Legislature:
Category:
Reset

Freephone 153 - Ilmenti dwar akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu lmenti dwar akkomodazzjoni soċjali fuq il-Freephone153 minn Jannar 2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li ma daħlux lmenti dwar akkomodazzjoni soċjali fuq il-Freephone153 minn Jannar 2026, sal-llum.

Freephone 153 - Ilmenti dwar servizzi soċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu lmenti dwar servizzi soċjali fuq il-Freephone153 minn Jannar 2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li daħlu 10 lmenti dwar servizzi soċjali  fuq l-Freephone 153 minn Jannar 2026 sal-llum.

Freephone 153 - Telefonati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu telefonati fuq il-Freephone 153 minn Jannar 2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li kien hemm 232,504 telefonata fuq l-Freephone 153 minn Jannar 2026 sal-llum.

EcoHive Complex - Tender CT2231/2024

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35364, tista’ l-Ministru tgħid f’liema sena u xahar ġie kkummissjonat u beda jitħaddem il-kumpless Ecohive relatat mat-tender ‘CT2231/2024 Tender for Rental and operation of treatment unit for leachate generated from Landfills at EcoHive Complex’? Tista’ tgħid ukoll kemm ġie jiswa b’kollox dan il-kumpless?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 35364, nispeċifika li l-unità għat-trattament tal-leachate fil-kumpless Ecohive bdiet topera b’mod regolari fit-2 ta’ Marzu 2026. Infurmata li l-kirja u l-operazzjoni ta’ din l-unità, għal perjodu ta’ 24 xahar, huma ta’ €12 għal kull m³ ta’ leachate trattat (eskluża l-VAT).

Il-Kalkara - Bighi - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31333,  jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru sabiex tiġi ffinalizzata l-parti ta’ Bighi msemmija fl-istess tweġiba u xi żviluppi kien hemm biex terġa’ tiġi lura f’postha?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Il-Kalkara - Bajja tar-Rinella - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31709,  jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm sabiex tiġi rranġata l-parti tal-Bajja ta’ Rinella, fil-Kalkara msemmija fl-istess tweġiba?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti tat-tender għax-xogħlijiet ta’ tisħiħ tal-pedamenti, rikostruzzjoni tal-parti mwaqqa’, parti mill-pont u xogħlijiet oħra strutturali fuq dan l-aċċess antik li mill-Bajja tar-Rinella jwasslek lejn il-bieb prinċipali tal-Fortizza Ricasoli għadhom qed jiġu ppreparati.

Bormla - Pjazza Gavino Gulija - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34081, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex Pjazza Gavinu Gulija, f’Bormla jinbeda x-xogħol fiha?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġiet ippubblikata sejħa għall-offerti biex issir it-tiswija neċessarja.

Ħal Luqa, Triq il-Gudja - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34932 fejn ġejt riferut għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34930, tista’ l-Ministru tgħid f’liema pożizzjoni jinsabu x-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq il-Gudja, f’Ħal Luqa, kemm ser jiġu jiswew u għaliex qegħdin idumu daqshekk biex jitlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Ir-Rabat/Ħad-Dingli - Triq ġdida - Kontroll ta’ sewqan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan ta’ kif ser jiġi kkontrollat is-sewqan eċċessiv fit-triq il-ġdida bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli ladarba tinfetaħ?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għadhom għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq din it-triq. L-Awtorità għat-Trasport qed tiddiskuti wkoll mal-Kunsilli Lokali tar-Rabat u ta’ Ħad-Dingli sabiex jiġu evalwati miżuri li jistgħu itejbu s-sigurtà fit-triq.

Early Pregnancy Unit – Persuni li jkunu għaddejjin minn korriment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn imorru n-nisa li jkunu għaddejjin minn korriment (miscarriage) meta l-Early Pregnancy Unit tkun magħluqa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li f’jiem meta l-EPU ma kienetx disponibbli għall-ammissjoni ta’ pazjenti b’korriment, kwalunkwe pazjent/a ammessa minħabba korriment irċeviet kura fis-Sala Obstetrics Ward 2. Din is-sala normalment tilqa’ pazjenti b’kumplikazzjonijiet tat-tqala qabel il-ħlas. Barra minn hekk, dawn il-pazjenti kienu akkomodati f’kamra b’faċilitajiet privati (Single room) sabiex tiġi żgurata l-privatezza.

Early Pregnancy Unit – Għeluq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex f’ħafna ġranet, is-sala l-ġdida ‘Early Pregnancy Unit’ (EPU) qed tingħalaq u tinqaleb f’medical ward?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Early Pregnancy Unit irċeviet pazjenti li ddaħħlu għall-kura għal raġunijiet oħra għajr kumplikazzjonijiet ta’ tqala bikrija f’żewġ Ħdud biss: it-22 ta’ Marzu u l-5 ta’ April 2026. Għaldaqstant, dan ma kienx każ komuni, kif jidher li tissuġġerixxi l-mistoqsija.  Il-pazjenti ddaħħlu wara l-4.00 pm u s-sodod intużaw biss mhux aktar minn 24 siegħa. Meta ġiet użata għall-ammisjonijiet alternattivi, is-sala kienet kompletament battala.

Ir-Rabat, Malta - Triq Ġorġ Borg Olivier - Tappieri

Question

Fid-dawl li t-tappieri fi Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat, Malta nbidlu tliet xhur ilu, ġew irranġati ġimgħa ilu u kull meta tgħaddi karozza minn fuqhom xorta qed jagħmlu ħafna ħsejjes, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitranġaw dawn it-tappieri b'mod permanenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi Triq Gorg Borg Olivier ġewwa ir-Rabat, sar intervent ieħor nhar is-Sibt li għadda 18 t'April 2026, fejn it-tappieri ġew irranġati u jidher li is-sitwazzjoni hija solvuta.

Ċentru Vincent Moran - Fire Doors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ġew mibdula l-fire doors li kienu għadhom ġodda fjamanti fiċ-Ċentru Vincent Moran wara inqas minn sena? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti relatati u xi spejjeż kienu involuti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-bibien li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ma kienux skont ir-regolamenti lokali u l-linji gwida “aċċessibbli għal kulħadd”.  Konsegwentement, il-kuntrattur preċedenti ma tħallas għal dawn il-bibien. Minflok qed jitwaħħlu bibien li huma konformi mar-regolamenti kontra n-nirien, kif ukoll skont il-linji gwida ta’ aċċessibilità għal kulħadd.

L-Għasri - Għolja ta’ Għammar - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34981 fl-intier tagħha u jgħid kemm hemm ħaddiema impjegati tas-servizz pubbliku jaħdmu l-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri fil-preżent, x’inhu l-grad tagħhom u x’tip ta’ xogħol qed jagħmlu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li din l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Ir-Rabat, Għawdex - Triq Ġorġ Borg Olivier - WSC - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet kollha li hemm ippjanati li jsiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) f’parti minn Triq Ġorġ Borg Olivier, fir-Rabat, Għawdex? Tista’ tgħid ukoll kemm ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet u meta hu maħsub (xahar u sena) li jitlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fit-triq indika diġà nbdew u dawn jikkonsistu f’tibdil ta’ katusi tad-drenaġġ, kif ukoll l-installazzjoni ta’ żewġ mejnijiet tal-ilma fuq kull naħa tat-triq, flimkien mal-bdil tal-konnessjonijiet li jidħlu ġewwa d-djar.  L-istima għal dan il-proġett hija ta’ €200,000 filwaqt li l-Ministeru għal Għawdex huwa mistenni li jiffinalizza dan il-proġett permezz tal-bdil tal-wiċċ tat-triq.

CT7002/2024 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner, Ministry for Gozo and Planning

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34979 u ċjoè: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 32913 u 33715, rigward is-sejħa ‘CT7002/2024 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner, Ministry for Gozo and Planning’, li nħarġet mill-Ministeru tiegħu fix-xhur li għaddew, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm u min huma l-kuntratturi li wrew interess f’din is-sejħa sa issa? Jista’ jgħid ukoll: i.    liema huma x-xogħlijiet li huma ppjanati li jsiru fl-immedjat minn din is-sejħa; ii.   f’liema raħal ser isiru u jindika l-isem tat-triq; u iii.  fiex ser ikunu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li din l-informazzjoni għada qed tinġabar.

CT3068/2019 - Tender for the Reconstruction and Upgrade of Link between Rabat and Marsalforn, Gozo, Including the Construction of Rubble Walls

Question

B’referenza għas-sejħa: CT3068/2019 - Tender for the Reconstruction and Upgrade of Link between Rabat and Marsalforn, Gozo, Including the Construction of Rubble Walls, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet fadal isiru minn din is-sejħa u meta hu maħsub (xahar u sena) li jitlestew ix-xogħlijiet kollha li kien hemm fil-Bill of Quantities ta’ din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa tlestew madwar 60% tax-xogħlijiet marbutin mas- sejħa CT3068/2019 - Tender for the Reconstruction and Upgrade of Link between Rabat and Marsalforn, Gozo, Including the Construction of Rubble Walls. Dan ix-xogħol huwa mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena. Il- Bypass Gorg Pisani u Triq Patri Giacintu Camenzuli li jagħmlu ukoll parti minn dan il-proġett inbnew mill-qiegħ u huma miftuħin għat-traffiku. Ix-xogħol qed jinħadem b’tali mod li jħalli dejjem aċċess miftuħ mir-Rabat għal Marsalforn. B’hekk ix-xogħol qed isir fuq karreġġjata waħda. Appena li jkun lest ix-xogħol fuq dik il- karreġġjata, it-traffiku jkun jista jiġi ddevjat fuq dik in-naħa. B’hekk ikun jista jibda x-xogħol fuq il-karreġjata l-oħra, kif diġa sar f’partijiet mit-triq. Fil-jiem li ġejjin se jkun qed jingħata l-ewwel saff ta’ tarmac fil-junction ta’ quddiem il-knisja tal-Kapuċċini. Hekk, din il-junction, tkun tista ukoll tinfetaħ kompletament għat-traffiku.

CT5013/2026 - Negotiated Procedure for the Design and Build Tender for New Acute Mental Health Wards and Extension of Emergency Department at Mater Dei Hospital, using Environmentally Friendly Construction Materials and Products

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-Direct Order permezz tas-sejħa: CT5013/2026 - Negotiated Procedure for the Design and Build Tender for New Acute Mental Health Wards and Extension of Emergency Department at Mater Dei Hospital, using Environmentally Friendly Construction Materials and Products, kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Kif spjegat fit-titlu stess, din il-proċedura negozjata hija marbuta mad-disinn u l-bini ta’ swali tas-saħħa mentali akuta ġodda u estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-isptar Mater Dei skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti dwar il-kuntratti pubbliċi. Kif spjegajt f’numru ta’ istanzi, f’Diċembru 2024 inħarġet sejħa pubblika għall-offerti. Mal-għeluq tas-sejħa, offerent wieħed konsistenti f’konsorzju magħmul minn diversi ażjendi kummerċjali, issottometta offerta; madankollu, din ma ngħatatx. Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti dwar il-kuntratti pubbliċi, saret proċedura negozjata mal-imsemmi offerent. Bħalissa dan il-proċess għadu għaddej u s-sottomissjoni qed tiġi evalwata.

MTA - Kemmuna - PA00738/26

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jaġġorna lill-Kamra dwar l-applikazzjoni ta’ żvilupp PA00738/26 li saret mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) rigward Kemmuna u jgħid jekk din l-applikazzjoni hijiex ‘Outline Development Application’ jew ‘Full Development Application’?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni sottomessa mill-MTA ma’ l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar bir-referenza PA00738/26 għal organizzar ta’ faċilitajiet, hija waħda li tikkwalifika taħt Full Development.