Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #12828 Sitting 226 2000-01-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali — Maestro Michael Laus

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'salarju/kondizzjonijiet ġie mogħti l-Maestro Michael Laus, bħala chairman ta'l-orkestra nazzjonali? Jista'jpoġġi l-kopja tal-kuntratt tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jikkonferma li ċ-chairman preċedenti ta' l-orkestra nazzjonali ma kien jirċievi l-ebda ħlas għas-servizzi tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Fl-aħjar interess ta' l-Orkestra Nazzjonali, iċ-Chairman preżenti, Maestro Laus ġie mitlub jiddedika numru sostanzjali ta' siegħat kull ġimgħa għall-Orkestra. Għaldaqstant il-Bord tad-Diretturi ta' l-Orkestra Nazzjonali stabbilixxa illi ċ-Chairman ikollu rimunerazzjoni ta' Lm3500 kull sena. Informat ukoll li ċ-Chairman preċedenti kien impjegat regolari mad-Dipartiment tal-Kultura fil-kariga tiegħu ta' Senior Principal Officer fuq skala 7 b'salarju ta' Lm5561 li kien jagħti s-servizz tiegħu kollu bħala Chairman ta' l-Orkestra. Huwa kien jirċievi wkoll onorarju ta' Lm400 fis-sena mill-fondi ta' l-Orkestra.
Leg 9 PQ #12857 Sitting 226 2000-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad fadal tfal li għadhom ma bdewx jattendu skola għax għandhom bżonnijiet speċjali u qed jistennew li jingħataw l-għajnuna jew li jiġu assessjati mill-istatementing board?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm seba' studenti bi bżonnijiet speċjali li qed jiġu evalwati mill-Istatementing Board u għaldaqstant għadhom ma bdewx jattendu l-iskola. Ma dawn hemm disa' studenti oħra li mhumiex jattendu skola iżda li l-evalwazzjoni tagħhom mill-Istatementing Board ġiet iffinalizzata u ser joħroġ ir-rapport.
Leg 9 PQ #12325 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Rigali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' l-Ministru jgħid f'kull każ lil min ingħataw dawn ir-rigali? Jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex ingħataw dawn ir-rigali lil dawn l-individwi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Segretarjat Parlamentari qassam fliexken tax-xorb (wieħed f'kull każ) lit-Taqsimiet ta' l-Aħbarijiet, tal-Mezzi ta' l-Istampa u x-Xandir rispettivament bħala rikonoxximent għas-servizzi tagħhom matul is-sena li għaddiet (1999). L-uniku rigal li nxtara mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija fl-okkażjoni tal-Milied 1999 kien ktieb dwar il-fidda antika ta' Malta li jiswa Lm25 li ingħata lil Mrs Maria Luisa Vitobello, ta' nazzjonalita` Taljana, bħala rikonoxximent talli, f'kooperazzjoni mal-Kap Eżekuttiv ta' l-MCST, irnexxielhom iġibu 65,000 EURO minn wieħed mill-programmi ta' riċerka ta' l-Unjoni Ewropeja, lill-Mużew ta' l-Arkeoloġija sabiex tkun tista' ssir riċerka fuq oġġetti arkeoloġiċi Maltin. Mrs Vitobello kienet Malta f'dawk iż-żminijiet f'konnessjoni ta' xogħol fuq l-istess proġett. Informat ukoll li t-Teatru Manoel nefaq mhux aktar minn Lm30 f'CDs ta' Miriam Gauci għall-Ambaxxaturi li jgħinu lit-Teatru, filwaqt li l-Mediterranean Conference Centre nefqet Lm570 fi 38 rigal identiku li ġew mogħtija lill-impjegati li jaħdmu f'Dar il-Mediterran. Ħlief għall-kalendarju tal-Millennju, li kopja tiegħu ingħatat ukoll lill-Onor. Membri, kemm il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni kif ukoll id-Dipartimenti u l-entitajiet l-oħra li minnu jagħmlu parti, fil-perjodu msemmi ma nefqu xejn f'rigali.
Leg 9 PQ #12710 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Rabat - Kan. P. Pullicino

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-iskola sekondarja Kan.P.Pullicino tar-Rabat, m'għandhomx sala fejn jistgħu jsiru attivitajiet extra kurrikulari bħal Prize Day u quddies? X'qiegħed iżomm milli tinbena sala, meta tmiss ma' l-iskola hemm biċċa art proprjeta' tal-gvern? Jaf il-Ministru li l-amministrazzjoni ta' l-iskola ilha snin titlob biex tinbena sala? Ġiet ikkonsidrata din it-talba? Jekk fl-affermattiv, x'sar fir-rigward?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-proposta qed tiġi konsidrata flimkien ma ħafna oħrajn minn skejjel diversi.
Leg 9 PQ #12738 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MATSEC — Eżamijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11985 u t-tweġiba tagħha, jista' issa l-Ministru jagħti l-figuri finali għal dawk l-istudenti li se joqogħdu għall-eżamijiet tas-SEC u s-suġġetti li se jiġu eżaminati fihom? Kemm hemm studenti minn skejjel tal-Knisja u privat?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' weġibt, ġejt informat li d-dettalji mitluba jkunu jistgħu jingħataw wara t-tieni ġimgħa ta' Frar 2000 meta jkunu pproċessati l-applikazzjonijiet kollha.
Leg 9 PQ #12739 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Ġużeppi Despott

Question

Peress li meta studenti li jattendu l-iskola Ġużeppi Despott (magħrufa wkoll bħala Verdala) jispiċċaw mil-lezzjonijiet kmieni wara nofsinar qed ikun hemm numru kbir minnhom li qed ikollhom jistennew it-trasport barra ħdejn triq traffikuża mingħajr superviżjoni u b'perikolu għall-istess studenti, jista'l-Ministru jara li dan ma jkomplix isir u li jkun hemm xi ħadd inkarigat biex jara li ma jsirx ġiri bl-addoċċ fit-triq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-karozzi ma jistgħux jidħlu ġewwa l-iskola u għaldaqstant it-tfal jistennewhom fid-daħla maġenb l-iskola fejn il-Kap jew l-Assistent Kap jibqgħu għassa sakemm l-aħħar tifel ikun tela' fil-karozza.
Leg 9 PQ #12747 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħamrun - Każi ta' bullying

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar il-każ ta' bullying li twettaq fl-iskola M'Assunta, il-Ħamrun, it-Tnejn, 10 ta' Jannar, 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-każ ġie riferut lill-Guidance and Counselling Unit u lill-iSchool Psychologist għal kwalunkwe azzjoni meħtieġa sew biex ikunu protetti tfal oħra mill-bullying, kif ukoll għall-ġid ta' l-istudenta nnifisha.
Leg 9 PQ #12754 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Mużewijiet — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-postijiet ta' promozzjoni (promotions) li qed ikunu ttrattati fid-Dipartiment tal-Mużewijiet u liema huma dawk il-postijiet fid-dipartimenti li huma ta' ngaġġ ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet ippubblika sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-Assistent Kuratur (Etnografija), Assistent Kuratur (Marittimu), Kuratur (Storja Naturali) u sejħa oħra għall-Perit. L-applikazzjonijiet għal dawn il-postijiet vakanti qed jiġu pproċessati. Fl-aħħar tas-sena l-oħra, 24 Kustodju u Gwida fid-Dipartiment tal-Mużewijiet ġew nominati Uffiċċjali tal-Mużewijiet. Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Ippjanar u Żvilupp qed jieħu ħsieb l-ingaġġ ta':(a) School secretaries; (b) Subject Coordinators - Primary u (c) Education Officers (Trade School) bħala uffiċjali ġodda fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni filwaqt li d-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji qed jitratta l-ingaġġ ġdid ta' Library Assistants.
Leg 9 PQ #12940 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Żejtun - Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk wara li ġiet irranġata l-Kindergarten taż-Żejtun, reġgħetx twaħħlet l-irħama ta' meta din kienet infetħet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol għadu ma ġiex finalizzat.
Leg 9 PQ #12948 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kottonera — Kumpless sportiv

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-kumpless sportiv fil-Kottonera?

Response (GALEA, LOUIS)

Kopja tal-pjanti tal-Kumpless Sportiv fil-Kottonera tkun tista' titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra aktar 'l quddiem.
Leg 9 PQ #12668 Sitting 224 2000-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11986 li oriġinarjament kienet saret għall-ewwel darba bħala mistoqsija parlamentari numru 11266?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti fi Skejjel Post Sekondarji sa Novembru 1999 hemm; Irġiel Nisa Total Statali 4368 2984 8352 Immexxija mill-Knisja 329 280 609 Indipendenti 88 64 152 TOTAL 4785 4328 9113
Leg 9 PQ #11844 Sitting 223 2000-01-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Xgħajra — Fortizza della Grazzja

Question

In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 4899, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi żvilupp rigward il-ħsarat li għandha l-Fortizza della Grazzja, ġewwa x-Xgħajra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Torri li jiġi kkwotat bħala Della Grazia (li fil-fatt huwa magħruf bħala tat-triq il-wiesgħa) fix-Xagħjra ġie spezzjonat mill-Unita` tar-Restawr (fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet) u mid-Dipartiment tal-Mużewijiet. Saret ukoll riċerka fl-arkivji tal-Mużew fuq l-istorja ta' dan it-Torri storiku. Kemm l-ispezzjoni kif ukoll ir-riċerka urew biċ-ċar li dan it-torri sofra ħafna ħsarat matul iż-żmien u parti kbira minnu reġa' nbena mill-ġdid, speċjalment il-qxur tal-ħitan minn barra. L-istat attwali tal-bini mhuwiex tajjeb u d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet tkun tista' l-quddiem tibda x-xogħol ta' restawr fuqu meta tlesti prioritajiet oħra. Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet qegħda bħalissa tindirizza proġetti ta' restawr fuq torrijiet li huma ta' emerġenza u periklu akbar - bħalma hu r-restawr tat-Torri tal-Ħamrija (limiti tal-Qrendi) u t-Torri ta' Għajn Tuffieħa (Mġarr).
Leg 9 PQ #12316 Sitting 223 2000-01-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Riċevimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti fl-okkażjoni tal-Festi tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-deskasteru tiegħu separtament? Jista' l-Ministru jgħid f'kull okkażjoni min fejn ġie ordnat l-ikel u xorb jekk f'kull każ intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' l-Ministru jgħid min ġie mistieden għal dawn ir-riċevimenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħala pajjiż ċivili hija użanza li jsiru riċevimenti fl-okkażjoni tal-Milied. Dan il-Gvern ma għandu ebda ħsieb jibdel din l-użanza. Jekk l-Onor. Interpellant jispjega sodisfaċentement għaliex qed jitlob l-informazzjoni dettaljata inkun f'pożizzjoni li nordna li tinġabar din l-informazzjoni.
Leg 9 PQ #12665 Sitting 223 2000-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Inċidenti ma' ġenituri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11943 dwar inċidenti ma' ġenituri tat-tfal ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm 5 inċidenti li jinvolvu ġenituri f'inċidenti fi skejjel. F'dawn il-każi issejjħet il-pulizija. Informat ukoll li kien hemm 2 inċidenti meta ġenitur kienet aggressiva ma' uffiċjali fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. F'każ minnhom issejjħet il-pulizija.
Leg 9 PQ #12666 Sitting 223 2000-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet tal-SEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħlas li jieħdu l-għalliema li jieħdu ħsieb l-eżamijiet tal-orali tas-SEC? Meta l-aħħar li saret reviżjoni ta' dan il-ħlas? Xi ħlas jingħata lill-invigilators u supervisors waqt l-eżamijiet u x'inhu dak li jieħdu l-persuni li jmexxu ċ-ċentru tal-gvern ta' l-eżamijiet? Meta l-aħħar saret reviżjoni ta' dan il-ħlas?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas li jieħdu l-għalliema li jagħmlu l-eżamijiet ta' l-Orali tal-MATSEC huwa ta' 60 ċenteżmu għal kull kandidat, waqt li l-ħlas li jingħata lill-invigilators u lis-supervisors għal kull sessjoni ta' l-eżamijiet tal-MATSEC huwa Lm4 għall-Invigilators u Lm6 għas-Supervisors (Head of Centre). Dawn huma r-rati oriġinali u qatt ma saret reviżjoni tagħhom. Dan il-ħlas kollu qed isir mill-Universita`. Informat ukoll li dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, dawn il-persuni jitħallsu bl-istess rata li jitħallsu l-invigilators u supervisors li jmexxu Ċentri oħra ta' l-Eżamijiet.
Leg 9 PQ #12667 Sitting 223 2000-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet tal-MATSEC/SEC

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija mill-Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 11946, jista' l-Ministru jgħid: kif ssir il-ħatra ta' l-invigilators u supervisions waqt l-eżamijiet? Dawn ikunu kollha għalliema ta' l-iskejjel ta' l-Istat, privati jew tal-Knisja? Kif jintgħażlu dawk li jmexxu l-eżamijiet fiċ-ċentri u fil-jiem ta' l-eżamijiet? Dawn irid ikollhom xi kwalifiki speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Heads of Centres u invigilators li ġew magħżula biex imexxu l-eżamijiet tal-Matsec/SEC li saru f'Mejju 1999 ġew meħuda mid-'Data Base' li ġiet mogħddija lid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet mill-Matsec Unit kif ukoll mid-'Data Base' li kellu l-istess Dipartiment. Informat ukoll li dawk magħżula, ġejjin minn kull settur tal-ħajja. Fost dawn kien hemm pensjonanti, għalliema, impjegati, kif ukoll nisa tad-dar. Il-persuni li jmexxu l-eżamijiet fiċ-ċentri u fil-jiem ta' l-Eżamijiet jiġu magħżula fuq l-esperjenza u l-kwalitajiet ta' tmexxija li huma mitluba għal dan is-servizz. Qabel il-bidu ta' kull sessjoni huma jingħataw taħriġ dwar il-proċeduri u l-mod ta' kif imexxu l-eżamijiet. Issir ukoll evalwazzjoni ta' kif tmexxa kull ċentru ta' l-eżamijiet hekk kif jintemmu l-eżamijiet. Il-persuni magħżula m'għandhom bżonn ebda kwalifika speċjali sakemm ikunu dedikati u juru inizjattiva fis-servizz li jagħtu.
Leg 9 PQ #12342 Sitting 222 2000-01-18 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Żejtun - Kindergarten

Question

Ladarba issa tlesta x-xogħol fuq l-iskola tal-kindergarten, Żejtun liema xogħol ilu lest minn Settembru 1999 għaliex sal-lum għadha ma twaħħlitx il-gate tal-ħadid biex tagħlaq l-aċċess għal din l-iskola fejn matul il-lejl faċilment jistgħu jidħlu nies li fost affarijiet oħrajn jistgħu jabbużaw mid-droga, bil-konsegenza li jħallu xi siringi u jsibuhom it-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalkemm kien hemm xi diffikultajiet, il-grada li saret riferenza għaliha ser titwaħħal fil-jiem li ġejjin.
Leg 9 PQ #12364 Sitting 222 2000-01-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tax-Xjenza, Arti u Teknoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru l-konsultazzjonijiet meħtieġa ma' dawk kollha nvoluti biex jiġi żgurat suċċess fil-ftuħ ta' kulleġġ ġdid tax-xjenza, arti u teknoloġija? Min se jmexxi l-proċess tal-konsultazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kulleġġ il-ġdid sejjer ikun fih firxa wiesgħa ta' korsijiet u faċilitajiet li jeħtieġu riżorsi umani ta' kull tip u fil-livelli kollha. Hu maħsub li dawn il-korsijiet u faċilitajiet jiddaħħlu fil-kulleġġ b'mod gradwali. Il-proċess ta' konsultazzjoni fil-fatt diġa' beda ma' uħud minn fost dawk involuti u ser ikompli b'aktar intensita` fil-ġimgħat li ġejjin fil-livelli kollha. Il-proċess ta' konsultazzjonijiet jitmexxew dejjem taħt il-gwida ġenerali tal-Ministeru, u mill-uffiċjali u persuni kompetenti skond il-partikolarita` tal-qasam dettaljat li jkun qed jiġi trattat.
Leg 9 PQ #12400 Sitting 222 2000-01-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kulleġġ Ġian Franġisk Abela

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm gruppi ta' studenti fl-ewwel sena tal-Kulleġġ Ġian Franġisk Abela ta' l-Imsida li qed jagħmlu l-Ingliż f'livell intermediate li mill-bidu tas-sena skolastika għadhom qatt ma kellhom lezzjoni ta' l-Ingliż? X'se jsir ma' dawn l-istudenti biex iġibu lura ż-żmien prezzjuż li tilfu? Meta se jkollhom il-lecturers meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li żewġ lecturers ta' l-Ingliż ġew mogħtija l-leave sa Jannar, waħda sabiex tippreżenta t-teżi tagħha, l-oħra minħabba gravidanza. Wara li diversi attentati sabiex jinstabu supplenti part-time fallew, il-kap ta' l-Ingliż ta hu stess siegħa mis-sagħtejn fil-ġimgħa stupulati, u b'hekk l-istudenti konċernati laħqu lil sħabhom fl-istudji tat-test litterarju. Sa dan il-jum, waħda mil-lecturers li kienu bil-leave daħlet lura għax-xogħol u l-grupi tagħha qed jirċievu l-lezzjonijiet kollha. L-oħra hi mistennija mill-jum għall-ieħor.
Leg 9 PQ #12551 Sitting 222 2000-01-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mellieħa - Primarja

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi urġenti biex it-tfal ta' Year 6B tal-primarja tal-Mellieħa jkollhom għalliem, issa li jinsabu ftit ġimgħat bogħod mill-eżamijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-klassi indikata fil-fatt għandha għalliema li bħalissa tinsab ma tiflaħx u mistennija tidħol lura meta tkun f'saħħitha. Ser inkompli nsegwi l-każ ta' din il-klassi.