Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #3397 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bormla — Dawl fit-toroq

Question

Jista'l-Ministru jara li jissewwew żewġ bozoz li hemm fit-trejqa ta' Blokk 5 Fuq San Pawl, Bormla? X'inhi r-raġuni għaliex leħen ir-residenti, li għamlu diversi rapporti lil min hu kkonċernat, ma ġiex mismuħ? Jista' l-Ministru jgħid kif se negħlbu din l-isfida, sabiex bozoz maqtugħa fit-toroq ma jdumux ġimgħat qabel ma jiġu rranġati?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ż-żewġ bozoz li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant issewwew. Il-manutenzjoni tal-bozoz issir raħal b'raħal skond roster u għaldaqstant ikun hemm perjodu li wieħed ikun irid jistenna biex bozza partikulari tinbidel. Il-Korporazzjoni Enemalta qed tagħmel kull sforz biex dan id-dewmien jitnaqqas kemm jista' jkun.
Leg 9 PQ #3457 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni kollha li qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarji parlamentari, fejn dan japplika? Għal kull persuna, jista' l-Ministru jindika d-dipartimenti jew azjendi parastatali li ġejjin minnhom, il-grad tagħhom u d-dmirijiet li qegħdin jaqdu bħalissa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-proċess biex jiġu ffirmati l-kuntratti/ftehim tal-persuni li għandhom jaqdu dmirijiet fis-Segretarjat tiegħi u f'dawk tas-Segretarji Parlamentari fil-Ministeru tiegħi għadu mhux konkluż. Qed nehmeż l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar dawk il-persuni f'dawn it-tlett Segretarjati Privati li diġa' iffirmaw il-kuntratt/ftehim. Aktar dettalji fuq ir-responsabbiltajiet assoċjati mal-pożizzjonijiet ta' dawn l-individwi jinsabu fid-dokument 'Engagement of Staff for Private Secretariats' li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fit-2 ta' Novembru 1998. Risposta sħiħa għal din il-mistoqsija u għal mistoqsijiet oħra tingħata f'xi seduta oħra.

Mellieħa — St.Marija Est. - Street lighting

Question

Jista' l-Ministru jara li l-istreet lighting f'Santa Maria Estate, Mellieħa u fl-area fejn hemm il-boathouses bin-numri 93 et segwitu jitwaħħlu u dan peress li fin-nuqqas tagħhom hemm ċerta biża' fost il-persuni li jokkupawhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba magħmula mill-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.

Prodotti — Għoli fil-prezz

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-prodotti li roħsu matul ix-xahar ta'Diċembru 1998? B'kemm għollew? X'effett kellha il-VAT fuq il-value ta' dawn il-prodotti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, matul ix-xahar ta' Diċembru 1998 kien hemm numru kbir ta' 'sales' ta' ġeneri u marki differenti ta' prodotti u għalhekk mhux possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba.

Kalaxlokk — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Kalaxlokk fuq il-kotba tal-kumpannija llum? Kemm minnhom qegħdin fuq forced leave? Kemm ilhom fuq il-leave? Kemm ħallas flus il-gvern għal dawn il-persuni li qegħdin fuq il-forced leave? Xi pjanijiet hemm imħejjija għalihom fil-futur viċin u fil-bogħod?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent fuq il-kotba tal-Kalaxlokk Co. Ltd. hemm 474 ħaddiem, li 6 minnhom huma impjegati tal-gvern mislufa mal-kumpanija. Minn dan it-total ta' ħaddiema ħadd minnhom ma' jinsab fuq 'forced leave'. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2881 u għall-mistoqsijiet supplimentari relattivi.

Prodotti — Roħs/għoli fil-prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'informazzjoni għandu l-Ministeru tiegħu dwar prezzijiet li għolew jew roħsu mill-ewwel tas-sena 'l hawn? X'effett kellha l-VAT fuq dan iċ-ċaqlieq?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta jimmonitorja l-prezzijiet ta' dawk il-prodotti li huma kkunsidrati bħala 'market leaders'. Iċ-ċaqlieq li seta' kien hemm fil-prezz ta' ċertu prodotti qed jiġi analizzat u għalhekk għad irid jiġi stabbilit jekk fil-fatt kienx hemm ċaqlieq u l-kwantita' ta' tali ċaqlieq.
Leg 9 PQ #3507 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dawl fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sar rapport lill-Enemalta biex tinbidel lampa maqtugħa inti u dieħel Bruno Stores fejn il-pet shop Golden Eden, Kalkara, u l-lampa li qiegħda fi Triq Missjoni Taljana fid-daħla tal-Housing Estate Rinella bypass li qiegħda l-ħin kollha tixgħel u titfi? Għaliex ma sarx ix-xogħol li hemm bżonn isir?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta qatt ma waslulha rapporti dwar lampi maħruqa fl-inħawi msemmija. Il-manutenzjoni meħtieġa saret.

Kalaxlokk — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb tal-gvern li jaqleb mal-Gvern impjegati ta' Kalaxlokk li ilhom snin kbar jaħdmu on secondment f'dipartimenti tal-Gvern?

Response (BONNICI, JOSEF)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant taf tajjeb li ħaddiem ta' azjenda jew korporazzjoni lijkun qed jaħdem f'dipartiment tal-Gvern, jibqa' impjegat ta' dik l-azjenda jew korporazzjoni partikolari; u dan ma ttieħx xi dritt li jsir impjegat tal-Gvern. Anke li kieku l-Gvern kellu jattwa dak li qed tistaqsi dwaru l-Onorevoli Interpellant, ikun qed jiddiskrimina ma' ħaddiema oħra ta' l-istess azjenda jew korporazzjoni li ma kellhomx l-opportunita' ki jaħdmu f'dipartiment governattiv. Dan japplika għall-azjendi u korporazzjonijiet kollha nkluża l-Kalaxlokk.
Leg 9 PQ #3556 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Importazzjoni — Kumitat

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat ad hoc li twaqqaf biex jirrikmanda rimedji u suġġerimenti dwar il-proċess ta' l-importazzjoni? Fuq liema kriterji ntgħażlu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kumitat 'ad hoc' li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huwa magħmul minn persuni li għandhom interess dirett u minn uffiċjali minn dipartimenti governattivi li għandhom konnessjoni ma' l-importazzjoni. Huwa l-għan prinċipali tal-membri ta' dan il-Kumitat li tiżdied l-effiċjenza fil-qasam ta' l-importazzjoni.

Enemalta — Distanza ta' arbli

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2736 ippreżentata fis-Seduta Nru. 37 tas-16/12/98?

Response (BONNICI, JOSEF)

Skond ir-Regolamenti dwar Provvista ta' Elettriku, id-distanza li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hija ta' 150 metru. Fil-każ tat-talba tal-persuna li saret referenza għaliha, id-distanza mill-eqreb sors ta' provvista hi ta' madwar 163 metru u għaldaqstant kellha ssir stima ta' l-ispejjeż żejda involuti.

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jekk jogħġbok jagħti l-ismijiet tal-persuni kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarju parlamentari li jaqa' taħtek? X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema mpjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3457.
Leg 9 PQ #3644 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ilma li l-Water Services Corporation tissupplixxi lill-pubbliku hux qiegħed jiġi ċċekkjat u analizzat għal preżenza ta'Trihalomethanes? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-livell u/jew perċentaġġ ta' trihalomethanes (dejjem jekk jeżistu) fl-ilma distribwit lill-pubbliku minn din il-korporazzjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #3647 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Boreholes — Twaħħil ta' meters

Question

Jista' l-Ministru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 1870?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ma jirriżultax lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma li twaħħlu meters mal-boreholes li tħaffru mis-settur privat.

Telemalta — Bord ta' l-Appelli - Rapport

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li kien għamel il-Bord ta' l-Appelli, ta' dak iż-żmien it-Telemalta, rigward l-appelli li kienu għamlu bosta mpjegati fl-1996 għall-ħatriet tal-Customer Service Officers skond is-sejħa 4/94? Dawn l-appelli kienu nstemgħu fl-Lulju ta' l-1996.

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra r-rapport mitlub mill-Onor. Interpellant.

Maltacom — Customer Service Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-kriterji li ntużaw biex ingħataw il-marki waqt l-intervista għall-grad ta' Customer Service Officer fil-Maltacom skond is-sejħiet 67/98 u 71/98 u jispjega b'liema merti ngħataw? Jista' jqiegħed ukoll kopja tar-riżultat bil-marki li ngħata kull kandidat skond kull kriterju?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kriterji wżati waqt l-interview u l-weighting ikunu iffissati mill-Bord li jagħmel l-għażla. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Maltacom — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki u x'esperjenza għandhom il-microsoft package (Word u Exel Package) l-erba' mpjegati fil-Maltacom li ngħataw il-ħatar ta' Customer Service Officer lejliet il-Milied li għadda?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-erba' persuni li għalihom qed tirreferi, ingħataw aktar minn 20 marka minn massimu ta' 25 lil kull wieħed minnhom mill-Bord ta' l-Għażla kemm għal dik li hija abbilta' kif ukoll esperjenza,
Leg 9 PQ #2881 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bis-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-Kalaxlokk fil-preżent?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet mal-partijiet kollha interessati. Huwa l-għan tal-Gvern li dawn id-diskussjonijiet iwasslu għal ftehim aħħari, bl-anqas piż finanzjarju fuq l-amministrazzjoni u fl-aħjar interess tal-ħaddiema.
Leg 9 PQ #2882 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ta' Qali — Industrial Estate

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-iżviluppi li ntlaħqu mill-5 ta' Settembru 'l hawn fl-Industrial Estate ta' Ta' Qali? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' industriji żgħar u kbar li joperaw minn Ta' Qali fil-preżent u kemm iħaddmu ħaddiema?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-iżviluppi li ntlaħqu mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn fl-Industrial Estate ta' Ta' Qali huwa dawn li ġejjin: a) beda x-xogħol fuq wieħed minn tlett car parks pjanati bħala parti mill-proġett ta' żvilupp ta' din iż-żona. b) qed jiġu ppreparati l-ispecifications għal xogħol ta' upgrading ta' servizzi u toroq. c) qed jiġi ppreparat 'construction management plan' biex jirregola x-xogħolijiet li jridu jsiru, liema pjan irid jiġi sottomess għall-approvazzjoni ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar. d) l-MDC hija nfurmata wkoll li waslet biex tiġi pproċessata applikazzjoni għall-permess li hija kienet għamlet biex jinbena administration block li jservi l-ħtiġijiet ta' din iż-żona. In-numru ta' ndustriji żgħar u kbar li joperaw minn Ta' Qali huwa 67. Dawn l-Industriji iħaddmu bejniethom 195 persuna full-time, 20 part-timers u 6 outworkers.

WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma jseħħ dak li ntqal fid-diskors tal-Budget 1999: "nistennew li din il-Korporazzjoni żżid l-effiċjenza tagħha għax ħadd ma jista' jippretendi li l-poplu jħallas minn imnieħru, kemm fil-prezz ta' l-ilma jew f'taxxi oħra għal ineffiċjenza u ħela li għandhom jispiċċaw"?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li għalkemm dan l-aħħar l-attenzjoni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet ikkonċentrata fuq l-irranġar tal-problemi li ġew ikkaġunati mill-użu ħażin tas-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet fl-aħħar sena. Qed isir eżerċizzju li permezz tiegħu mhux biss jiġu identifikati l-problemi li qed ixekklu l-effiċjenza fil-Korporazzjoni, iżda wkoll jitfasslu miżuri biex l-effiċjenza tiġi mmeljorata.
Leg 9 PQ #2965 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Dipartiment tal-Konsumatur — Każijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet fejn iċ-ċittadini rrapportaw lid-Dipartiment tal-Konsumatur matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm tressqu każijiet quddiem il-Qorti tagħna sabiex id-dipartiment jiddefendi l-interessi tal-konsumaturi msemmija, sena b'sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif ġej: SENA NUMRU TA' ILMENTI REĠISTRATI KAŻIJIET IMRESSQA L-QORTI 1994 644 3 1995 521 3 1996 864 1 1997 724 1 1998 773 - Tajjeb wieħed jgħid li l-interessi tal-konsumatur ma jiġux imħarsa biss meta każ jitressaq quddiem il-qorti, għax kif għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 1981, id-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandu l-funzjoni ta' medjazzjoni u hija l-policy ta' l-istess Dipartiment, bħalma hija l-prattika fl-Ewropa, li jeduka kemm lill-kummerċjant kif ukoll lill-konsumatur. Jittieħdu passi legali kontra l-kummerċjant meta dan ma jirregolax ruħu wara li tkun inġibditlu l-attenzjoni għall-irregolarita'.