Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #12184 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors ta' l-arkitettura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fil-kors universitarju ta' l-Arkitettura li weħlu fl-eżamijiet tagħhom? F'liema sena? Kemm minn dawn l-istudenti għamlu resits? Kemm għaddew u kemm weħlu minn dawn ir-resits? Kemm talbu revision of paper wara r-resits? Kemm għaddew wara r-revision of paper? Meta ħareġ ir-riżultat tar-revision of papers? Tista' f'kull każ tagħti l-isem ta' l-istudenti involuti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-ewwel sena fil-kors ta' l-arkitettura kien hemm 44 student. Wara l-eżamijiet ta' Ġunju kien hemm għaxar (10) studenti li ġew promossi għat-tieni sena, erba (4) studenti li weħlu minn iktar minn erba' suġġetti, u skond ir-regolamenti tal-Fakulta`, dawn ġew mitluba jirrepetu s-sena. Kien hemm student li ntalab jirriżenja mill-kors, għax weħel minn iżjed minn erba' suġġetti u kien diġa' rrepeta s-sena; dan talab revision of paper u r-riżultat, li kien fin-negattiv, ġie kkomunikat lilu verbalment fil-bidu ta' Settembru. Kien hemm disa' u għoxrin (29) student li kellhom re-sits f'Settembru, u minn dawn tlieta u għoxrin (23) ġew promossi wara li għaddew mill-eżamijiet tagħhom; student ieħor ġie promoss wara appell li għamel biex jiġi rivedut ir-riżultat tiegħu. Erba' (4) studenti ġew mitluba jirrepetu s-sena, u student ieħor ġie mitlub jirriżenja mill-kors minħabba li baqa' ma għaddiex mill-eżamijiet tiegħu u kien diġa' rrepeta s-sena. Wieħed mill-erba' studenti talab reviżjoni tal-karta iżda r-riżultat ma tbiddilx. Dan ir-riżultat ħareġ fis- 26 ta' Novembru 1999. Informat ukoll li fit-tieni sena tal-kors, kien hemm ħamsa u għoxrin (25) student, li minnhom tnax (12) ġew promossi wara l-eżamijiet ta' Ġunju, tnax (12) oħra ġew mitluba joqgħodu għal re-sits f'Settembru u student ieħor ġie mitlub jirriżenja għax weħel minn iktar minn erba' suġġetti u kien diġa' rrepeta s-sena. Wara l-eżamijiet ta' Settembru, ħdax (11)-il student ġew promossi; l-istudent l-ieħor talab revision of paper u wara li l-Bord ta' l-Eżaminaturi flimkien ma' eżaminatur ieħor irrakomandaw li għandu jgħaddi mill-eżami, ġie promoss ukoll. Dan ir-riżultat ħareġ fil-15 ta' Diċembru 1999. Fit-tielet sena tal-kors, kien hemm disgħa u għoxrin (29) student; wara l-eżamijiet ta' Ġunju, ħmistax (15) ġew promossi, u l-erbatax (14) l-oħra intalbu jagħmlu xi resits. Wara l-eżamijiet ta' Settembru, dawn kollha għaddew mill-eżamijiet tagħhom u ġew promossi. Fir-raba' sena kien hemm erbgħa u tletin (34) student li kollha għaddew mill-eżamijiet ta' Ġunju u ġew promossi. Ma kien hemm ħadd li kellu resit f'Settembru. Fil-ħames sena kien hemm disgħa u tletin (39) student. Minn dawn kien hemm student li ngħata special session f'Settembru minħabba raġunijiet ta' mard, fejn ippreżenta t-teżi b'suċċess. Kien hemm student ieħor li t-teżi tiegħu ma ntlaqgħetx f'Ġunju, ġie mitlub jerġa' jippreżentaha f'Settembru, u wara li ġiet approvata, ingħata l-grad ta' perit mingħajr unuri. Informat li bħal f'kull universita` serja oħra, ir-rekords akkademiċi ta' l-istudenti huma kunfidenzjali u għalhekk mhix prattika li l-Universita` tagħmel pubblika l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-mistoqsija.
Leg 9 PQ #12186 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors fl-Arkitettura

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi l-istudent li ismu qed jintbagħat separatament qed jitħalla jkompli l-kors universitarju fl-Arkitettura meta weħel fl-eżamijiet biex mit-tieni sena jgħaddi għat-tielet sena? Min ħa d-deċiżjoni biex ikun jista' jkompli t-tielet sena? Fuq liema bażi ttieħdet id-deċiżjoni? Meta ttieħdet id-deċiżjoni? Ir-reġistrar ta' l-Universita' kien involut fid-deċiżjoni? B'liema mod?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudent indikat mill-Onor. Membru għadda mill-eżamijiet kollha (f'wieħed mis-suġġetti għadda wara li talab reviżjoni tal-karta u l-Bord ta' l-Eżaminaturi, flimkien ma' l-eżaminatur addizzjonali, qabel li l-istudent kellu jgħaddi). Informat li b'hekk kellu dritt ikompli t-tielet sena skond ir-regolamenti tal-kors peress li għadda mill-eżamijiet kollha. Informat li r-Reġistratur ta' l-Universita` b'ebda mod ma kien involut fid-deċiżjoni.
Leg 9 PQ #12187 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Rapport

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport imħejji mid-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar l-assenteiżmu fost l-istudenti tagħna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-rapport imħejji mit-Taqsima tal-Welfare fid-Dipartiment għas-Servizz ta' l-Istudent u Relazzjonijiet Internazzjonali fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kellu l-għan li jgħin lit-Taqsima tal-Welfare u lill-iskejjel konċernati jidentifikaw il-problema u l-kawżi ta' l-assenteiżmu bil-għan li jittieħdu l-passi meħtieġa kemm mit-Taqsima tal-Welfare kif ukoll mill-iskejjel biex il-problema tonqos kemm jista' jkun. Ġejt mogħti l-parir li, minħabba li r-rapport fih data u informazzjoni dwar skejjel partikulari, ma għandix inpoġġi r-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti, iżda lest li b'mod konfidenzjali ngħaddi kopja tar-rapport lill-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #12188 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Matul din is-sena skolastika x'miżuri konkreti ttieħdu dwar l-assenteiżmu ta' l-istudenti li huwa problema serjissima f'għadd ta' skejjel sekondarji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena skolastika s-Sezzjoni tal-Welfare fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq numru ta' skejjel sekondarji partikolari fejn il-problema ta' l-assenteiżmu hija sinifikanti. Is-Social Workers qegħdin jaħdmu mal-ġenituri u l-familji, staff ta' l-iskejjel u professjonisti oħrajn biex isibu l-kawżi speċifiċi ta' l-assenteiżmu u b'hekk inaqqsu l-assenteiżmu f'dawn l-iskejjel.
Leg 9 PQ #12218 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Karmenu Refalo - Għalliem ta' l-Ingliż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola Karmenu Refalo fir-Rabat, Għawdex ma ntbagħatx teacher ta' l-Ingliż? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li hemm il-ħsieb li din l-iskola se tingħalaq? F'każ ta' din l-iskola tingħalaq, x'se jsir mill-istudenti u l-għalliema li hemm ta' din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalliema ta' l-Ingliż ser tibda fil-bidu tat-tieni term. Informat ukoll li d-Dipartiment qed jistudja l-qagħda ta' din l-iskola fl-isfond ta' l-istudju li qed isir mit-Trade School Review Working Group dwar l-iskejjel tas-snajja'.
Leg 9 PQ #12072 Sitting 214 1999-12-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet sportivi — Kontribuzzjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11935, jista' l-Ministru jgħid mil-liema vot dawn l-għotjiet jingħataw? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min jiddeċiedi u kemm jingħataw flus u xi kriterji jintużaw?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Vot li minnu jingħataw għotjiet lil diversi assoċjazzjonijiet/clubs huwa l-Vot Rikorrenti tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport. Xi għotjiet għal żviluppii kapitali nħarġu mill-Vot Kapitali. It-talbiet varji għall-għajnuna jiġu deċiżi minn bord magħmul minn nies fis-Segretarjat Parlamentari u d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport flimkien mas-Segretarju tal-Kunsill Malti għall-iSport. Talbiet jiġu pproċessati fuq il-meriti rispettivi tagħhom.
Leg 9 PQ #12073 Sitting 214 1999-12-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Malti ta' l-Isport

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-proposti li għamel il-Kunsill Malti ta' l-Isport dwar il-kompożizzjoni kif ukoll ħwejjeġ oħra ta' l-istess kunsill, waslu għand is-Segretarju Parlamentari? Fiż-żmien li ġej, meta se jkollu jinħatar kunsill ġdid, se jimxi mal-proposti li ġew magħmula?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva. Qed jiġu konsidrati.
Leg 9 PQ #12076 Sitting 214 1999-12-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Squash Courts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux ħsarat fl-iSquash Courts li jinsabu fil-Pixxina Nazzjonali, minħabba fix-xita li għamlet? Jekk iva, kemm hu stmat li se tiġi l-ispiża sabiex il-ħsara tissewwa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kaġun tax-xita qalila li niżlet, ġie irrapurtat li qattar xi ilma mis-saqaf ta' l-iSquash Courts fil-Pixxina Nazzjonali. Madanakollu, ma rriżultatx xi ħsara kbira jew fit-tul. Informat ukoll li ittieħdu passi korrettivi minnufih u f'intervalli regolari sabiex jiġi assigurat li l-ħsara tkun ikkontrollata, u għaldaqstant l-ispiża tal-ħsara hija waħda żgħira.
Leg 9 PQ #12077 Sitting 214 1999-12-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar — Ikla

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-ikla li kienet saret fl-aħħar logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar bħala parti mill-bid ta' Malta għal-Logħob tas-Sena 2003? Min kienu l-membri li ffurmaw parti mill-kontinġent Malti f'isem il-Gvern? Kemm kienu l-ispejjeż minfuqa u fiex intnefqu?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 7559, 9347 mogħtija f'Seduti Numri 117, 147. Il-kontinġent Malti f'isem il-Gvern kien magħmul mill-Onor. Jesmond Mugliett, Segretarju Parlamentari, flimkien mas-Sur Victor Battistino, Assistent Personali tas-Segretarju Parlamentari. L-ispiża totali ta' din il-parteċipazzjoni kienet ta' Lm2,530. Din is-somma tinkludi l-ispejjeż ta' l-ikla u reception għad-delegazzjoni barranija, biljetti ta' l-ajru, insurance, akkomodazzjoni u board, u trasport.
Leg 9 PQ #12099 Sitting 214 1999-12-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Festi tal-Millenium — Dawl dekorattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn qed jieħu ħsieb jorganizza u jagħmel id-diversi dwal dekorattivi tal-Milied li hawn f'diversi rħula f'Malta u f'Għawdex - il-gvern, il-kunsilli lokali jew l-entitajiet kummerċjali? X'inhi r-raġuni li f'Wied il-Għajn li hu attrazzjoni prinċipali għan-naħat t'isfel ma saret ebda mixgħela għal Millenium il-ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħal fis-snin l-oħra, id-dwal dekorattivi tal-Milied li hawn f'diversi rħula f'Malta u Għawdex ma ġewx installati mill-Gvern Ċentrali. Il-mixgħela fl-okkażjoni tal-Millennju l-Ġdid ġiet limitata, għal raġunijiet li jafhom kulħadd, għall-medda li tieħu mill-Monument ta' Spencer fil-Blata l-Bajda, sa Triq Ġilormu Cassar fil-Belt Valletta. Parti mill-ispejjeż għall-illuminazzjoni ta' Triq ir-Repubblika tħallsu wkoll mill-Kumitat Nazzjonali għaċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millennju.
Leg 9 PQ #12100 Sitting 214 1999-12-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Festi tal-Millenium

Question

Ma jaħsibx il-Ministru li l-kumitat organizzattiv tal-festi tal-Millenium għandu jfittex jibgħat l-inviti għal lejliet il-Millenium, jekk fil-fatt se jkun hemm inviti? Ma jaħsibx il-Ministru li jekk dawn joħorġu aktar tard, meta fadal biss madwar 15-il ġurnata, ħafna mistiedna jkunu diġa' għamlu l-arranġamenti u l-pjanijiet alternattivi tagħhom ta' fejn u kif se jqattgħu lejliet il-millenium?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-poplu Malti kollu hu mistieden għall-attivitajiet li ser isiru fl-aħħar jiem ta' din is-sena (26-31 Diċembru 1999) biex isellmu lil dan il-millennju u jagħtu merħba lill-millennju l-ġdid. Dawn ser isiru fl-Arena ta' l-Indipendenza u fil-Belt Valletta. Mhux il-każ li joħorġu inviti għal xi attivita` partikolari.
Leg 9 PQ #12131 Sitting 214 1999-12-17 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sport complexes

Question

Jista' l-Ministru jagħti aktar informazzjoni dwar is-siti eżatti magħżula għaż-żewġ sports complexes li se jibnew f'Malta? Jista' wkoll jgħid meta hemm il-ħsieb li jibda x-xogħol fuqhom, meta jitlestew u x'tip ta' attivita' sportiva ser tista' tkun ipprattikata f'dawn il-komplessi?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9407 mogħtija f'Seduta Numru 146. Rigward is-sit għall-kumpless ta' Safi/Kirkop, informat li din issa ġiet identifikata fil-parti msejħa "Il-Karwija", limiti ta' Ħal Kirkop/Safi. Bħalissa għadhom għaddejin taħditiet mas-sidien attwali ta' l-art. F'dan l-istadju, huwa għaldaqstant kmieni li jiġi determinat il-qies eżatt ta' l-art li ser tintuża għall-bini ta' dan il-kumpless.
Leg 9 PQ #11997 Sitting 213 1999-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Professur Richard Denarco

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ħlasijiet ingħata s'issa l-Professur Richard Demarco għax-xogħol tiegħu mal-Ministeru?

Response (GALEA, LOUIS)

Mill-Ministeru tiegħi s'issa ma sar ebda ħlas lill-Prof. Richard Demarco għas-servizzi tiegħu peress li r-relazzjoni tiegħu hija ta' konsulent ma' l-iSteering Committee responsabbli mill-bini taċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Arti li jaqa' fi ħdan il-Ministeru ta' l-Ambjent u li fuqu jiena membru.
Leg 9 PQ #12024 Sitting 213 1999-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola E.F. Attard - Kunsill skolastiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni wara l-memorandum bid-data 9 ta' Lulju 1999 mibgħuta mill-president tal-kunsill skolastiku E.F. Attard dwar it-tmexxija ta' l-iskola primarja B?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Direttorat ta' l-Ippjanar u Żvilupp innota l-memorandum imsemmi u intervjena fil-kwestjoni u qed ikompli jsegwiha.
Leg 9 PQ #11988 Sitting 212 1999-12-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Knisja - Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 10744 dwar warrants ta' għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni li ingħatatli ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Leg 9 PQ #11658 Sitting 211 1999-12-16 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema - Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm instructors mis-settur primarju kienu trasferiti għal Għawdex għas-sena skolastika 1999/2000? Kemm minnhom qegħdin jgħallmu fi klassi u kemm hemm minnhom bla klassi? X'inhu x-xogħol ta' dawk li hemm bla klassi? Jista' l-Ministru jgħid kemm gradwati fis-settur primarju din is-sena tħallew jaħdmu Malta u għaliex l-instructors ingħataw preċedent għal trasferiment f'Għawdex fuq dawk il-gradwati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fit-23 ta' Settembru 1999 ġiet trasferita għal Għawdex Instructress mis-settur primarju li kienet ħadet il-ħatra tagħha fl-4 ta' Marzu 1993. Ġew trasferiti ukoll 13-il Part-time Instructors fis-settur primarju li ħadu l-ħatra permanenti ta' Instructors fis-6 ta' Ottubru 1999. Għal 6 minn dawn hemm xogħol ta' tagħlim fil klassi, filwaqt li 8 oħra kienu bdew jagħmlu xogħol kif indikat lilhom mill-kap ta' l-iskola, bħal jgħinu waqt il-lezzjonijiet tal-qari, jagħmlu charts ta' teaching aids, eċċ. Dawn it-8 reġgħu intalbu jirritornaw Malta wara ftehim ma' l-MUT li dawn jieħdu posthom f'Għawdex fuq bażi ta' ritorn ta' instructor għal kull ritorn ta' għalliem gradwat B.Educ li skond il-ftehim oriġinali bejn il-Gvern u l-Unjon għandhom preċedenza fuq l-instructors. Informat ukoll li hemm 19-il gradwat Għawdxi jaħdmu fis-settur primarju f'Malta. Dawn il-gradwati għadhom qed jistennew il-ħatra tagħhom bħala għalliema regolari.
Leg 9 PQ #11982 Sitting 211 1999-12-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MATSEC — Bord - Rakkmandazzjonijiet

Question

Issa li għaddew erba' xhur mindu l-Ministru rċieva r-rapport tal-bord ta' l-inkjesta dwar l-eżamijiet organizzati mill-MATSEC bord f'Mejju-Ġunju 1999, jista' jgħid liema huma dawk ir-rakkmandazzjonijiet li se jiġu attwati b'mod immedjat, u dawk li se jiġu implimentati qabel l-eżamijiet li jmiss fi ftit xhur oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Senat ta' l-Universita` u l-Bord tal-MATSEC (li jikkonsisti minn rappreżentanti ta' l-Universita`, tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, u l-Private Schools Association) studjaw is-suġġerimenti magħmula fir-rapport ta' l-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Silvio Meli u ħadu jew ser jieħdu dawn il-passi biex jissaħħaħ l-operat tas-sistema ta' l-eżamijiet għas-sessjoni tas-sena 2000. 1. Għall-parti akkademika, il-Bord tal-MATSEC ser ikompli jinsisti, billi jagħti struzzjonijiet bil-miktub lill- eżaminaturi, bħal ma għamel fi snin oħra, li: a) kull domanda trid tkun tinħadem; b) tingħata 'marking scheme' għal kull domanda; c) jittieħdu l-passi kollha biex ħadd ma jkun jaf bid-domandi minn qabel; d) fil-każ ta' żball, dan ikun irrimedjat mingħajr konsegwenzi għas-sistema edukattiva. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet hemm ipproġettat ukoll li jinżammu numru ta' seminars għall-panels tal-'paper setters' u oħrajn għall-panels tal-'markers' qabel is-sessjonijiet ta' l-eżamijiet tas-sena 2000. Qed jissaħħu ukoll il-kuntatti ma' l-EDEXCEL Foundation ta' Londra biex il-MATSEC Bord ikun f'pożizzjoni li jieħu pariri esperti meta jkun hemm bżonn. Is-suġġeriment ta' 'questions bank' jinħtieġlu studju ddettaljat fil-każ ta' kull suġġett. 2. L-Universita` diġa' ħadet ħsieb biex tissaħħaħ il-parti strutturali tas-sistema billi: a) imliet il-postijiet vakanti ta' Principal Subject Area Officer (Science) u ta' Research and Development Officer; b) qed tistudja s-sostenibilita` ekonomika tas-sistema biex jittieħdu passi ħalli din titjieb; c) fiż-żmien meta jkun hemm konċentrazzjoni kbira ta' xogħol tassenja skrivani oħra biex jissupplimentaw dawn ta' l- Uffiċju tal-MATSEC u b'hekk ix-xogħol isir b'mod iktar effiċjenti u b'serenita`; d) ressqet applikazzjoni quddiem il-Planning Authority għall- bini ta' sular ieħor fuq l-istruttura eżistenti ta' l-Uffiċju tal-MATSEC; e) flimkien mal-Ministeru jiġi studjat kif ikun hemm kordinazzjoni aktar sħiħa bejn il-MATSEC Support Unit u d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet biex tikber l-effiċjenza fl-amministrazzjoni ta' l-eżamijiet.
Leg 9 PQ #11983 Sitting 211 1999-12-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Maria Teresa Nuzzo

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jdumu ma jittieħdu passi biex bniet li jattendu Skola Maria Teresa Nuzzo mill-Mellieħa ma jibqgħux jittieħdu lejn l-iskola fl-istess karozza ma' subien u joqogħdu wkoll jiddewmu siegħa barra l-iskola qabel jittieħdu lura lejn id-dar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ittieħdu passi biex tfal li jmorru l-iskola Maria Tereza Nuzzo mill-Mellieħa ma jużawx l-istess vettura mas-subien, u kemm il-darba dawn it-tfal jirkbu flimkien il-ħlas tal-vjaġġ ma jsirx. Sar ftehim bejn ix-xufier u l-kap ta' l-iskola biex sakemm tasal il-vettura t-tfal jibqgħu jistennew ġewwa l-iskola minħabba li huwa diffiċli biex issib vettura lejn il-Mellieħa dak il-ħin li tispiċċa l-iskola (2.00pm).
Leg 9 PQ #11984 Sitting 211 1999-12-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kurrikulu Minimu Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jiżgura li l-iskejjel kollha - speċjalment dawk privati u tal-Knisja - ikunu konformi mal-kurrikulu nazzjonali ġdid meta jidher li bħalissa hemm xi skejjel li ma jgħallmux ċerti suġġetti bażiċi, bħal studju soċjali u personal life skills? Il-ħsieb huwa li dawn jidħlu fil-kurrikulu ta' kull skola u jiġu skadati bħala parti mit-time-table? Saru xi laqgħat mal-kapijiet ta' l-iskejjel privati u tal-Knisja dwar l-implimentazzjoni tal-kurrikulu nazzjonali? Jekk fl-affermattiv, jista'l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm saru laqgħat, meta u min attenda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, permezz tad-Dipartiment ta' l-Ippjanar u Żvilupp, jiżguraw li l-Kurrikulu Minimu Nazzjonali jiġi segwit kollu. L-iskejjel kollha jibgħatu l-informazzjoni rilevanti fil-bidu tas-sena skolastika u, fejn ikun hemm diverġenzi mal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali, tinġibed l-attenzjoni biex tittieħed azzjoni rimedjali. Jekk l-Onor. Membru jaf b'xi informazzjoni hu mitlub jgħarrafni. Informat ukoll li l-iskejjel privati u tal-Knisja se jkunu huma wkoll membri fuq boards maħtura biex imexxu l-implimentazzjoni tal-kurrikulu.
Leg 9 PQ #11985 Sitting 211 1999-12-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MATSEC — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' studenti li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC f'livell ordinarju, intermediate u avanzat? Kemm minn dawn huma subien u kemm bniet? Kemm huma minn skejjel privati u tal-Knisja? Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' studenti li se joqogħdu għal kull suġġett f'kull livell?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjonijiet tas-SEC jagħlqu nhar it-Tlieta 14 ta' Diċembru 1999. Sal-Ħamis 9 ta' Diċembru d-Dipartiment irċieva 8008 applikazzjoni, 7293 kandidati Maltin u 717 ta' kandidati Għawdxin. L-applikazzjonijiet fil-livelli Avvanzat u Intermedjarju jiftħu minn nhar it-Tnejn 3 ta' Jannar 2000 sa nhar il-Ġimgħa 14 ta' Jannar 2000. Għalhekk dettalji dwar in-numru ta' applikazzjonijiet tkun tista' tingħata aktar il-quddiem. Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija dawn id-dettalji ikunu jistgħu jingħataw bejn it-tieni ġimgħa ta' Frar meta l-applikazzjonijiet ikunu ipproċessati.