B'riferenza għat-tweġiba tiegħi mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 985 dwar il-każijiet li tressqu quddiem id-Dipartiment tal-Konsumatur, jista' l-Ministru jgħid: (a) x'kienu l-116-il każ mit-total ta' 669 li kien hemm fl-1998 li ma joħroġx fil-breakdown mogħti, ladarba ma kenux ġustifikati u lanqas milqugħa; u (b) jista' jwieġeb il-parti tal-mistoqsija: "X'passi ttieħdu kontra dawk li kisru l-liġi?"
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-breakdown mogħti għall-mistoqsija parlamentari numru 985, fil-fatt ma joħroġx l-ammont ta' 216-il każ.
Jiena nfurmat li 110 każi għadhom qed jiġu ttrattati mit-Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-106 każi l-oħra għadhom qed jiġu investigati mid-Dipartiment.
Id-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandu l-funzjoni ta' medjazzjoni u għalhekk hija l-policy ta' l-istess dipartiment bħalma hija l-prattika fl-Ewropa, li jeduka kemm lill-kummerċjant kif ukoll lill-konsumatur. Jittieħdu passi legali kontra l-kummerċjant kemm il-darba dan ma jirregolax ruħu wara li d-dipartiment ikun ġibidlu l-attenzjoni għall-irregolarita'.
Din hija l-policy imħaddma fl-Ewropa. Fil-fatt l-Ombudsman tal-Konsumatur ta' l-Isvezja, waqt żjara f'Ġunju ta' l-1997 fuq stedina tal-Ministeru tal-Finanzi, ikkonferma li huwa jopera fuq il-linji adottati f'pajjiżna.
B'riferenza għall-aħħar diskors tal-Budget moqri mill-Onor. John Dalli, jista' l-Ministru jiggarantixxi li matul is-sena li ġejja ma joħorġux legal notices li bihom jgħolew xi oġġetti u b'hekk tgħola l-ħajja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Naħseb li la jiena u lanqas l-ebda Ministru ieħor ma' jista' jiggarantixxi dak li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant.
Jiena ċert li lanqas fl-amministrazzjoni preċedenti ma setgħet tingħata tali garanzija.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 474?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-perjodu msemmi saru ħames trasferimenti fil-Maltacom. Dawn it-trasferimenti saru skond l-esiġenzi tax-xogħol.
Għal dik li jirrigwarda trasferimenti futuri, dawn isiru meta u jekk ikun meħtieġ.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 439?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-perjodu msemmi ġew installati 2105 linji ġodda tat-telephone f'Malta u f'Għawdex.
Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija, jiena nfurmat li l-Maltacom ma żżommx statistika.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn ma baqax jingħata special leave bħal qabel lil min ikun se jirrappreżenta lil Malta fl-isports barra l-pajjiż jew bħala player jew bħala referee?
Jista' l-Ministru jara li din il-politika terġa' tiġi lura għalli kienet kemm fil-Korporazzjoni Enemalta kif ukoll fl-organizzazzjonijiet parastatali oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-ispecial leave imsemmi għadu jingħata. Jiena nfurmat ukoll li kill talba li ssir f'dan ir-rigward tiġi kkunisidrata skond il-merti tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ġodda se joffri l-Gvern fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur in vista ta' abbużi li jistgħu jseħħu bl-introduzzjoni tal-VAT?
Response (BONNICI, JOSEF)
Dwar abbużi li jistgħu jsiru mis-sistemi ta' tassazzjoni, kemm jekk sisa kif ukoll jekk VAT, nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi.
Kif taf, l-Onorevoli Interpellant, id-Dipartiment tal-Konsumatur u d-Dipartiment tal-Kummerċ jinvestigaw kull ilment li jaslilhom u jieħdu l-passi meħtieġa f'dan ir-rigward.
12-il Distrett — Street lighting/bozoz ma' irziezet
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bin-numru ta' talbiet pendenti mir-residenti u l-kunsilli lokali tat-12-il Distrett għal street lighting u bozoz ma' irziezet, eċċ.? Kemm fil-fatt hija kkalkolata n-nefqa rikjesta biex l-Enemalta tinstalla dawn il-bozoz sabiex tipprovdi s-servizz meħtieġ liċ-ċittadini residenti fit-12-il Distrett?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent il-Korporazjoni Enemalta għandha 4 talbiet pendenti mill-Kunsill Lokali tar-Rabat u 4 talbiet oħra mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
It-talbiet msemmija bħalissa qed jiġu ikkunsidrati flimkien ma' talbiet oħra.
Billi fil-qasam industrijali ta' l-Imrieħel żviluppaw numru ta' ħofor fit-toroq minħabba l-maltemp ta' dawn l-aħħar jien, jista' l-Ministru jara li jikkordina mad-dipartimenti konċernati dawn ix-xogħlijiet sabiex il-ħaddiema ma jkomplux jiffaċċjaw aktar inkonvenjent fis-sewqan ikkawżat minn dawn il-ħofor?
Jista' l-Ministru jara li jagħmel l-istess kordinament mad-Dipartiment ta' l-Ambjent sabiex jitnaddaf l-iskart li hemm f'dan il-qasam industrijali ħalli l-ħaddiema jkollhom ambjent diċenti? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Malta Development Corporation ser tibda xogħolijiet ta' tiswija fuq it-toroq tal-Qasam Industrijali ta' l-Imrieħel fl-ewwel ġimgħa ta' Jannar 1999. FIl-frattemp qed isir tindif regolari tat-toroq li jaqgħu fil-konfini ta' dan il-Qasam.
Il-Korporazzjoni qiegħda wkoll tikkordina mad-Dipartimenti Konċernati biex kemm jista jkun malajr isisru t-tiswijiet u t-tindif neċessarji fit-toroq ta' madwar dan il-qasam industrijali.
Nirriferi għall-mistoqsija parlamentari numru 1970 fejn jidher li l-Ministru ma fehemx sew l-iskop tal-mistoqsija tiegħi. Hemmhekk kont qed nirreferi għal reversible meters, jiġifieri meters li jkejlu enerġija elettrika li tista' tgħaddi b'lura mid-djar minn PVs (photo voltaic systems) għal ġol-grid nazzjonali. Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux bħalissa fl-istores ta' l-Enemalta minn dawn il-meters?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-meters li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, il-Korporazzjoni tafhome bħala 'Import/Esport Meters'.
Jiena nfurmat li fil-preżent il-Korporazzjoni ma għandhiex minn dawn it-tip ta' meters fl-istores tagħha, pero' diġa qed isiru investigazzjonijiet dwarhom, kemm tekniċi kif ukoll finanzjarji, biex jekk ikun meħtieġ jinxtraw numru minnhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm arretrati huma dovuti mit-Terranet Ltd (Maltanet) lill-Maltacom u minn meta huma dovuti? X'azzjonijiet ħadet jew beħsiebha tieħu l-Maltacom sabiex dawn l-arretrati jitħallsu? Dawn l-azzjonijiet jew pariri tal-Maltacom huma l-istess bħal dawk li l-Maltacom tieħu fil-konfront ta' arretrati ta' internet service providers oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Minħabba fl-Estimi ta' l-1999 (paġna 6) hemm riferenza għall-"faħam" taħt "utilities", jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan it-tip ta' fuel għandux jinxtara mill-gvern u jekk le għandhiex issir korrezzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ir-referenza li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija misprint għax ix-xiri tal-faħam ilhu li twaqqaf meta saret il-conversion tal-Power Station tal-Marsa għall-użu taż-żejt imħabba l-ħsara li l-faħam kien qed jagħmel lill-ambjent.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bit-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma tar-raħħala, bdiewa u ta' l-agro industrija? Kemm fil-fatt ġie l-metru kubu li qabel kien 4c5mils sa 2270 m/k ta' ilma u wara dan l-ammont il-prezz kien jitla' għal 12c il-m/k ta' ilma u jerġa' jibda jiġi applikat wara kull erba' ġimgħat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Billi d-dawl li sar għall-festa ta' nhar id-29 ta' Awissu fil-Manikata sabiex tinxtel il-knisja tal-lokal għadu jinxtel kuljum lejl u nhar, jista' l-Ministru jara li jsir timer sabiex dan id-dawl jinxtgħel biss f'ħinijiet partikolari u mhux filgħodu sabiex ma ssirx aktar ħela ta' enerġija?
Jista' l-Ministru jara li japprova t-talbiet tar-residenti tal-Manikata għal street lighting u għal bozoz mal-farmhouse li għadhom pendenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni ħadet il-miżuri meħtieġa biex tissewwa l-ħsara li kien hemm.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, l-Korporazzjoni ma għandhiex talbiet pendenti.