Legislature:
Category:
Reset
Active:

SVDP — Każ ta'infermier

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kumpens se jingħata infermier li jaħdem f'San Vinċenz de Paule wara l-ħsara li saret fil-karozza tiegħu bi tfigħ ta' paint remover fil-car park tar-residenza San Vincenz (it-tieni każ fl-aħħar għaxar snin) fit-22 ta' Novembru, 1999 waqt li kien fuq il-post tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Huwa veru li fit-22 ta' Novembru 1999 sar tfigħ ta' "paint remover" fuq karozza ta' impjegat li jaħdem San Vinċenz de Paule. Sar rapport lill-uffiċċjal tas-sigurta' u anke l-għassa ta' Ħal Luqa. M'hemm l-ebda ħsieb li dan l-impjegat jingħata xi kumpens.

Anzjani — Dar f'Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11243?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11751 tinvolvi ħafna xogħol u tieħu ħafna żmien tal-perita nkarigata mill-proġett tad-Dar tal-Anzjani ta' Bormla biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa mill-persuni responsabbli fid-Dipartiment tal-Bini u Enġinerija. L-Onor. Interpellant japprezza li billi baqa' biss ftit ġranet oħra biex tinfetaħ din id-dar, il-perita għandha l-ħin tagħha kollu meħud fis-superviżjoni tax-xogħol li għad jonqos. Għalhekk risposta definittiva għal din id-domanda għandha tingħata aktar il-quddiem.

Impjiegi — Żidiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk iż-żieda fid-dħul mis-servizzi soċjali fis-sena 2000 għal Lm162.838 hijiex dovuta għaż-żieda fil-kontribuzzjoni tal-ħaddiema jew għal xi fatturi oħrajn ukoll?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Sta Venera — Manutenzjoni ta' tromba

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se ssir il-manutenzjoni tat-tromba tal-bejt fi Blk D Tal-Palazz l-Aħmar F'Santa Venera u t-tibjid tal-common parts ta' l-istess blokk ta' appartamenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Qormi — De La Crux Avenue - Tiswijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari W79 dwar il-bibien ta' dħul mill-blokki ta' appartament f'De La Crux Avenue, Ħal Qormi biex ma jibqgħux speċi ta' rixtelli, kif inhuma, minħabba l-ilma li jidħol minnhom meta tkun ix-xita, u b'riferenza għat-tweġiba li tani dwar il-fatt li dawn il-bibien ġew iddisnjati biex jagħtu l-arja u d-dawl lill-intrajjet, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li, filwaqt li jibqa' jiġi mħares dan l-aspett, jiġu kkunsidrati mezzi oħra li jeżistu biex jilqa' għall-inkonvenjent ta' l-ilmijiet f'dawn l-intrajjet, per eżempju, li jkollhom speċi ta' purtelli bil-ħġieġ jew perspex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-kunsiderazzjoni.

Impjiegi — Każ ta' impjegat

Question

Jista' l-Viċi Prim MInistru jgħid x'jista' jagħmel l-impjegat, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li skond ċertifikat mediku tal-kirurgu kardjologu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, wara operazzjoni li għamel jista' jsuq imma ma jistax iġorr u x-xogħol tiegħu jikkonsisti kemm f'sewqan kif ukoll f'ġarr? X'jagħmel jekk il-bord mediku jikkonferma dan, imma fejn jaħdem iriduh isuq u jġorr?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li "employer" ma jistax jiġi sfurzat iżomm fuq il-kotba tiegħu ħaddiem li ma jkunx f'pożizzjoni li jaqdi dmirijietu kif mitluba u kif miftehema, minħabba raġunijiet ta' saħħa. Madanakollu, il-ħaddiem konċernat jista' jirreferi l-każ tiegħu lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impieg għal parir jew xi għajnuna li jista' joffri.

Djar — San Ġwann - Tiswijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-flats tal-gvern li se jiġu mbajjda u rranġati fiż-żmien qarib ġewwa il-housing estate ta' San Ġwann billi wħud mill-area komuni huma nieqsa minn manutenzjoni u għandhom bżonnha malajr?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Bini u Tiswija ta' Djar f'dawn l-aħħar xhur għamel xogħol ta' tikħil tal-faċċati kollha tal-blokki f'San Gwann, peress li dawn huma kkonsidrati bħala partijiet komuni. Fir-rigward it-tronob tat-taraġ ta' dawk il-blokki li għadhom ma' sarux dawn huma nklużi fil-programm tad-Dipartiment konċernat.

Gżira — Uffiċċju tas-Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid u/jew jieħu in konsiderazzjoni il-ftuħ ta' uffiċċju tas-sigurta' soċjali ġewwa il-Gżira billi ġo dan il-lokal m'hemmx uffiċċju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Idejalment hi ħaġa mixtieqa li jkun hemm Uffiċċju Distrettwali tas-Sigurta' Soċjali għal kull Kunsill Lokali. Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jirċievi talbiet għall-ftuħ ta' Uffiċċju Distrettwali minn diversi lokalitajiet. L-Onor. Interpellant jifhem li l-ftuħ ta' Uffiċċju Distrettwali ġdid iġib miegħu żieda sostanzjali fin-nefqa amministrattiva. Barra minn hekk hemm diversi kunsiderazzjonijiet x'wieħed jagħmel qabel ma tiġi magħżula xi lokalita' partikolari, bħal ma hi żieda fin-numru ta' residenti u l-espanzjoni ta' lokalitajiet ġodda. Fil-preżent l-għoxrin Uffiċċju Distrettwali mxerdin ma' Malta u t-tnejn li hemm f'Għawdex huma maħsuba biex ilaħqu mhux biss mal-ħtiġijiet tal-lokal fejn hemm l-uffiċċju, iżda wkoll mal-ħtiġijiet ta' dawk li joqgħodu fil-viċinanzi. Fil-preżent id-Dipartiment għaddej fuq programm intensiv biex itejjeb mhux biss id-dehra, iżda wkoll l-livell tas-servizz li jingħata f'dawn l-uffiċċini. Mhux maħsub li n-numru ta' Uffiċċini Distrettwali jiżdied qabel ma jkun finalizzat il-proġett li semmejt.

Anzjani — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex reġa' inqala' ħafna madum fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' jgħid min hu responsabbli ta' dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fit-terrazzin ta' quddiem id-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla kellu jinqala ftit madum li kien għadu kif tpoġġa għax il-kuntrattur spiċċatlu dik il-kwalita' ta' madum.

Djar — Stallazjoni ta' lift

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11003, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinbeda dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara sejħa pubblika biex jiġu mpjegati Perit u Mechanical Engineer in konnessjoni ma' l-Iskema għall-istallar ta' lifts, l-Awtorita' tad-Djar irċeviet aplikazzjonijiet għal mili ta' dawn iż-żewġ postijiet. Hu ttamat li dawn il-postijiet jintlew fi ftit ta' żmien ieħor.

Djar — Kunsilli lokali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba uffiċjali ta' l-Awtorita' tad-Djar humiex qed jattendu ġewwa l-Kunsilli Lokali ta' Bormla, il-Birgu, Senglea, il-Fgura, il-Kalkara u x-Xgħajra u jekk iva, jistax jiġi indikat il-ħin ta' l-attendenza tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-"Customer Care Unit" ta' l-Awtorita' tad-Djar tattendi f'dawn il-lokalitajiet kif ġej: Bormla - L-ewwel Tnejn tax-xahar Birgu - It-tieni Tnejn tax-xahar Isla - It-tielet Tnejn tax-xahar Kalkara - Ir-raba' Tnejn tax-xahar Dan il-"Unit" ikun miftuħ f'dawn il-lokalitajiet fil-ġranet imsemmija bejn is-2.00 p.m. u l-4.00 p.m.

Impjiegi — Ħaddiema impressed

Question

Peress li l-ħaddiema impressed huma l-aktar ħaddiema mal-gvern li se jintlaqgħu ħażin għaliex huma jridu jirranġawlhom il-vetturi tagħhom sabiex ikunu konformi mal-VRT test, jista' l-Prim Ministru jgħid kif id-dipartimenti rispettivi se jgħinu sabiex dan il-piz ma jinġarrx kollu mill-ħaddiema impressed, li fuq kollox ikunu qed jagħtu servizz bil-karozzi u trakkijiet tagħhom regolari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Taħt is-sistema preżenti, r-rata tal-ħlas lill-"impressed drivers" tal-Gvern hija bbażata wkoll, fost numru ta' fatturi oħra, fuq l-ispejjeż tal-manteniment tal-vettura.

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm bdew jirreġistraw persuni ġodda fuq il-Part I f'Awsissu, Settembru u Ottubru ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni ġodda li bdew jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel Parti f'Awissu 1999 kien ta' 659, f'Settembru 1999 kien ta' 410 u f'Ottubru 1999 kien ta' 403.

Kalaxlokk — Impjegati

Question

Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Kalaxlokk li ħadu s-somma din is-sena u li qed jirreġistraw għax-xogħol illum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-Numru ta' ħaddiema tal-Kalaxlokk li ħadu s-somma din is-sena u li issa qed jirreġistraw għax-xogħol huwa ta' 185 li huma maqsumin kif ġej hawn taħt: (qiegħdin jirreġistraw fuq l-ewwel parti tar-reġistru) 179 (qiegħdin jirreġistraw fuq it-tieni parti tar-reġistru) 6