Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm se ddum il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ma tingħata benefiċċji soċjali li ma tistax tirreġistra għax-xogħol għax medikament ġiet ċertifikata li ma tistax taħdem, fl-istess ħin il-bord mediku għadu ma ddeċidiex dwarha u ilha xahrejn bla benefiċċji soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li effettivament mhux veru li l-persuna kkonċernata ġiet ċertifikata li ma tistax taħdem, iżda għal kuntrarju, il-persuna ġiet misjuba mill-Bord Mediku li hi tajba għax-xogħol. B'danakollu, d-Direttur (Sigurta' Soċjali) sejjer jitlob Bord Mediku ieħor biex jerġa' jeżamina l-persuna kkonċernata. Il-persuna kkonċernata ġiet avżata b'dan.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hijiex intitolata għal xi għajnuna finanzjarja t-tifla, li d-detallji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha bżonnijiet speċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-iskema riveduta ta' xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat mill-Awtorita' tad-Djar ġietx fis-seħħ?
Jekk fl-affermattiv, kemm saru applikazzjonijiet taħt din l-iskema u minn min sar?
Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fit-23 ta' Marzu 1999, l-Awtorita' tad-Djar ħarġet Skema U għax-xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat. Din għalqet fis-7 ta' Mejju 1999. Kien hemm 28 applikazzjoni. S'issa għada ma ġietx approvata ebda applikazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tinħareġ il-kartuna r-roża lill-persuna żagħżugħa li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minħabba l-bżonn urġenti li għandu kawża tal-mard li jbati minnu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tiġi solvuta l-problema tan-nuqqas ta' staff fis-social services ta' Raħal Ġdid? Jista l-Viċi Prim Ministru jibgħat aktar staff peress li qegħdin jaħdmu taħt tensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-istaff fl-Uffiċċju Distrettwali ta' Raħal Ġdid jikkonsisti f'erbgħa minn nies, tlieta fuq xogħol klerikali u wieħed fuq xogħol ta' messaġier. Waħda mill-istaff taħdem siegħat imnaqqsa.
Bħalissa qed jingħata t-taħriġ fl-Uffiċċju Ċentrali għal persuni Għawdxin li dalwaqt ser imorru jaħdmu Għawdex. Hemm il-ħsieb li meta jispiċċa dan il-proċess tingħata konsiderazzjoni għal żieda fin-numru ta' l-istaff f'dan il-lokal.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10770 jista' l-Ministru jgħid kemm persuni nqatgħu mir-reġistru tal-qgħad xahar b'xahar minn Settembru 'l hawn fil-ħames kategoriji li semma huwa stess fit-tweġiba tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' spezzjonijiet li saru mid-dipartiment bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena sabiex f'pajjiżna jkun assigurat li s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tkun dejjem imħarsa?
Kemm tressqu kumpanniji privati l-Qorti matul l-istess perjodu għaliex ma obdewx id-direttivi li ngħatawlhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-perjodu ndikat mill-Onor Interpellant, saru 525 spezzjoni ta' postijiet ta' xogħol mill Health and Safety Unit.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn Ċentri tat-Taħriġ għall-Adulti u fejn qegħdin?
Kif jitmexxew u min huma l-kapijiet u l-Assistenti Kapijiet ta' dawn iċ-ċentri u meta ħadu din il-kariga?
Jista' jgħid ukoll kull wieħed minn dawn xi kwalifiki għandu u x'taħriġ ingħata?
Jista' jgħid ukoll f'kull ċentru kemm jattendu persuni u kemm hemm persuni li applikaw sabiex jidħlu f'xi wieħed minn dawn iċ-ċentri?
Hemm il-ħsieb ta' ċentri oħra? Jekk iva, fejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hawn ħames Ċentri tat-Taħriġ għall-Adulti f'Malta u dawn qiegħdin fl-Imtarfa, Fleur-de-Lys, Santa Venera (ta' l-Għomja), Ħal Far u Wied il-Għajn. F'Għawdex hemm Ċentru tat-Taħriġ u dan qiegħed f'Għajnsielem.
Il-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet taċ-Ċentri huma dawn:
ĊENTRU KAP/ASSISTANT KAP DATA TAL-ĦATRA
Mtarfa Is-Sur Joseph Pace 25.01.99
Ms Jacqueline Tabone 14.08.98
Fleur-de-Lys Is-Sur Emanuel Debono 25.01.99
Is-Sur Paul Scerri 20.08.99
Santa Venera Ms Maria Azzopardi 25.01.99
(ta' l-Għomja) 14.08.98
Ħal Far Is-Sur Anthony Zammit 25.01.99
Is-Sur Godfrey Darmanin 14.08.98
Wied il-Għajn Is-Sur Francis Spiteri 25.01.99
Is-Sur Charles Pace 20.08.98
Is-Sur Ronald Galea - Kap appuntat 25.01.99 li qed jieħu ħsieb li jwaqqaf ċentru residenzjali għall-persuni b'diżabilita' fiċ-Ċentru tat-Taħriġ għall-Adulti ta' Wied il-Għajn.
Għajnsielem Is-Sur John Camilleri 25.01.99
(Għawdex) Is-Sur Michael Bajada 12.04.99
Dwar il-kwalifiki u t-taħriġ, ngħid li dawn il-Kapijiet u Assistenti Kapijiet ilhom jaħdmu fil-qasam tal-persuni b'diżabilita' għal snin twal, kemm fiċ-Ċentri tat-Taħriġ għall-Adulti kif ukoll f'oqsma oħra bħal 'social work' ma' persuni b'diżabilita'. Biex huma saru Kapijiet u Assistenti Kapijiet, huma ssodisfaw il-kundizzjonijiet tal-kwalifika għall-postijiet imsemmija li hemm fil-ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-Unions ewlenin imsejjaħ - Classification, Regrading and Assimilation of the Social Work Class - Social Work Support Service.
In-numru ta' persuni b'diżabilita li jattendu f'kull Ċentru tat-Taħriġ huwa kif jidher hawn taħt:
Mtarfa - 95
Fleur-de-Lys - 90
Santa Venera (tal-għomja) - 28
Ħal-Far - 65
Wied il-Għajn - 69
Għajnsielem (Għawdex) - 33
Hemm 21 persuna b'diżabilita' li qed jistennew biex jidħlu f'xi wieħed minn dawn iċ-ċentri.
Hemm il-ħsieb li jinfetaħ ċentru ieħor iżda s-sit għadu ma ġiex identifikat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex fil-każ tas-sinjur li l-partikolarijiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, hemm dewmien fil-ħruġ tal-pensjoni ta' l-invalidita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata dwar il-Pensjoni tal-Invalidita' tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li n-numru tal-karta ta' identita' qed jintbagħat separatament ma ġietx placed f'dar ta' l-anzjani minkejja li ilha li applikat madwar tliet snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li n-numru ta' l-identita' tagħha ġiet mibgħuta separatament applikat għad-dħul fid-Dar ta' l-Anzjani, Mtarfa fl-10 ta' Diċembru 1997, anqas minn sentejn ilu. Meta sarilha "assessment" fid-19 ta' Diċembru 1997 dan kien jindika li l-anzjana kienet applikat biex tkun imniżżla fil-"waiting list" u l-każ ma kienx jidher li hu urġenti. F'Ottubru 1999 sarilha eżami mediku u l-każ qed jiġi kkonsidrat skond il-priorita' preżenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-ammont ta' pensjoni li qed tieħu persuna li n-numru ta' l-identita tagħha qed jintbagħat separatament huwa korrett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata tal-pensjoni tas-Sigurta Soċjali li qed tirċievi.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 10049, jista' jingħata breakdown ta' l-etajiet: Mit-twelid sa 16-il sena; 17-il sena sa 35 sena; u 36-il sena sa 60/61 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhux possibbli li tingħata risposta dwar l-etajiet kif mitluba fil-Mistoqsija. Sabiex tinġabar l-informazzjoni kif mitluba, wieħed irid idur l-applikazzjonijiet ta' aktar minn 1,000 persuna sabiex jikklassifika l-etajiet skond il-Mistoqsija.
L-Onor. Interpellant japprezza li dan jirrekjedi ħafna xogħol.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 10059 jistgħu jingħataw l-indirizzi ta' l-entraturi li fihom jistgħu jiġu nstallati lifts fil-Belt u fil-Floriana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti rrapportati fuq il-post tax-xogħol bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena?
Kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali u kemm ta' natura ta' diżabilita' permanenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li korrew fuq ix-xogħol minn l-1 ta' Jannar 1999 sat-30 ta' Settembru 1999, kienu ta' 3,864. Minn dawn kien hemm 239 persuna li ħadu gratuity għax ir-rata ta' diżabilita' kienet bejn 1% u 19%. Kien hemm 17-il persuna oħra li ħadu pensjoni għax id-diżabilita' kienet ta' 20 jew aktar fil-mija.
Skond l-"Occupational Health and Safety Unit" in-numru ta' inċidenti fatali matul dan il-perjodu kien ta' tmienja.
Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li student tat-tielet sena fl-Iskema TAS li kien jieħu Lm28.50 fil-ġimgħa issa qed jieħu Lm21 fil-ġimgħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Apprendist tat-tielet sena fl-iskema TAS kien jieħu paga grossa ta' Lm31.13 fil-ġimgħa. Bis-sistema l-ġdida, l-apprendist issa ser jieħu Lm31.61 fil-ġimgħa. Parti minn din is-somma tingħata f'forma ta' għotja ta' manteniment mill-gvern u parti oħra f'paga mill-isponsor.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sens jagħmel li fl-iskema ESTS fl-iskola Stefano Zerafa il-kors ta'auto-electricians qed jitħawwad ma' dak tal-car mechanics meta hemm bżonn li l-istudenti jiġu esposti għal iżjed tagħlim fl-elettronika peress li aktar u aktar partijiet tal-karozzi qed jaħdmu b'mod elettroniku?
Tista' tinbidel din id-deċiżjoni żbaljata li aktarx ittieħdet minħabba nuqqas ta' għalliema fl-elettronika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-apprendistat tal-mechanics tal-karozzi taħt l-iskema ESTS li jsir fl-iskola Stefano Zerafa diġa jkopri taħriġ f'tiswijiet ta' natura mekkanika, elettrika u elettronika. Għalhekk, l-apprendisti huma diġa esposti għal taħriġ li jkopri t-tlett oqsma. Taħriġ specċjaliżżat f'tiswijiet ta' natura elettronika jsir bħala parti mill-apprendistat għal tekniċi tal-karozzi taħt l-iskema TAS.
Peress li informazzjoni li jkollu d-dipartiment dwar familji hija ta' natura konfidenzjali, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif id-dipartiment mingħajr konsultazzjoni ma' individwi konċernati jgħaddi informazzjoni konfidenzjali lil terzi, biex dawn it-terzi jikkuntattjaw lil dawn l-individwi jew familji biex jiġbru informazzjoni konfidenzjali? Speciemen ta' ittra mibgħuta lill-individwu qed tintbagħat separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-każ li għalih qed jagħmel referenza l-Onor. Membru huwa każ ta' studentessa Universitarja li qed issegwi kors ta' B.A.(Hons.) fis-"Social Work" u li kienet dettaljata mill-Universita' sabiex tagħmel il-"practicum" tagħha mad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja. F'dan ir-rigward l-istudentessa kien jinħtiġilha tintervista numru ta' familji li kienu addottaw.
Irrid ngħid li meta d-Dipartiment avviċina lil dawn il-familji:
(i) għamilha ċara li min ma riedx jiġi ntervistat dan setgħa jagħmlu liberament;
(ii) għamilha ċara wkoll li kwalunkwe nformazzjoni li setgħet tingħata kellha tiġi ttrattata b'mod kunfidenzjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex kien inbeda x-xogħol fuq il-common parts ta' blokk 1B San Gwann t'Għuxa, Bormla u issa ilu aktar minn xahar li waqfu u tħalla kollox nofs leħja? Meta se jitkompla dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar lestew ix-xogħolijiet fuq il-partijiet esterni tal-blokk. Il-partijiet interni huma kunsidrati ta' priorita' anqas u għalhekk għandhom isiru aktar tard. B'hekk mhuwiex il-każ li x-xogħol "tħalla nofs leħja" għax ix-xogħolijiet fuq barra huma distinti u separati minn dawk tat-tibjid tat-taraġ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex persuni li għandhom postijiet tal-gvern, qed jirċievu kontijiet tal-kera b'żieda kbira?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kera sussidjata tiġi aġġustata 'l fuq jew l-isfel, skond id-dikjarazzjoni tad-dħul tal-kerrej. Din id-dikjarazzjoni tintalab mid-Dipartiment skond il-ftehim bil-miktub li jsir bejn id-Dipartiment u l-inkwilin meta ssir l-allokazzjoni. Id-dikjarazzjoni tkopri d-dħul tal-kerrej tas-sena ta' qabel ma tkun ser issir ir-reviżjoni. Il-kriterji użati huma dawk stabbiliti mill-Gvern preċedenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-ħlas mill-Awtorita' tad-Djar għall-iskema numru HAN 37/99?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-4 ta' Ottubru 1999 l-applikant tal-file HAN 37/99 bagħat l-irċevuti tax-xogħol li għamel fir-residenza tiegħu u fil-25 ta' Ottubru 1999. Perit ta' l-Awtorita' tad-Djar mar fuq il-post u ikkonferma li x-xogħol mitlub u approvat mill-Awtorita' tad-Djar, sar.
Fi ftit ġranet oħra, dan l-applikant ser jirċievi il-ħlas.