Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi problemi min-naħa tal-ministeru biex ikompli jappoġġja b'mod finanzjarju l-proġett tad-dizzjunarju ta' Aquilina?
X'inhuma dawn il-problemi? Possibbli ma jistgħux jiġu solvuti?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tfal ta' Primary School B, San Ġorġ, Ħal Qormi, ma jiddaħħlux qabel il-ħin meta jkun temp ta' xita, iżda jitħallew barra fix-xita jistennew, sakemm isir il-ħin ta' l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-bieb ta' l-iskola normalment jinfetaħ għat-tfal fit-8.20am biex it-tfal jibqgħu sejrin fil-kuritur għall-Assembly.
Informat ukoll li f'każ ta' xita, il-bieb jinfetaħ malli tidħol l-ewwel caretaker biex it-tfal jibqgħu deħlin kif jaslu u jibqgħu deħlin dirtt fil-klassi peress li mhux possibli li ssir it-talba fil-kuritur meta tkun ix-xita.
Flaħarnett informat li fl-iskola jeżistu arranġamenti ma' l-Ladies Circle ta' l-iskola sabiex dawn ikunu preżenti qabel il-ħin ta' l-iskola biex jgħinu jieħdu ħsieb it-tfal li jaslu kmieni.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm għandu għalliema u kemm studenti qed isegwu l-istess lingwi fil-livell sekondarju f'dawn is-suġġetti: (a) Taljan; (b) Franċiż; (ċ) Spanjol; (d) Ġermaniż; (e) Russu; u (d) lingwi (oħra jekk jeżistu)?
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li se jinfetaħ bieb ta' garaxx f'bini storiku li jinsab f'Misraħ il-Barrieri, Santa Venera? Jekk iva, jaħseb il-Ministru li huwa sew li bini daqstant storiku jiġi mħassar b'dan il-mod?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet ma kienx konsultat mill-Awtorita` għall-Ippjanar rigward il-ftuħ ta' bieb ta' garaxx f'bini storiku li jinsab f'Misraħ il-Barrieri, Santa Venera, u għaldaqstant m'huwiex f'pożizzjoni li jikkummenta fuq dan il-każ.
Ministeru ta'l-Edukazzjoni/Biedja — Laqgħat internazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jaġġorna l-informazzjoni ta' mistoqsija parlamentari numru 9231, Seduta Nru. 155, sal-perijodu ta' l-aħħar ta' Diċembru 1999? Jista' jinfurmana x'kontinwazzjoni se jkun hemm matul din is-sena u x'inhuma r-riżultati li mistennija jintlaħqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni qed iħejji biex jitwaqqaf il-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza Applikata u Teknoloġija u d-diskussjoni li qed issir hi ukoll f'dan il-kwadru. Rigward l-Iskola tal-Biedja din ukoll qed tiġi studjata fil-kwadru tar-riforma ta' l-iskejjel tas-snajja'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni mpjegati bħala deck hands fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Kemm saru korsijiet tal-First Aid u/jew tal-life saving mindu infetħet? Meta sar kull kors u/jew refresher course?
Meta hu maħseb li jsir kors ġdid/refresher course?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent il-Pixxina Nazzjonali timpjega tliet persuni bħala Aquatic Facility Operators li jinkludi doveri ta' deckhands. Fl-1996 ġew organizzati żewġ korsijiet: wieħed fil-Life Saving mill-Forz Armati ta' Malta (FAWM) u ieħor fil-First Aid minn St John's Ambulance Brigade. Fl-1998 l-impjegati kollha tal-pool temmew b'suċċess kors fil-Basic Sea Rescue and Life Support - Part I li sar minn S & R Club f'isem ir-Royal Life Saving Institute.
Informat ukoll li kors ieħor fit-taħriġ ta' Life Guard ser jiġi organizzat fix-xahar li ġej (Frar). Dan huwa aktar minn refresher course u jittratta techniques ta' life saving u first aid aktar avvanzati. Dan il-kors iwassal għal Ċertifikat rikonoxxut internazzjonalment.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-ispejjeż involuti fl-organizzar ta' l-aħħar skeda tal-ħarġiet kulturali li ġew organizzati mid-Dipartiment tal-Kultura? Jista' fil-breakdown jinkludi l-ħlasijiet li jħallas id-dipartiment f'entraturi għal postijiet li fihom saru ż-żjarat sit sit, inklużi donazzjonijiet lill-kappelli u knejjes?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ispiża totali għall-organizzazzjoni ta' l-aħħar skeda ta' Ħarġiet Kulturali (1998/99) organizzati mid-Dipartiment tal-Kultura kienet ta' Lm13953. Ta' min jgħid li kien hemm 1600 parteċipant li bejniethom ħallsu s-somma ta' Lm7345 lid-Dipartiment u għalhekk in-nefqa netta tal-Gvern kienet ta' Lm6608.
Ma jidhirlix li għandi għalfejn noqgħod nagħti l-ammont tal-ħlas ta' l-entratura sit b'sit iżda dan kien konsiderevolment inqas minn dawk li jintalbu lill-pubbliku ġenerali, bħalma wara kollox kien isir fis-snin li għaddew.
Is-somma ta' Lm13953 tinqasam hekk:
Ħlas lill-gwidi Lm 3360
Ħlas ta' kiri lill-coaches b'tender Lm 4569
Donazzjonijiet bħala ħlas nominali għall-
entratura ta' diversi siti privati li
jinvolvi nies biex jiftħu l-post għalmenu
għal 8 Ħdud Lm 200
Stampar ta' programmi, membership cards u
formoli ta' applikazzjoni fl-Istamperija
tal-Gvern Lm 391
Ħlas ridott ta' miżata għall-entratura ta'
diversi siti li l-pubbliku jidħol b'pagament Lm 3120
Ħlas ta' overtime ta' impjegati tad-
Dipartiment tal-Kultura Lm 2217
Ħlas ta' overtime ta' impjegati oħra Lm 96
TOTAL Lm13953
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti li se joqogħdu għal eżamijiet fil-livelli avvanzati u intermedjarji li l-applikazzjonijiet għalihom għalqu fl-14 ta' Jannar, 2000?
Liema huma s-suġġetti li applikaw għalihom?
Kemm mill-istudenti huma mill-iskejjel privati u tal-knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tagħrif mitlub ikun jista' jingħata lejn l-aħħar ta' Frar 2000 meta jkun finalizzat l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet fil-livelli avvanzati u intermedjarji għall-eżamijiet ta' Mejju 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema nieqsa fl-iskejjel tal-gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Primarji u fl-Iskejjel Speċjali tal-Gvern m'hemmx nuqqas ta' għalliema.
Fl-iskejjel sekondarji u tas-snajja' hemm nuqqas ta' lezzjonijiet kif ġej:
MUSIC
Marsa Boys' Secondary - 8 lezzjonijiet
PHYSICS
Hamrun Girls' Secondary - 24-il lezzjoni
Gżira Boys' Secondary - 16-il lezzjoni
Tarġa Gap Boys' Trade School - 21 lezzjoni
Umberto Calosso Boys' Trade School - 30 lezzjoni
Naxxar Boys' Trade School - 16-il lezzjoni
Xagħra Girls' Trade School - 12-il lezzjoni
School of Building - 10 lezzjonijiet
RELIGION
Naxxar Boys' Trade School - 6 lezzjonijiet
ITALIAN
Victoria Boys' Secondary - 16-il lezzjoni
HOME ECONOMICS
Handaq Boys' Junior Lyceum - 12-il lezzjoni
Hamrun Girls' School - 5 lezzjonijiet
COMPUTER
Rabat Grils' Secondary - 20 lezzjoni
Fortini Boys' Secondary - 11-il lezzjoni
Umberto Calosso Boys' Trade School - 8 lezzjonijiet
MATHEMATICS
Xagħra Girls' Trade School - 4 lezzjonijiet
In-numru ta' lezzjonijiet li hemm neqsin fl-Iskejjel Post Sekondarji huma dawn:
Electrical Engineering Science - 10 lezzjonijiet
Electronics Workshops - 3 lezzjonijiet
Construction Skills Theory - 4 lezzjonijiet
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li t-tifel li ismu qed jintbagħat separatament, li għandu sebgħa snin u nofs mir-Rabat, Malta, għadu sal-lum ma bediex jattendi skola, tifel li għandu bżonn iżjed u iżjed l-iskola għax għandu bżonnijiet speċjali? Meta se jkun jista' jibda jattendi l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ġenituri tiegħu ma jridux jaċċettaw li t-tifel ikollu shared help ma studenta oħra, u dan skond ir-rapport ta' l-Istatementing Board (STM 136/98 tad-9 ta' April 1999). Għaldaqstant it-tifel jista' jibda jattendi l-iskola meta l-ġenituri tiegħu jiddeċiedu li jibgħatuh. L-Uffiċċjali responsabbli qed isegwu l-każ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar iż-żjarat frekwenti li qed isiru mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni lejn Strasbourg u Brussels? Kemm saru żjarat lejn dawn l-ibliet minn uffiċjali (diretturi, Ass/diretturi, EOs) mid-Diparitmenti tal-Planning & Development u mill-Operations (separatament) mill-1 ta' Jannar sa l-aħħr ta' Diċembru 1999?
X'kien l-iskop ta' dawn iż-żjarat?
Ġew ippreżentati rapporti wara kull żjara, jekk iva, lil min ġew preżentati?
Kemm kien it-tul medju ta' dawn iż-żjarat?
Kien hemm individwi li marru aktar minn darba fil-perjodu msemmi, jekk iva, kemm kienu dawn l-individwi u minn liema dipartiment?
Kemm kienet l-ispiża totali ta' dawn iż-żjarat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Direttur, Planning and Development, fir-rwol tiegħu ta' EU Desk Officer fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni siefer ħames darbiet fuq xogħol fi Brussels. It-tul medju ta' dawn iż-żjarat kien ta' 3.2 ġranet kull żjara. Tlieta minn dawn iż-żjarat kienu konnessi ma' l-iscreening exercise u d-darbtejn l-oħra biex isiru diskussjonijiet u familjarizzazzjoni ma' aġenziji ta' l-EU.
Fl-aħħarnett informat ukoll li l-ispiża totali kienet Lm1747. Wara kull żjara sar rapport bil-miktub.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skola bi skola fil-livelli kollha r-rata ta' parteċipazzjoni mill-ġenituri fl-elezzjonjiet tal-kunsilli skolastiċi għas-sena skolastika kurrenti?
X'jaħseb dwar din ir-rata d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? Hemm xi inizjattiva maħsuba biex jgħollu din ir-rata? Liema huma dawn l-inizjattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Kumitat għaċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millenju — Membri
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-membri li ffurmaw il-Kumitat għaċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millenju?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Membri li jiffurmaw il-Kumitat Nazzjonali għaċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millennju huma:
President Ministru Louis Galea
Membri Ministru Francis Zammit Dimech
Ministru Michael Refalo
Is-Sur Richard Cachia Caruana
Is-Sur Richard Muscat
Is-Sur Joseph J. Mifsud
Is-Sur Anthony Attard
Is-Sur Anton Attard
Dr Vicki Ann Cremona
Is-Sur Wilfred Kennely
Is-Sur Charles Micallef St John
Is-Sur John Schranz
Is-Sur Charles Stroud
Is-Sur Kevin Sciberras
Kap Eżekuttiv Is-Sur Piju Spiteri
Segretarju Is-Sur Albert Callus
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' vetturi li ġew mogħtija permezz ta' donazzjoni lill-Ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mill-1987 sa l-1996? Jista' jgħid x'tip ta' vetturi u ditta jew marka huma? Minn min ġew mogħtija? F'liema sena ġew mogħtija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu msemmi ma ġiet mogħtija ebda vettura permezz ta' donazzjoni la lill-Ministeru u lanqas lid-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk is-suġġetti li skond il-kurrikulu nazzjonali ġdid, li se jiġi mħaddem mis-sena skolastika li jmiss, huma obbligatorji u jridu jiġu mgħallma fl-iskejjel kollha tal-pajjiż? F'liema stadju - primarju, sekondarju, eċċ. - jidħlu fil-kurrikulu dawn is-suġġeti?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-livell Primarju, is-suġġetti bażiċi huma: il-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, ir-Reliġjon, l-Istudji Soċjali, l-Edukazzjoni dwar il-Midja, l-Edukazzjoni Fiżika u Sport, it-Teknoloġija, ix-Xjenza u l-Espressjoni Kreattiva. F'dan il-livell, l-għanijiet ġenerali fl-oqsma tal-midja u ta' l-iżvilupp personali u soċjali, ikunu integrati mas-suġġetti l-oħra.
Fil-livell Sekondarju, is-suġġetti bażiċi huma: il-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, it-Tagħlim tal-Kompjuter, ir-Reliġjon, l-Ilsien Barrani, l-Istudji Ambjentali (Storja, Ġeografija u Studji Soċjali), l-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport, l-Arti Espressiva, l-Iżvilupp Personali u Soċjali (PSD), it-Teknoloġija u d-Disinn u x-Xjenza Koordinata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw performances mill-orkestra nazzjonali mit-twaqqif tagħha fl-1998 sal-lum, xahar b'xahar? Kemm daħlet flus l-orkestra nazzjonali għal kull performance minn min ingaġġa s-servizzi tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' performances xahar b'xahar li ingħataw mit-twaqqif ta' l-orkestra nazzjonali sal-lum huma:
1997 1999
Ottubru - 0 Jannar - 3
Novembru - 0 Frar - 1
Diċembru - 2 Marzu - 4
April - 2
1998 Mejju - 2
Ġunju - 4
Jannar - 3 Lulju - 0
Frar - 3 Awissu - 0 (Seminar)
Marzu - 5 Settembru - 1 (Seminar)
April - 3 Ottubru - 2
Mejju - 1 Novembru - 2
Ġunju - 3 Diċembru - 4
Lulju - 0
Awissu - 0 2000
Settembru - 2
Ottubru - 1 Jannar - 2
Novembru - 1
Diċembru - 3
Għar-rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija, tajjeb li wieħed jiftakar li l-Orkestra Nazzjonali hija kumpanija mmexxija fuq linji kummerċjali. Għaldaqstant, ġejt mogħti l-parir biex din l-informazzjoni tibqa' kunfidednzali.