma in Assistenza Sociale; P.G. Cert. in Soc. Wrk. Management.

Task force — Liġijiet dwar il-ħarsien ta' tfal

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min hija l-konsulenta legali fuq it-tfal li qed tmexxi t-task force li twaqqaf mill-Ministeru għall-Politika Soċjali sabiex tagħti ħarsa lejn il-liġijiet kollha li jolqtu t-tfal u tħejji abbozz ta' liġi li jħares l-aħjar ġid tat-tfal? Min huma l-membri tat-task force imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-konsulenta legali tal-Ministeru fuq it-tfal li qed tmexxi t-task force sabiex tagħti ħarsa lejn il-liġijiet kollha li jolqtu t-tfal u tħejji abbozz ta' liġi li jħares l-aħjar ġid tat-tfal hija Dr Ruth Farrugia LL.D. Il-membri tat-task force huma Jacqueline Borg BA(Socio-Legal studies), Dr Angele Rapa LL.D., Errol Cutajar BA(Socio-legal studies), John Role' CQSW u Claire Stafrace BA(Socio-legal studies).

Servizzi soċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex it-tifel b'diżabilita' li l-partikolaritajiet tiegħu jidhru separatament ma' din il-mistoqsija, m'għadhiex board u jingħata l-karta s-safar biex jkun jista' jattendi r-Razzett tal-Ħbiberija, Wied il-Għajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Assoċjazzjoni Torball Blind — Bini

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani x'ġara mit-talba pendenti li t-Torball Blind Association għandha sabiex tingħata l-bini fl-Imtarfa fejn tixtieq tiżviluppa ċ-ċentru tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru qiegħed jikkunsidra li juża dan il-bini biex minnu jingħata servizz residenzjali liż-żgħażagħ skond kif kien issemma fil-laqgħat tal-kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Kamra meta ftit xhur ilu iddiskuta s-servizzi f'pajjiżna għat-tfal u żgħażagħ.

Djar tal-Gvern — Tibjid

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir it-tibjid tal-flats ta' bini tal-Gvern, Unit Nru.1, Blokk C, Raħal Ġdid peress li jinsab fi stat ta' abbandun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għal azzjoni meħtieġa. Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għat-tibjid tat-taraġ komuni.

Djar tal-Gvern — Tikħil

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex ma sarx it-tikħil tal-flats min barra ta' Telgħet Raħal Ġdid, skema 2, Blokk 2, Raħal Ġdid? Jista' jgħid jekk humiex se jsiru bħalma saru tal-viċin? Jekk iva, meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jidher li ngħatat prijorita' lil każijiet li huma l-aktar gravi. Biss jien infurmat li x-xogħol għandu jsir aktarx is-sena d-dieħla meta r-riżorsi jippermettu.

Sigurta' soċjali — Tnaqqis ta' arretrati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħin fil-każ tas-sinjura separata li l-partikularitajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, biex jitnaqqsu l-arretrati ta' Lm7.72 fix-xahar għax bil-pensjoni ta' Lm88.79 qiegħda tbati ħafna finanzjarjament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

ETC — Persuni li nqatgħu mir-reġistru

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru ta' persuni li nqatgħu mir-reġistru tal-qagħad xahar b'xahar minn Settembru 'l hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant m'hijiex ċara u hu mitlub jispeċifika jekk il-persuni li qed isaqsi dwarhom (cioe' dawk li nqatgħu mis-sistema tar-reġistrar - Lapses) humiex: a) dawk in-nies li nqabbdu jabbużaw peress li kienu qed jaħdmu; jew b) dawk li ntbagħtu għal intervista biex jaħdmu w m'attendewx; jew c) dawk li l-Korporazzjoni offrietilhom xi forma ta' taħriġ u m'attendewx; jew d) dawk li nqatgħu mis-sistema minħabba li naqsu li jirreġistraw; jew e) dawk li nqatgħu għaliex sabu mpieg.

Non Governmental Organisations — Vot 4070

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif tqassmu l-flus tal-Vot 4070 fejn jitqassmu il-flus lil Non Governmental Organisations?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-fondi allokati mill-Ministeru għall-Politika Soċjali lin-Non-Governmental Organisations għas-sena 1999. Din il-lista ġiet ippublikata mill-Ministeru fid-dokument 'Politika Soċjali 1999 - 2000' fil-kuntest tal-inizjattiva msemmija 'Fid-direzzjoni t-tajba'. Irrid niċċara li dawn il-fondi nħarġu: (i) mill-ammont allokat fil-Vot 4070 ta' l-Estimi għall-1999 kif ukoll minn xi 'savings' taħt dan il-Vot għas-sena 1998; (ii) minn ammont mgħoddi lill-Ministeru mill-Ministeru tal-Finanzi mill-Fond tal-Lotteriji. Il-lista iżda ma tinkludix ammont ieħor ta' Lm200,000 mgħoddija lill-Caritas miż-żewġ Ministeri.