Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar it-twaqqif tas-swimming promotion unit fil-pixxina nazzjonali? Kif se titmexxa? Xi ħlasijiet se jsiru minn studenti li jużaw il-unit? Kemm hemm għalliema f'dan il-unit? X'pubbliċita' saret fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u tal-privat biex jitħajjru jibagħtu l-istudenti jitħarrġu fl-għawm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Swimming Promotions Unit reġgħet bdiet topera f'Novembru 1999. Bħalissa qed titmexxa minn kumitat maħtur mill-Gvern b'rappreżentanza tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, ta' l-ASA, tal-Pixxina, u persuni oħra involuti fl-għawm. It-taħriġ propju fil-preżent qed isir mill-coach nazzjonali ta' l-għawm u għalliema ta' l-Edukazzjoni (li tagħmel xogħol ukoll ta' kordinatur) maħtura mid-Dipariment ta' l-Edukazzjoni. Il-ħlas mill-istudenti baqa' dak ta' 30c li titħallas lill-Pixxina.
Informat ukoll li saret kampanja pubbliċitarja fl-iskejjel kollha ta' l-istat, tal-knisja, u dawk privati permezz ta' ċirkulari.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenium l-orkestra nazzjonali ma ġietx involuta fl-ebda attivita', minkejja li hi orkestra full-time, imħallsa mill-gvern u aktar minn hekk hija orkestra ta' livell għoli li kull fejn marret iddoqq għamlet suċċessi kbar u ġiet imfaħħra minn kulħadd, kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm ebda raġuni partikulari għal dan. Dawn l-affarijiet dejjem jiġru meta jkun qed jitfassal programm artistiku. Żgur li ħadd ma jiċħad il-kapaċita` professjonali ta' l-Orkestra u prova ta' dan huma l-kunċerti l-oħra li d-Dipartiment tal-Kultura jqabbad lill-Orkestra Nazzjonali sabiex tesegwixxi.
Informat ukoll li l-Orkestra Nazzjonali għadha qatt ma tat "performance" barra minn Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir ftehim ġdid ma' l-union li tirrappreżenta l-mużiċisti ta' l-orkestra nazzjonali biex dak li tteħdilhom qabel jerġa' jingħatalhom lura u ssir ġustizzja anke ma' dawn il-ħaddiema professjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kuntratt li l-mużiċisti kienu ffirmaw f'Ottubru 1997 ġie mġedded f'Ottubru ta' l-1999 għall-perjodu ta' sentejn oħra, "tale quale".
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi impressed miegħu? Jista' jgħid kemm hemm mal-Ministeru jew dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'inhi s-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema llum, meta l-gvern kien wegħedhom li ser jiġu mpjegati diretti mal-gvern qabel l-elezzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm tlettax-il karozza 'impressed' mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Nissuġġerixxi li t-tieni parti tal-Mistoqsija tiġi riferuta lill-Ministeru tal-Politika Soċjali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 12351 u t-tweġiba tagħha, jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt tħallas VAT fuq id-dħul mill-pixxina nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont totali ta' taxxa li tħallset mill-Pixxina Nazzjonali fl-1999 kienet ta' Lm7,163.
Matul is-sena li għaddiet saru skambji ta' korrispondenza bejn il-Bord ta' Tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali u d-Dipartiment tal-VAT bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-kategorija li l-Pixxina għandha tikkonforma ruħha magħha. Il-kwistjoni għadha ma ġietx konkluża. Sadattant, is-somma sħiħa ta' Lm7,163 tħallset kollha.
Wara d-diskors tas-segretarju parlamentari ta'nhar is-Sibt li għadda meta ltaqa'ma' l-atleti u uffiċjali għall-għażliet ta'sportivi tas-sena, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti ppjanati li jsiru fil-pixxina nazzjonali matul din is-sena finanzjarja? Kemm se jqum kull proġett? Kif se jiġi ffinanzjat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġetti kapitali ipprogrammati li jsiru fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali għas-sena finanzjarja 2000 huma dawn:
Stima
* bini ta' żewġ Squash Courts ġodda
fi Block A Lm23,000
* tkomplija ta' l-East Block Lm38,400
* tlestija ta' Functional Diagnostic Lab
* tlestija ta' intermediate floor fil-
West Block* Lm70,000
* porġetti oħra bħal tlestija ta' fitness
gym, uffiċini tal-KOM, uffiċini tal-ASA
Il-finanzjament ta' dawn il-proġetti jiġu minn fondi allokati għal Vot Kapitali fil-budget għas-sena 2000 riservati għal programmi kapitali (Lm200,000).
* Rigward l-intermediate floor fil-West Block inkiseb il-kontribut tal-Ministeru ta' l-Ambjent permezz tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Il-Bord tal-Pixxina sejjer jiffinanzja parti mill-ispejjeż ta' ċaqlieq ta' uffiċini.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-attivitajiet li organizza l-kumitat Sport for All matul l-1999? F'liema attivita' falla dan il-kumitat, u dan dejjem skond il-kritika li saret mis-segretarju parlamentari? Min huma l-membri ta' dan il-kumitat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena 1999 il-Kumitat Sport for All organizza Beach Volley Open Tournament flimkien mal-Malta Volleyball Association u weekend ta' attivitajiet (Beach games) f'Awissu. F'Diċembru ġiet organizzata Sports Extravaganza flimkien mal-Kumitat SkolaSport li fiha ħadu sehem diversi għaqdiet, fosthom għaqdiet ta' arti marzjali, ġinnastika u żfin.
Ta' min jinnota li fid-diskors tiegħu, s-Segretarju Parlamenetari b'ebda mod ma qal li l-Kumitat Sport for All kien falla. Huwa ikkummenta biss li kien stenna ħafna aktar minn dan il-Kumitat in vista ta' l-appoġġ li kien qiegħed jingħata mis-Segretarjat.
Il-membri tal-Kumitat huma:
Chairman - Dr Herbert Messina Ferrante
Viċi Chairman - Is-Sur Tony Debono
Segretarju - Is-Sur John Farrugia
Membri - Is-Sur Tony Ghio
Is-Sur Daniel Buhagiar
Is-Sur Joseph Urpani
Ms Tanya Zahra
Ms Mariella Piscopo
Ms Envic Galea
Is-Sur Joseph Cardona
Is-Sur Mark Farrugia
Ms Marina Bonello
Ms G. van Vuuren Cassar
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ilmenti li ressqu l-istudenti ta' l-iSkola Nawtika fl-ittra li kitbulu bid-data ta' l-14 ta' Jannar, 2000 minħabba nuqqasijiet serji li qed iħallulhom effetti ħżiena ħafna fuq il-kwalita' ta' l-edukazzjoni li jingħataw?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti, wara li rċieva l-ittra ta' l-14 ta' Jannar 2000 dwar l-Iskola Nawtika, informani li mhix l-ewwel darba li l-iskola ressqet studenti għaċ-Ċertifikat tal-Kompetenza Class 3 u dejjem kellha suċċess. L-għalliem tan-Navigazzjoni hu Master Mariner b'ħafna esperjenza. L-istudenti privati li jissemmew fl-ittra huma Fizzjali tas-Sea Malta, Gozo Channel u Sea Service u Port Pilots. Dawn l-uffiċjali kellhom jattendu l-kors biex ikunu konformi mar-regolamenti. Il-lezzjonijiet tal-Communication li tilfu l-istudenti ta' l-Iskola Nawtika kienu diġa' ngħataw żejda fl-ewwel ħmistax ta' Ottubru. Il-lezzjonijiet tas-Signals kienu ngħataw lil għalliem ieħor, iżda l-istudenti ma' attendewx. Normalment iċ-Charts għar-reviżjoni jinxtraw mill-istudenti. Billi l-għalliem ta' dan is-suġġett jippreparahom ukoll għall-oral, hu beda s-suġġett sakemm waslu ċ-Charts. Il-lezzjonijiet ta' Stability u Operational Safety saru matul Otubru kollu u komplew fis-7 ta' Diċembru 1999. F'Novembru l-għalliem kien imsiefer minħabba raġunijiet personali. Żdiedu l-lezzjonijiet fil-ġimgħa biex l-istudenti jġibu l-lezzjonijiet li tilfu. Il-librerija se tinfetaħ f'ħinijiet regolari.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-manuntezjoni tal-pjanċi li jgħattu l-passaġġi li jinsabu fuq barra fl-iskola tal-Ħandaq, f'Ħal Qormi, minn fejn jgħaddu t-tfal għal klassijiet, minħabba li dawn huma imtaqqbin, bil-konsegwenza li meta tkun ix-xita, it-tfal jixxarrbu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu ntrodotti l-lockers għat-tfal li jattendu fl-iskola tal-Ħandaq, Qormi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jirriżultax li xi studenti jew ġenituri qatt talbu li jkun hemm lockers. L-iskola hija lesta li tistudja l-possibilta` li jkun hemm lockers għall-istudenti.
Informat ukoll li peress li f'din l-iskola tintuża s-sistema fejn l-istudenti jmorru fil-klassi tas-suġġett u mhux l-għalliem tas-suġġett imur fil-klassi, anke jekk ikun hemm lockers, ma jkunx possibli li jkunu viċin l-istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni jikkonsidrax li jerġgħu jiddaħħlu s-suġġetti klassiċi fil-livell sekondarju, bħalma huma l-latin u l-grieg?
Jista'l-Ministru jgħid kemm irriżultaw problemi tal-Y2K fil-computers u apparat ieħor elettroniku tal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għal dak li jirrigwarda l-problema tal-Y2K, fil-Ministeru u fid-Dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu kien hemm dawn il-ħsarat:
1. Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji:
Tnax-il kompjuter ma qalbux id-data awtomatikament mal-
qlib tas-sena. Madanakollu dawn id-dati ġew irranġati
manwalment.
2. Universita` ta' Malta:
Ġew irrappurtati żewġ każi, wieħed fuq kompjuter ta'
lecturer fid-Dipartiment ta' l-Anatomija, u l-ieħor fuq
'scanning software' fl-Accademic Audit Unit. Dawn iż-żewġ
każi ma kienux ta' natura kritika u s-sistemi setgħu
jibqgħu joperaw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus biex jittieħdu l-miżuri mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex tiġi evitata l-problema tal-Y2K (Millenium Bug)? Jista' jgħid min kien inkarigat li jagħmel dan ix-xogħol u fuq liema kriterji ntgħażel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u d-Dipartimenti u Entitajiet oħra li jaqgħu taħtu ittieħdu dawn il-miżuri sabiex tiġi evitata l-problema tal-Y2K:
1. Fejn għandu x'jaqsam il-Minsteru u d-Dipartimenti l-oħra li jaqgħu taħtu, din il-ħidma saret mill-M.I.T.T.S. taħt il-kuntratt li kien iffirmat għas-snin 1998 u 1999 mid-Direttur tas-Servizzi Korporattivi u li jaħseb sabiex ikun eżaminat l-istat tas-Software u l-Hardware kollu. Dawn kienu tħallsu Lm15,000 fl-1998 u Lm67,000 fl-1999.
2. Id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ħa wkoll passi preventivi sabiex il- programm Youth Exchanges installat fl-istess Dipartiment ikun jista' jilqa' kontra kull eventwalita`. L-ispiża tiegħu kienet ta' Lm34.50.
3. Il-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali ħadet il-prekawzjonijiet neċessarji permezz ta' l-istaff stess u għaldaqstant ma ntefqux flus biex tiġi evitata l-problema tal-Y2K.
4. Il-PBS nefaq total ta' Lm12,135 u l-kirterji ta' l-għażla ta' min għamel dan ix-xogħol kien dak ta' x'kien l-aktar vantaġġjuż għall-kumpannija. Il-flus intefqu kif ġej:
Min għamel ix-xogħol Kemm sewa
Lm
Computer Engineering Associates 2,403
Gloria Cassar 1,600
MCS 638
Data General SRL 2,802
ICL (M) Ltd 4,692
Total mingħajr VAT 12,135
5. L-Universita` ħatret Bord magħmul minn Dr J. Micallef, Dr Victor Buttiġieġ u Mr Robert Sultana biex jinvestigaw u jirrapportaw dwar kif il-Y2K Bug setgħet tolqot l-Universita` u x'miżuri kellhom jittieħdu. Dawn intagħżlu għax huma esperti fil-materja.
In-nefqa totali ta' l-Universita` speċifikament fuq din il-problema kienet ta' Lm350.
6. Il-Mediterranean Conference Centre nefqu Lm92+VAT sabiex jinbidel is-software tal-PABX. Dan ix-xogħol sar mill-Maltacom bħala l-aġenti ta' l-apparat.
Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ — Applikazzjonijiet għal safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-kunsill nazzjonali taż-żgħażagħ mhux joħroġ applikazzjonijiet fil-pubbliku għal safar, l-aktar fejn jidħlu korsijiet tal-lingwi u studju ieħor barra minn pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jirċievi applikazzjonijiet għal seminars u korsijiet barra minn Malta, dawn jippubblikhom fuq il-gazzetti lokali.
Bejn Ottubru 1999 u Jannar 2000 il-KNZ irċieva applikazzjonijiet għal seminars u korsijiet mill-Kunsill ta' l-Ewropa, The European Association ICYE, il-European Youth Forum, u mill-Commonwealth. Barra li ġew ippubblikati avviżi fuq il-gazzetti, intbagħtu wkoll applikazzjonijiet lill-għaqdiet taż-żgħażagħ oħrajn.
Jista'l-Ministru jelenka dawk l-għaqdiet/assoċjazzjonijiet li talbu li jsir trasferiment lilhom ta' faċilitajiet sportivi? Liema huma dawn il-faċilitajiet? Kemm-il talba ġiet rifjutata u għaliex? Jista' jagħti l-figuri għall-1997, 1998 u 1999?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx identifikati dawk l-iskejjel li m'għandhomx il-faċilitajiet bażiċi sportivi biex b'hekk l-edukazzjoni fiżika tkun tista' ssir f'ambjent tajjeb? Liema huma dawn l-iskejjel u xi ħsieb hemm biex matul din is-sena finanzjarja jsir xi xogħol fihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudju li sar jirrigwarda l-iskejjel kollha biex tkun tista' tittieħed stampa sħiħa tal-kundizzjoni tal-faċilitajiet sportivi f'kull skola. Dan l-istudju sar fl-1995-96. Minn dan l-istudju kien irriżulta li hemm skejjel:
* fejn il-faċilitajiet huma addatti fid-daqs u fis-sura
u huma wkoll miżmumin tajjeb;
* oħrajn fejn hemm faċilitajiet biżżejjed iżda jirrikjedu
xogħol ta' manutenzjoni, x'uħud konsiderevoli;
* oħrajn fejn il-faċilitajiet sportivi għalkemm miżmumin
tajjeb huma żgħar għall-popolazzjoni ta' l-iskola;
* oħrajn fejn il-faċilitajiet huma nieqsa. F'xi wħud minn
dawn l-iskejjel, l-istruttura fiżika u l-ispazju ma
jippermettux il-bini ta' faċilitajiet ġodda.
Ta' min ifakkar li fil-programm ta' manutenzjoni ta' l-iskejjel li kien sar fis-sajf 1997, il-faċilitajiet sportivi ma kinux meqjusin bħala prijorita`.
Jista' l-Ministru jara li tinstab soluzzjoni għall-istudenti ta'l-iskola primarja tal-Mosta (Grognet) li qegħdin fir-raba' sena u li t-teacher tagħhom aktar ma tmurx milli tmur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawk l-għalliema tar-raba' sena fl-iskola indikata li fallew kien biss minħabba raġunijiet ta' mard. Madanakollu nitlob lill-Onor. Membru sabiex jagħti informazzjoni aktar preċiża, possibilment b'mod kunfidenzjali, għaliex mhux ċar għal min qed tirreferi l-Mistoqsija. U dan sabiex ikunu jistgħu jittieħdu dawk il-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13028 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li ġiet riferuta lilek u cioe': jista' jgħid kemm tħallsu dawk il-persuni li kienu nvoluti fit-task force taċ-Challenge 2000, iżda li m'humiex impjegati tal-gvern? X'kien l-apparat li nxtara sabiex tmexxiet il-kampnaja 2000? Kien inħareġ tender għal dan l-apparat? Kemm sewa dan l-apparat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuni kollha li kienu nvoluti fit-task force taċ-Challenge 2000 tħallsu b'rati li jvarjaw bejn iż-Lm2 u l-Lm5.50 fis-siegħa (skond jekk ħadmux bil-lejl, fil-festi, eċċ.) kif ġej:
ISEM SIEGĦAT
1. R. Xuereb Archer 150.00
2. M. Schembri 150.00
3. M. Ciantar 65.50
4. K. Azzopardi 45.75
5. J. Lia 65.00
6. A. Degabriele 8.50
7. M. Cilia 10.00
8. E. Cilia 54.00
9. J. Micallef 21.75
10. M. Farrugia 44.75
11. R. Attard 8.00
12. C. Abela Monaco 8.00
13. P. Axiaq 62.70
14. R. Hollis 50.00
Informat ukoll li ma nxtara ebda apparat miċ-Challenge 2000 sabiex isir xogħol ta' sorveljar konness maċ-Ċentru tal-Kontroll f'Ħal-Luqa.
Fl-aħħarnett infurmat li l-apparat kollu li ntuża kien misluf mid-dipartimenti u entitajiet li iffurmaw parti mill-pjan ta' sorveljanza, u fil-fatt dan l-istess apparat diġa' ntbagħat lura fid-Dipartimenti konċernati.
Jista' l-Ministru jilqa' t-talba li għamillu l-Maltese Community Council of NSW Inc. permezz ta' ittra bid-data tat-22 ta' Settembru, 1999 biex jingħataw għajnuna ta' kotba, dizzjunarji u materjal edukattiv ieħor li huma indispensabbli għalihom għal programmi edukattivi li għandhom biex ixerrdu t-tagħlim u l-kultura Maltija?
Meta se jilqa' din it-talba? X'għajnuna se tintbagħat?