Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Chief executive

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien fadallu żmien biex is-Sur Robert Laurenti - ex-Chief Executive ta' l-ETC, jagħlaqlu l-kuntratt? Għaliex ġie tterminat l-kuntratt tas-Sur Robert Laurenti? Kemm kellu remunerazzjoni skond il-kuntratt? Kemm ħa f'terminal benefits, mal-waqfien tal-kuntratt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li diġa tajt fil-Mistoqsija Parlamentari 10637. Is-Sur Laurenti kien fadallu tmintax-il xhar biex jagħlaqlu l-kuntratt. Kien hemm il-ħsieb li s-Sur Robert Laurenti jiġi sekondat, a spejjeż tal-gvern, ma' koperattiva li għandha bżonn tmexxija aħjar u assistenza teknika ta' persuna midħla fis-sistemi koperattivi. Dan l-arranġament ma seħħx u għalhekk ma kienx jagħmel sens li l-Korporazzjoni jkollha, għal żmien relattiv twil, kemm 'Chief Executive' kif ukoll 'Chief Executive Designate'. Ir-remunerazzjoni li kellu s-Sur Laurenti skond il-kuntratt għaż-żmien li kien fadallu kien ta Lm10,000 fis-sena. Skond il-ftehim li intlaħaq bejn il-Korporazzjoni u s-Sur Laurenti, il-kuntratt ser jiġi terminat mill-1 ta' Jannar 2000, sa liema żmien is-Sur Laurenti ser jutiliżża l-leave tiegħu. L-ammont li ser jieħu s-Sur Laurenti f'terminal benefits hu ta Lm17,119.

San Vinċenz de Paule — Appointments ta' nursing aide

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 11137 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li ġiet riferuta lilek u cioe': tista' tgħid meta ħerġin l-appointments tan-nursing aide ta' l-Isptar San Vincenz de Paule?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-appointments tan-nursing aides li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz qegħdin jiġu ppreparati u se jingħataw f'qasir żmien.

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'se tkun il-politika tal-Gvern biex dawk li ma jaħdmux isibu x-xogħol, peress li fil-budget hemm imwiegħed li se titnaqqas iċ-ċifra tal-qagħad? Kif se jkun it-taħriġ vokazzjonali u tekniku għal dawk li mhumiex jaħdmu biex jiġu mhejjija għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fid-diskors tal-Budget tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi qal: 'Huwa mistenni li l-livell tal-qagħad jinżamm madwar 5%. L-ETC ser tieħu diversi inizjattivi ta' taħriġ vokazzjonali biex tħejji lin-nies qiegħda għax-xogħol. Minbarra l-programmi ta' taħriġ li ilha toffri, l-ETC ser tintroduċi l-kunċett ta' "traineeships" li jikkombina taħriġ fiċ-ċentri tal-ETC flimkien ma' xogħol u taħriġ prattiku. L-ETC ser tgħin lil min ilu jirreġistra għax-xogħol biex jipparteċipa fi programm ta' xogħol fil-komunita' bil-ħsieb li persuna titgħallem ħiliet, tagħmel xogħol bżonnjuż u b'hekk issibha aktar faċli li ssib impjieg. Dalwaqt ser jiġi ntrodott programm f'ħiliet bażiċi biex persuna qiegħda tingħata nformazzjoni dwar is-suq u l-opportunitajiet tax-xogħol u ħiliet biex issib xogħol. L-iskop ta' dan il-programm hu li nies qegħda jsiru jafu aktar dwar opportunitajiet tax-xogħol li hawn fil-pajjiż, jaċċettaw il-ħtieġa li jitħarrġu biex jimlew vakanzi li jinħolqu, u jkunu kapaċi jfittxu x-xogħol minn jeddhom. Il-Gvern irid li ċ-ċifri tal-qagħad ikunu jirriflettu kemm jista' jkun preċiż in-numru ta' persuni li qed ifittxu ix-xogħol u jmorru jirreġistraw. Ma rridux min jabbuża mill-benefiċċji li jagħti l-Istat billi jmur jirreġistra għax-xogħol meta fil-fatt ikun jaħdem. Għalhekk se jsir sforz biex jiġu applikati l-liġijiet tal-pajjiż f'dan il-qasam, iżda b'mod li mal-ħażin ma jeħlix minn hu ġenwin.

Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma tal-Ħarsien Soċjali — Mission statements

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol se jkollha l-Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma tal-Ħarsien Soċjali? X'inhuma l-mission statements? Min se jkunu l-membri u/jew min huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-termini ta' referenza u l-komposizzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma tal-Ħarsien Soċjali ġew pubblikati. Il-lista tal-membri ngħatat ukoll fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10773, bid-differenza li Ms Bridgitte Zammit ħadet post Ms Natasha Meli bħala rappreżentanta tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Dar ta' l-Anzjani — Ikel

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11143, jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux xi ħlasijiet ta' ikel lil xi kumpannija oħra barra dik imsemmija? Kemm tħallsu lill-kumpannija msemmija, xahar b'xahar minn mindu ġie mogħti l-kuntratt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma sar l-ebda ħlas ta' ikel fornut lid-Djar ta' l-Anzjani ħlief lill-kuntrattur imsemmi fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11143. Lil dan il-kuntrattur, tħallsu dawn l-ammonti: 1998 Lulju - Lm11,092.02 Awissu - Lm11,311.12 Settembru - Lm11,187.49 Ottubru - Lm11,427.95 Novembru - Lm10,685.65 Diċembru - Lm10,786.82 1999 Jannar - Lm12,370.64 Frar - Lm10,920.38 Marzu - Lm12,106.06 April - Lm11,867.41 Mejju - Lm12,221.28 Ġunju - Lm11,850.41 Lulju - Lm11,804.80 Awissu - Lm12,120.18 Settembru - Lm12,052.61 Ottubru - Lm12,215.90

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuni li jkunu waqfu mix-xogħol, ikunu bdew jirreġistraw u wara jibdew bis-sick leave m'għadhomx aktar eliġibbli biex japplikaw għal Pensjoni ta' l-Invalidita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi li persuna tkun intitolata għal Pensjoni għal Invalidita' jekk kienet inkapaċi għax-xogħol minħabba marda serja. Meta persuna tirreġistra għax-xogħol immedjatament wara li tkun tilfet ix-xogħol b'riżultat ta' nuqqas ta' xogħol, u waqt li tkun qed tirreġistra timrad b'marda serja din ukoll tista' tkun intitolata għal Pensjoni għal Invalidita'. Għaldaqstant mhux minnu dak li qed jgħid l-Onor. Membru u cioe' li persuni li jkunu waqqfu mix-xogħol u bdew jirreġistraw u wara tiżvilupalhom marda m'għadhomx eliġibbli għal pensjoni għal Invalidita'. Naturalment, id-dipartiment għandu d-dmir li jara li s-sistema ma tiġiex abbużata f'liema każ, jittieħdu l-passi opportuni.

Anzjani — Dar f'Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn min se jitmexxa fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla: (a) il-catering; (b) it-tmexxija; u (c) it-tindif?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara li ħarġet sejħa għall-offerti għat-tmexxija tad-Dar ta' Bormla, din ser tiġi fdata lil Health Care Services Ltd. Skond kif mitlub mill-istess sejħa t-tmexxija tinkludi fost l-oħrajn il-catering u t-tindif.

Impjiegi — Żidiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk impjegati fl-Armed Forces ta' Malta, li jispiċċaw mix-xogħol bi żmien, jeħdux żewġ terzi ta'kull żieda li jingħataw membri fl-Armed Forces? Jekk fl-affermativ, jista' jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li spiċċa mill-AFM fl-1981, hux suppost li ħa dawn iż-żidiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-impjegati fil-Forzi Armati ta' Malta li jispiċċaw mix-xogħol biż-żmien ikollhom pensjoni tas-servizz jew mill-Gvern Ingliż jew mit-Teżor u ġieli anke mit-tnejn. Għaldaqstant il-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li jkunu intitolati għaliha tkun waħda minn awk b'rata fissa skond it-Tnax il-Skeda taħt l-istess Att dwar is-Sigurta' Soċjali u mhux taż-żewġ terzi. Inżid ngħid illi 'l-persuna minnhu ndikata se tkun infurmata bil-miktub dwar il-pensjoni tagħha.

Għajn Dwieli — Triq l-Ammiraljat - Fond Nru.11

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-garaxx li huwa tal-Housing Authority u li issa sarulu wkoll il-bieb u t-twieqi, li qiegħed f'numru 11, Triq l-Ammiraljat, Għajn Dwieli? X'jista' jagħmel biex japplika persuna li hi interessata f'dan il-garaxx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar bniet żewġ maisonettes u erba' garages fuq din il-plot. Żewġ garages minnhom huma abbinati maż-żewġ maisonettes fuq imsemmija u ż-żewġ garages l-oħra nbiegħu wara sejħa pubblika għall-offerti.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet il-pensjoni qabel is-sena 1979? Meta daħal fis-seħħ il-metodu tat-two thirds?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-pensjoni qabel l-1979 kienet Lm12.10 fil-ġimgħa għal raġel miżżewweġ li jkun imantni lil martu u Lm7.40 għal kull persuna oħra. Il-Pensjoni taż-Żewġ Terzi għal min kien impjegat daħlet fis-seħħ fit-22 ta' Jannar 1979.

SVPR — Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet it-talba ta' l-anzjana ta' 93 sena, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex tidħol f'SVPR?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament li applikat biex tidħol fl-SVPR qegħda tingħata prijorita' u ser tkun ammessa fi ftit żmien ieħor.

Djar — Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-każ dwar housing li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata attenzjoni minħabba l-problemi familjari kbar li jeżistu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ imsemmi qed ikun ikkunsidrat flimkien ma' l-applikazzjonijiet oħrajn li għandu pendenti quddiemu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Postijiet tal-Gvern — Kirjiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar il-kirjiet varji tal-postijiet tal-Gvern u l-bażi li fuqhom jinħadmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kirjiet ta' postijiet tal-Gvern li jitbattlu u jerġgħu jinkrew huma regolati bl-Avviż tal-Gvern 202 tat-13 ta' Marzu 1987, kif amendat bl-Avviż 523 tas-7 ta' Lulju 1998. Kirjiet ta' postijiet ġodda ta' l-Awtorita' tad-Djar jinħadmu skond l-Ordinanza li Trażżan il-Kera fuq id-Djar, Kap. 116.

Anzjani — Ħrieqi

Question

Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ ta' l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li qegħda titlob li tieħu l-ħrieqi ssussidjati mill-gvern wara li ilha li għamlet l-applikazzjoni ġimgħat ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-anzjana li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament kienet diġa' applikat f'April ta' din is-sena u fil-fatt bdiet tieħu s-servizz ta' ħrieqi ssussidjati mill-istess xahar. (Ref. tagħha M2253).

Persuni b'diżabilita' — Akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, u li għandu persuna b'diżabilita' fil-familja tiegħu, jistax jingħata post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari tiegħu Nru. 10575. M'għandi xejn xi nżid fuq dak li għidtlu dakinhar, ħlief li d-dipartiment qiegħed jagħmel investigazzjonijiet dwar din l-applikazzjoni.

ETC — Karozzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li f'din is-sena, jiġifieri l-1999, intnefqu Lm20,000 f'karozzi għall-ETC? Kemm inxtraw karozzi u min qed jużahom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proċess ta' xiri ta' żewġ karozzi, waħda għaċ-Chairman u l-oħra għaċ-Chief Executive Officer tal-ETC għadhom mhux finaliżżati.

Social Work Support Service — Kondizzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kondizzjonijiet li jissejjaħ Classification, Regrading and Assimilation of the Social Work Class - Social Work Support Service?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7282.

Anzjani — Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara fiex waslet l-applikazzjoni ta' l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex tidħol f'xi dar ta' l-anzjani minħabba l-problemi soċjali li jeżistu fid-dar tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-anzjana li d-dettalji tagħha ġew mibgħuta separatament applikat sabiex tidħol f'dar ta' l-Anzjani fit-30 t'April 1999. Diġa' sar ir-rapport tas-Social Worker u vista medika. L-applikazzjoni msemmija qiegħda nkluża fil-"waiting list" ma' applikazzjonijiet oħrajn simili.

Self-employed — Arretrati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni self-employed u kumpanniji li għandhom arretrati f'bolla xi jħallsu mad-dipartiment? Kemm hija s-somma ta' flus dovuta f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta għal din id-domanca ġa ingħatat fit-tieni parti għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3864.