Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega kif wara li ġie allokat Lm700,000 għal sussidji fuq l-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar, skond ir-rapport finanzjarju ta' l-istess awtorita' paġna 33, intnefaq biss inqas minn nofs dan is-sussidju Lm303,719?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif jirriżulta minn rapport ta' l-Awtorita' tad-Djar, l-Awtorita' approvat sussidju li jlaħħaq is-somma ta' Lm400,651, li minnhom Lm303,719 tħallsu wara li l-applikanti ssottomettew il-kontijiet għall-ħlas. Barra minn hekk, baqa diversi applikazzjonijiet li qegħdin jiġu proċessati u jekk jikkwalifikaw taħt l-iskema relattiva isir il-ħlas fis-sena finanzjarja 1999/2000.
Jista' l-Ministru jelenka taħt liema kategorija jaqgħu l-iskemi I,J, K, L, M, N, P, Q, R, S, T, W, X, Y, Z, u skemi 1, 3, 5, 6 u 7? Qiegħed nirriferi għal paġna 32 u 33 tar-rapport finanzjarju ta' l-Awtorita' tad-Djar fejn taħt nefqa kapitali għandek 4 kategoriji u taħt nefqa soċjali hemm ħames kategoriji.
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. Skemi X, Y, Z, 5, 6, u 7 tnehdew fit-8 ta' Ottubru 1999 u allura m'humiex inklużi fl-aħħar rapport finanzjarju li jkopri mill-1 ta' Ottubru 1998 sat-30 ta' Settembru 1999.
2. Skemi I - Xiri mill-Inkwilini ta' postijiet tal-Gvern taqa' taħt kategorija D paragrafu 2 - (Dħul minn bejgħ ta' proprejta')
3. Skemi K, P, Q huma fidi ta' ċnus li jaqgħu taħt kategorija D paragrafu 3 (Dħul minn fidi ta' ċnus).
4. Skema J, L, M, N, R, S, T, W huma sussidji mħallsa mill-Awtorita' tad-Djar u jaqgħu taħt kategorija B paragrafu 4 (Vot li jipprovdi fondi għal sussidju fuq ħlas ta' kera, tiswijiet u/jew akkwist ta' residenzi fis-settur privat u għajnuna lill-persuni b'diżabilita' taħt Skemi varji).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna kemm hemm arretrati tal-bolol dovuti minn individwi, kumpanniji privati, kumpanniji parastatali, kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li qegħdin fuq il-lista li tipprovdi l-housing għal min qed jibbenefika minn xi skema biex jirranġa daru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk xi ħadd li jkun xtara flat tal-gvern iridx joħroġ is-sehem tiegħu tal-flus bilfors f'każ li kumplament tar-residenti ta' dan il-flat tal-gvern ikunu jridu jinstallaw lift? Jekk issir ħsara huwa obbligat li jħallas il-ħsarat? Jekk din il-persuna ma tiffirmax biex isir il-lift, x'jiġri? Il-lift isir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar tikkonsidra kull applikazzjoni għall-lift, anke jekk l-applikazzjoni taħt l-Iskema ma tiġix mimlija mir-residenti kollha fil-blokk/entratura.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kundizzjonijiet ta' l-Iskema V.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni u t-talba li persuna li d-dettalji tagħha qiegħed nibgħat separatament, għamlet għand il-Joint Office biex tifdi ċ-ċens li qabel kien tal-Knisja? Jista' l-Ministru jintervjeni biex din l-applikazzjoni tiġi pproċessata mill-iktar fiss possibbli u f'qasir żmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħlas b'lura ta' sentejn bolol tal-persuna li d-dettalji tagħha qed nibgħathom separatament ma ġewx u mhux qed jiġu aċċettati mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata mid-dipartiment dwar il-qagħda tagħha. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant jista' jikkuntattja lill-persuna direttament u jottjeni l-informazzjoni kollha mixtieqa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm applikazzjonijiet ġew preżentati minn residenti tar-raħal tal-Kalkara ma' l-Awtorita' tad-Djar fis-snin 1997 u 1998 u dan billi jiġi ndikati ta' liema tip dawn l-applikazzjonijiet kienu, kemm minnhom ġew effettivament milqugħa u possibbilment kemm flus intnefqu fuq dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Peress li f'ħarġa riċenti ta' l-OECD nikkwota l-kliem eżatt li "the annual monetary value of gross transfers from consumers and taxpayers to agriculture produce arising from policy measures creating a gap between domestic market prices and border price of a specific agriculture commodity, measured at the farm gate level", huwa kkalkolat li jiswa lill-familji membri ta' l-UE ta' erba' persuni madwar Lm600 fis-sena, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi studju sar mill-ministeru tiegħu sabiex jiġi analizzat kif din iż-żieda li ġġib fuq il-familji ta' pajjiżna sħubija sħiħa fl-UE se tolqot il-familji ta' dħul żgħir bħal pensjonanat u persuni li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan ir-rapport?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma naqbilx mal-premessi li qiegħed jagħmel l-Onor. Membru fil-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Viċi Prim Mnistru jagħti n-numru ta' persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol illum, skond is-sess, l-etajiet maqsumin f'perijodu ta' ħames snin, iż-żmien ta' kemm ilhom jirreġistraw, x'tip ta'xogħol qed jirreġistraw għalih u xi kwalifiki edukattivi għandhom, f'kull lokal f'Malta u f'Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni kollha li ġiet mitluba, minħabba l-volum tax-xogħol li jrid isir. Madanakollu, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba għax-xahar ta' Ottubru 1999.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru ta' persuni li qed jaħdmu llum, skond is-sess, l-etajiet maqsumin f'perijodu ta' ħames snin, il-grad u t-tip ta' xogħol li qed jagħmlu u l-kwalifiki edukattivi, f'kull lokal f'Malta u f'Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni kollha li ġiet mitluba minħabba l-volum ta' xogħol li jrid isir. Madanakollu, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif inhi illum.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11113?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sa l-aħħar t'Ottubru 1999, in-numru ta' persuni b'diżabilita' rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' kien ta' 6340 persuna waqt li n-numru ta' persuni b'diżabilita' li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'Malta u Għawdex kien ta' 314.
Il-permessi għar-"Reserved Parking" quddiem djar ta' persuni b'diżabilita' joħorġu mit-"Traffic Control Board" u għalhekk din l-informazzjoni għandha tintalab lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tiġi fis-seħħ li romol u ġenituri waħedhom ma jħallsux taxxa bħallikieku kienu xebbiet u ġuvintur, skond il-wegħda tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħlas tat-Taxxa tad-Dħul, li donnu qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru, m'hijiex waħda mir-responsabbiltajiet tal-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-flats tal-gvern li se jiġu mbajda u rranġati fil-futur qarib ġewwa Paola, Tarxien, Marsa, Gudja u Santa Luċija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma jkunx prudenti li wieħed jippubblika l-lista mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-post li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament huwiex vojt jew għand min qiegħed peress li dejjem magħluq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dan il-fond inħareġ għall-allokazzjoni taħt Avviż Numru 63. L-allokazzjonijiet taħt din l-Iskema għadhom qegħdin sejrin peress li l-lista tar-Reserve listed applicants tiskadi s-7 ta' Lulju 2000.
Jista l-Viċi Prim Ministru jara li fil-każ ta' persuna li isimha qed jintbagħat separatament u li huwa handicapped, u li biex jinħasel bl-għajnuna tal-membri tal-familja tiegħu kellu jagħmel shower u nefaq is-somma ta' Lm261 bil-VAT b'kollox, għandux jiġi mogħti l-għajnuna meħtieġa f'sussidju bħalma jiġri f'każijiet oħra u dan peress li sal-lum għalkemm l-awtoritajiet ġew informati b'dan kollu, għadhom qed jirrifjutaw li jgħinuh u peress li dan huwa każ ta' persuna li jgħix ma martu u tlett itfal li ma jaħdmux u għandu biss pensjoni bħala dħul?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li dan huwa każ li għandu jiġi indirizzat minnufih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn "records ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li l-persuna imsemmija għamlet xi applikazzjoni taħt xi skema minn tagħha. Lanqas jirriżulta li għamlet xi talba f'dan is-sens.
Sa dan it-tant il-"Customer Care Unit" ta' l-Awtorita' tad-Djar ser tikkomunika mal-persuna konċernata biex tinvestiga il-każ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Labour Office mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Mnistru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul il-perjodu 27 ta' April 1999 sal-15 ta' Settembru 1999, l-ebda ħaddiem ġdid ma ġie impjegat mal-Labour Office li issa jissejjaħ Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-impieg.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda bħala CSAs mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mis-27 t'April sal-15 ta' Settembru, 1999 ġew impjegati 39 CSAs ġodda. F'dan il-perjodu, l-applikazzjonijiet dejjem kienu miftuħin. Fil-każ tas-CSAs, wieħed irid jirrimarka li biex xi ħadd jiġi mpjegat irid ikun hemm applikazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lil CSAs? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferiemnti każ b'każ? Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mis-27 t'April sal-15 ta' Settembru, 1999 ġew trasferiti ħdax-il CSA. Seba' iċċaqalqu fuq talba tagħhom stess u erba' ġew trasferiti skond l-esiġenzi tas-servizz.