Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 11266 dwar in-numru ta' studenti fl-iskejjel? Hekk hemm xi skejjel li għadhom ma bagħtux l-informazzjoni meħtieġa, jista' l-Ministru jgħid liema huma?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta. Informat li l-istatistika dwar l-istudenti post-sekondarji għadha qed tinġabar.
Issa li dalwaqt wasal biex jintemm l-ewwel term ta' l-iskola, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 11267 dwar in-numru ta' għalliema fl-iskejjel? Jekk hemm xi skejjel li għadhom ma bagħtux l-informazzjoni, jista' l-Ministru jgħid liema huma?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta. L-informazzjoni mogħtija ma tinkludix għalliema jew staff ieħor li jgħallem li bħalissa qegħdin fuq maternity jew paternal leave jew unpaid sick leave.
Informat li n-numru ta' għalliema fl-iskejjel tal-Knisja u Privati huwa kif ġej:
Skejjel tal-Knisja - 1253
Skejjel Privati - 632
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu l-miżuri konkreti li se jittieħdu biex ngħinu studenti żgħażagħ fl-iskejjel speċjali jagħmlu korsijiet transizzjonali bħala tħejjija għal ħajja u għax-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Taqsima Edukazzjoni Speċjali għandha għall-ewwel darba għalliema mħarrġa apposta li qed tagħmel ix-xogħol ta' Transition Co-ordinator. Bdiet taħdem mat-Taqsima mill-bidu ta' din is-sena skolastika. S'issa din l-għalliema għamlet il-kuntatti kollha neċessarji mal-kapijiet u l-istaff ta' l-Iskejjel Speċjali, u mal-ġenituri tat-tfal li ġew identifikati u li jistgħu jgawdu minn programm transizzjonali. Saru ukoll laqgħat mal-Kapijiet ta' l-Adult Training Centres u ma' l-Employment and Training Corporation. Ser isiru issa kuntatti ma' l-amministrazzjoni mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali sabiex flimkien jiġu diskussi l-ħtiġijiet kollha li hemm bżonn sew bħala faċilitajiet, nies imħarrġa apposta, apparat speċjali u l-programm ta' transizzjoni nnifsu. It-Taqsima Edukazzjoni Speċjali kif ukoll l-Iskejjel Speċjali ser ikollhom konsultazzjoni kontinwa mal-ġenituri ta' l-istudenti kkonċernati dwar dak kollu li jkun qed isir għall-ġid ta' uliedhom. F'dan il-proċess qed tiġi kkonsultata ukoll il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita`.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex tiġi riabilitata l-iSkola Nawtika peress li aktar ma tibqa' fl-istat diżastruż li tinsab fih qed tbiegħed minnha studenti prospettivi? Meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm pjan biex l-Iskola Nawtika tiġi riabilitata. Id-data meta ser jibda x-xogħol għadha ma ġietx deċiża.
Jista' l-Ministru hemm xi pjan biex tiġi żviluppata u mkabbra l-iSkola tal-Hairdressing u Beauty Therapy ta' Tas-Sliema peress li hemm żgħażagħ li qed jitħallew barra milli jsegwu kors f'din l-iskola?
Meta se jitwettaq dan il-pjan ta' żvilupp u kemm se jqum u fuq kemm żmien?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar approvat il-pjanti għat-tkabbir kif proposti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, it-Taqsima Bini ta' Skejjel ta' l-istess Diviżjoni ippreparat id-dokumenti ta' l-offerti flimkien mal-pjanti relevanti.
Informat ukoll li x-xogħlijiet ta' konkos, ġebel u finitura huma stmati li se jkunu madwar Lm70,000. Ix-xogħlijiet fuq servizzi elettriċi u mekkaniċi huma stmati li se jiswew madwar Lm35,000.
Fl-aħħar nett informat li huwa maħsub li dawn ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jibdew f'nofs is-sena 2000 u jieħdu madwar sena, jiġifieri sa Awissu 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bħalissa persuni fis-servizz mediku fl-iskejjel?
Mindu bdiet is-sena skolastika, fiex kienet tikkonsisti fid-dettal il-ħidma ta' dan is-servizz?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li:
1. Is-servizz mediku fl-iskejjel jikkonsisti;
* Sitt tobba li jaħdmu fl-iskejjel;
* Disa' infermieri li jaħdmu fl-iskejjel;
* Tabiba li tiddiriġihom;
* Infermiera li tikkoordina xogħlhom.
Mindu bdiet is-sena skolastika fis-27 ta' Settembru 1999, il-ħidma tagħhom kienet:
* Visti ta' rutina lit-tfal ta' l-ewwel, it-tielet u s-sitt
sena fl-iskejjel ta' l-Istat u tal-Knisja;
* Visti ta' rutina tat-tfal li għandhom jibdew il-kindergarten
f'Jannar 2000;
* Iċċekkjar tax-xagħar tat-tfal meta mitlubin biex jagħmlu
hekk mill-iskejjel;
* Tilqim ta' Hepatitis B, MMR u influwenza.
2. Is-servizz mediku ta' l-Edukazzjoni jikkonsisti f'tabib u Assistenta tas-Saħħa.
Mindu bdiet is-sena skolastika 1999, il-ħidma tagħhom kienet:
* Servizz ta' pariri mediċi lill-Head Office u s-sezzjonijiet
(17-il każ), lill-iskejjel (27 każ) u lil persuni li qegħdin
barra mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni (7 każi);
* Wieħed u għoxrin taħdita lill-għalliema;
* Sittax-il viżta lill-iskejel ta'l-Istat;
* Kontinwazzjoni tal-koordinament tat-tilqim kontra l-Hepatitis B
lill-istaff ta' l-iskejjel speċjali, u tat-testijiet tad-demm
li jsiru wara t-tilqim;
* Programm organizzat ta' ċċekkjar tar-ras tat-tfal kollha (1408)
ta' l-iskejjel primarji ta' l-Istat.
3. L-infermiera residenti fl-iskejjel speċjali huma sitta f'Malta u waħda f'Għawdex. Dawn jieħdu ħsieb id-diversi bżonnijiet tat-tfal bi bżonnijiet speċjali u jgħinu lit-tobba fil-viżti tagħhom.
4. Servizz ieħor f'Għawdex jikkonsisti f'tabib u infermiera. Mill-bidu ta' din is-sena skolastika l-ħidma tagħhom kienet:
* Kontinwazzjoni ta' l-eżamijiet fiżiċi ta' rutina lit-tfal li
bdew il-kindergarten ta' l-Istat u tal-Knisja;
* Tilqim ta' Hepititis B, DDT pol, MMR u BCG.
Universita' — Social Work - Faċilita' Korrettiva ta' Kordin
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet (anke jekk jingħatawli b'mod kunfidenzjali) li wasslu lill-Universita' biex iċċaħħad żewġ persuni mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin biex isegwu kors degree fil-qasam tas-social work?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sabiex persuna tkun tista' tiġi reġistrata bħala student fil-kors tal-B.A.(Hons.) Social Work għandha bżonn tissodisfa r-regolamenti ta' l-istess kors. Fost dawn hemm regolament numru 4 li jgħid li kandidat jista' jkun reġistrat fil-kors jekk:
a) ikun eliġibbli għad-dħul fl-Universita` bħala student
regolari skond it-termini ta' l-Admission Regulations ta' l-Universita`; u
b) jissodisfa lill-Bord ta' Intervisti maħtur apposta għal dan
il-għan li huwa għandu l-ħajra li jsegwi dan il-kors.
L-istess regolament ikompli jgħid li għalkemm ir-rekwisiti hawn fuq imsemmija huma r-regola, fil-każ ta' gradwati mill-Universita` u wkoll persuni ta' aktar minn 23 sena li l-Bord hawn fuq imsemmi jidhirlu li l-kwalifiki tagħhom huma suffiċjenti, jistgħu jkunu eżenti mill-istess rekwiżiti ħlief għar-rekwiżit ta' l-intervista mill-Bord.
Informat li ż-żewġ applikanti msemmija naqsu li jissudisfaw dan ir-rekwiżit ta' l-intervista mill-Bord.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex informat li fl-iskola Sacred Heart, f'San Ġiljan qed isiru dimostrazzjonijiet pubbliċitarji minn rappreżentanti tal-Mid-Med Bank biex iħajru lill-istudenti japplikaw għall-Quickcash Card? Jista'l-Ministru jgħid jekk dimostrazzjonijiet pubbliċitarji bħal dawn humiex permessi fl-iskejjel governattivi u anke dawk non-governattivi? Jista'l-Ministru jgħid jekk attivitajiet bħal dawn jenħtieġux il-permess tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u jekk jenħtieġu permess, jista' l-Ministru jgħid jekk f'dan il-każ intalabx il-permess meħtieġ u eventwalment dan il-permess ingħatax?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma għandhiex il-kompitu li tiddeċiedi hi min jidħol fl-iskejjel biex jagħmel attivita` bħal dik imsemmija fil-mistoqsija. F'dawn il-każi d-deċiżjoni hi dik tal-kap ta' l-iskola konċernata.
Informat ukoll li l-Kapijiet ta' l-Iskejjel ta' l-istat kienu ġew infurmati li jistgħu jaċċettaw talbiet minn banek differenti biex uffiċjali tagħhom iżuru l-iskola u jkellmu lill-istudenti ta' Form 5.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li studenti tal-Year I li jattendu l-iskola primarja Alfons Maria Galea, f'Tas-Sliema, m'humiex jiġu mgħallma is-suġġett tal-lingwa Ingliża?
Response (GALEA, LOUIS)
Skond il-kurrikulu ta' l-ewwel klassi ta' l-iskejjel Primarji, it-tagħlim formali tal-lingwa Ingliża għandu jibda wara l-Milied. Għaldaqstant kull tagħlim f'din il-lingwa fl-ewwel term ta' l-ewwel klassi huwa inċidentali u mhux formali jew obbligatorju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali ta' l-ispejjeż tat-trasport minn Novembru 1998 sa Novembru 1999 fl-oqsma kollha li jaqgħu taħt il-ministeru?
Mil-liema voti differenti ttieħdu l-flus biex tiġi koperta n-nefqa totali? Tista' tagħti l-ammonti differenti minn voti differenti? X'passi qed jittieħdu biex ma jkunx hemm ħela f'dan il-qasam?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biex jinġabar it-tagħrif kollu, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Minħabba s-sitwazzjoni ħażina li jinsabu fihom skulturi tal-bronz f'postijiet pubbliċi fil-Belt u fil-Furjana, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir ir-restawr meħtieġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-pożizzjoni s'issa hi li l-manutenzjoni tal-monumenti pubbliċi fil-Belt u l-Furjana m'humiex responsabbilita` diretta tad-Dipartiment tal-Mużewijiet, imma tar-Restoration Unit tal-Works Division u tal-Valletta Rehabilitation Committee. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet jirritjeni skond ir-regolamenti għall-Ħarsien ta' Antikitajiet, is-Soprintendenza ta' din il-kura, billi kull entita` attiva f'dan il-kamp obbligata tikkonsulta mad-Dipartiment tal-Mużewijiet qabel kull intervent jew restawr. L-istess Dipartiment diġa' ta parir tiegħu dwar il-kura meħtieġa għall-monumenti pubbliċi tal-bronz li jinsabu fil-Belt.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnhom l-esibiti lokali fil-Biennale ta' Venezja? Meta se jinġiebu lura u kemm se tqum din l-operazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-esibiti li nbagħtu għall-Biennale ta' Venezja huma propjeta` ta' l-artisti li f'din il-Biennale irrappreżentaw lil pajjiżna. Dawn l-esibiti bħalissa qegħdin fil-fażi li jiġu ippakkjati u jintbagħtu lura Malta. Huwa stmat li din l-operazzjoni tqum xi ftit inqas min Lm2000 inkluża l-insurance u xi ispejjeż anċillari oħra. Figura aktar preċiża tkun magħrufa fil-ġimgħatejn li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi beħsiebu jieħu l-Ministru fid-dawl tal-kummenti li għamel iċ-Chairman tal-FELTOM li minkejja li l-Monitoring Board fuq l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin għandu ħafna poteri, mhux qed jużahom u qed jieħu attitudni laissez faire li qed tbaxxi l-istandards lokali f'qasam internazzjonali daqstant kompetittiv?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar il-kummenti li c-chairman tal-FELTOM għamel fil-konfront tal-Monitoring Board fuq l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin informat li:
a) l-istess chairman tal-FELTOM kien u għadu wieħed mill-membri ta' l-istess Monitoring Board u għalhekk għandu sehem fl-applikazzjonijiet tal-Policies u fid-deċiżjonijiet kollha ta' l-istess Monitoring Board.
b) F'Jannar li għadda l-Monitoring Board ifformola New Policy Guidelines u Questionnaire li qed jiġu esegwiti attentament fil-ħruġ ta' Liċenzji ġodda għall-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż;
c) Minkejja li f'dawn is-sentejn, minn meta twaqqaf il-Board, kien hemm għadd konsiderevoli għall-ħruġ ta' Liċenzji, in-numru ta' applikazzjonijiet li ġew approvati kien biss ta' sitta.
d) Bħalissa qed isir monitoring tal-kwalifiki tat-teachers kollha li jgħallmu fl-iskejjel ta' l-Ingliż u dawk biss li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-Liġi qed jingħatalhom il-permess li jgħallmu (EFL Permit).
e) Fit-tlett xhur tas-sajf isiru inspections mil-membri kollha tal-Monitoring Board fl-iskejjel kollha u fl-extensions fejn isir it-tagħlim ta' l-Ingliż lill-barranin. Mhux rari l-każ li jsiru ukoll żjajjar lil xi skejjel matul is-sena skond il-ħtieġa.
f) Il-Monitoring Board jgħaraf li hemm diffikultajiet mhux tant fl-iskejjel daqskemm fil-Home Accomodation. Dawn il-problemi, ta' aspetti diversi, qed jingħataw attenzjoni speċjali bil-koperazzjoni sħiħa tal-Ministeru tat-Turiżmu.
Jista' l-Ministru jgħid meta fetaħ u għalaq il-perijodu li fih setgħu jintefgħu applikazzjonijiet għall-Commonwealth Scholarship? Kemm applikaw u f'liema suġġetti? Kemm intagħżlu u f'liema suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-perjodu li fih intlaqgħu applikazzjonijiet għall-Commonwealth Scholarships għall-Kanada u r-Renju Unit kien bejn il-ġurnata li ġew ippublikati l-calls fil-gazzetta tal-Gvern u 1 ta' Ottubru 1999.
B'kollox applikaw 57 persuna kif ġej:
Ekonomija/Management 11
Liġi 4
Informatika/Xjenza 13
Mediċina 7
Sudji Umanistiċi 9
Politika 1
Edukazzjoni/Psikoloġija 7
Inġinerija 5
Għal din is-sena, il-Kummissjonijiet tal-Commonwealth fil-Kanada u fir-Renju Unit offrew total ta' disgħa nominazzjonijiet lil Malta, u hekk, il-Malta Commonwealth Scholarship and Fellowship Board innomina disgħa kandidati Maltin kif ġej:
Mediċina 3
Studji Umanistiċi 2
Informatika/Xjenza 2
Liġi 1
Psikoloġija 1
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika s'issa kemm kien hemm inċidenti li fihom ġenituri: (1) daħlu fi skejjel; (2) marru d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u għamlu jew ħabtu għall-kapijiet jew uffiċjali għolja tad-Diviżjoni? X'passi ħa l-Ministeru f'dawn il-każi?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar mill-Iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' adoloxxenti u f'liema skejjel sekondarji li qatt ma attendew jew attendew ftit wisq matul is-sena skolastika 1998-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Ottubru tal-1998 sa Jannar ta' l-1999 kien hemm 271 studenti li kienu regolarment assenti mill-iskejjel ta' hawn taħt. Minn dawn 64 kienu assenti b'ċertifikat mediku.
SKOLA NUMRU TA' STUDENTI
Maria Teresa Nuzzo, Girls' 40
School, Ħamrun
Erin Seracino Inglott, Girls' 58
Secondary, Cospicua
Furto Selvatico, Boys School 27
Naxxar
Maria Assumpta, Girls' 80
Secondary, Ħamrun
Lorenzo Manche, 23
Boys' School, Floriana
Stefano Zerafa, Boys' Trade 43
School, Naxxar
TOTAL 271
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni diġa' ħejjiet rapporti fuq il-problema ta' l-assentejiżmu u bdiet ħidma fejn din l-aktar li tinsab.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika dwar ir-rata ta' assenteiżmu ta' l-iskejjel sekondarji tas-subien u bniet ta' Malta u Għawdex, skola bi skola, minn Marzu 1999 sa l-aħħar tas-sena skolastika 1998-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar mill-Iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir matul is-sena 2000 biex tissaħħaħ is-sistema tal-Matsec u s-Sec biex jitmexxew aħjar? X'passi se jittieħdu f'dan il-qasam; (1) mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet; u (2) ma' l-Edexcel ta' l-Universita' ta' Londra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sabiex tissaħħaħ is-sistema tal-Matsec:
a) Id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet, mis-sena 2000, ġie inkarigat sabiex jieħu f'idejh:
(i) ir-reġistrazzjoni tal-Kandidati,
(ii) l-ippustjar tal-kandidati fiċ-ċentri,
(iii) l-impustar tat-timetables lill-kandidati,
(iv) il-ħatra ta' l-invigilators u supervisors waqt
l-eżamijiet,
(v) it-tmexxija ta' l-eżamijiet fiċ-ċentri u fil-jiem
ta' l-eżamijiet,
(vi) l-impustar tar-riżultati u ċ-ċertifikati lill-kandidati
kif maħruġa mill-Matsec Board.
b) mis-sena 2000:
(i) ser jintbagħtu samples ta' l-iscripts tal-kandidati ta'
erbgħa suġġetti lill-speċjalisti ta' l-Edexcel fl-
Universita` ta' Londra;
(ii) hemm maħsub li speċjalisti ta' l-Edexcel fl-Universita`
ta' Londra ikollhom kuntatt mal-Paper Setters tal-Matsec
fil-ħolqien tal-karti ta' l-eżamijiet;
(iii) speċjalisti ta' l-Edexcel mill-Universita` ta' Londra
ser jagħmlu valutazzjoni tal-marki qabel il-ħruġ tar-
riżultati tas-sessjonijiet ta' l-eżamijiet tal-Matsec
tas-sena 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li bħalissa mhumiex jattendu skola għax għadhom qed jistennew li jiġu evalwati mill-Istatementing Board?
Meta hemm il-ħsieb li jsiru l-evalwazzjonijiet meħtieġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 13-il tifel u tifla, taħt l-eta` obbligatorja (eta` ta' Kindergarten) li m'humiex jattendu l-iskola bħalissa minħabba li għadhom ma ġewx evalwati mill-Istatementing Board.
Hemm ukoll 4 t-itfal li qed jattendu part-time.
L-Istatementing Board diġa' beda l-evalutazzjoni meħtieġa u sa jressaq irrakkomandazzjonijiet fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-programm ta' ħidma, inizzjattiva b'inizzjattiva, tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija matul is-sena 1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Programm tal-ħidma tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija ma jipprestax ruħu biex jiġi ippreżentat, fil-biċċa l-kbira tiegħu, fil-forma ta' rakkont "inizjattiva b'inizjattiva" kif tgħid l-interpellanza. Madakollu, it-tweġiba li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tfasslet biex tagħti l-informazzjoni sħiħa kemm jista' jkun li talab l-interpellant.
Qasam ewlieni ta' ħidma tal-M.C.S.T. hija pariri lill-Gvern. L-istess Membru diġa' f'Lulju li għadda kien staqsa kemm intalab u kemm ingħata l-parir tal-Kunsill lill-Gvern bejn Settembru 1998 u Lulju 1999, u fit-tweġiba issemmgħu sitt oqsma importanti, imma għandu jkun ċar għal kulħadd li l-konsultazzjoni bejn il-Kunsill u l-Gvern ma tieħux bil-fors forma li tista' tiġi kwantifikata.