Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #12868 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

AFM — Reklutaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li applikaw għall-eżami għar-reklutaġġ fl-AFM? Kemm weħħlu mill-physical u kemm mill-eżami bil-miktub?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li applikaw 942 persuna għall-eżami għar-reklutaġġ ta' suldati fil-Forzi Armati ta' Malta. L-eżami kien jikkonsisti fi tlett partijiet: (1) Physical Fitness Test; (2) Eżami bil-miktub fl-Ingliż, fil-Malti u Matematika; u (3) Intervista Mill-ewwel parti (Physical Fitness) għaddew 387, weħlu 419 u 136 kienu asssenti. Mit-tieni parti (Eżami bil-miktub) għaddew 101, weħlu 253 u 33 kienu assenti. Mit-tielet parti (Intervista) għaddew 93, weħlu 4 u 4 kienu assenti.
Leg 9 PQ #13258 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal ta' persuni mhux Maltin jaħdmu f'Malta li bħalissa qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fl-iskejjel Statali? F'liema skejjel qegħdin dawn it-tfal? Mil-liema pajjiżi ġejjin?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #13259 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti hemm biex professjonisti, bħal infermiera, tobba, persuni tal-fondazzjon Eden, eċċ jidħlu fl-iskejjel u jgħinu fl-edukazzjoni tat-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li professjonisti, li ma jkunux membri ta' l-istaff ta' l-iskola, jidħlu fl-iskola jgħinu fl-edukazzjoni tat-tfal jeħtieġu biss il-permess tal-Kap ta' l-iskola, li minn naħa tiegħu/tagħha jista'/tista' jfittex/tfittex il-parir ta' l-uffiċċjali kollettivi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Id-deċiżjoni finali hi dejjem tal-Kap ta' l-iskola.
Leg 9 PQ #13260 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-kodiċi għall-ilbies li għandhom jilbsu l-għalliema fl-iskejjel? Tista' tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Il-kodiċi qed jiġi pprattikat mill-għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Leg 9 PQ #13261 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kunsilli ta'l-istudenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'kemm u f'liema skejjel Statali hemm il-ħsieb li jitwaqqfu kunsilli ta'l-istudenti? Kif se jinħatru? F'liema parametri se jaħdmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel kollha (Primarji - Years 4,5,6 u Sekondarji kollha) ġew imħeġġa jwaqqfu kinsill ta' l-istudenti u kumitati tal-klassi. L-iskejjel ġew mogħtija ktejjeb dwar: * metodi għall-ħatra ta' dawn il-kunsilli u kumitati, u * dwar kif l-istudenti jistgħu jiġu ippreparati għal dan il-għan. Il-parametri li sejrin jaħdmu fihom, iridu jiġu identifikati mill-amministrazzjoni ta' l-iskola.
Leg 9 PQ #13262 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Ambjent

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel meta d-dipartiment ta' l-ambjent se jitlaq mill-uffiċini li għandu fil-bini tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex din tkun tista' tuża l-ispazju ġdid tant meħtieġ minnha?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed isiru diskussjonijiet dwar dan mal-Ministeru ta' l-Ambjent u meta jkolli tagħrif aktar preċiż inkun nista' ngħaddih lill-Onor. Kollega.
Leg 9 PQ #13263 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Waste separation

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-proposta li minn Jannar kellu jiġi ntrodott il-waste separation fil-head office tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Kif qed taħdem is-sistema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din il-ħidma qegħda tkompli tiġi konsidrata biex titwettaq b'mod effettiv. Peress li dan jimplika l-kooperazzjoni ta' kull ħaddiem li jaħdem fl-Uffiċċji Ewliena tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, qed issir il-konsultazzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #13291 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet Kulturali — Għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-għaqdiet kulturali li bbenefikaw minn għajnuniet finanzjarji mid-Dipartiment tal-Kultura? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb tal-ministeru li jżid l-għajnuna finanzjarja din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għar-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 11934. Filwaqt li s'issa l-ammont ta' għajnuna jiġi deċiż a bażi tat-talbiet li jkunu saru, inħoss li ninħtieġu evalwazzjoni tal-kriterji u s-sistema użati s'issa f'għajnunijiet finanzjarji bħal dawk imsemmija mill-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #13292 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Dħul minn miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal flus f'miżati mill-entraturi tal-mużewijiet f'Malta u f'Għawdex? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' ċifri separati mużew mużew? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu mużew, mużew mill-mużewijiet f'Malta u f'Għawdex? X'xogħol qed jagħmlu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #13499 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Club Class Residential Language School

Question

Jista' l-Ministru jara li l-iskola li tgħallem l-Ingliż lill-barranin u li qiegħda tirreklama f'rivisti barranin u ġġib l-isem ta' Club Class Residential Language School għandha l-permessi kollha meħtieġa biex topera? Min hu d-direttur ta' l-istudji tagħha? Meta nħarġulha l-permessi kollha meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Club Class Residential Languae School ilha li applikat għal-Liċenzja ta' Skola li tgħallem l-Ingliż lill-barranin mill-10 ta' Marzu 1999 u l-proċeduri waslu fl-aħħar stadju tagħhom. Informat ukoll li d-Direttur ta' l-Istudji hija Ms Marisa Galea Cavallazzi u li għandha l-kwalifiki kollha meħtieġa għal din il-kariga.
Leg 9 PQ #13530 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jaċċerta li l-pixxina nazzjonali tkun imsaħħna kif suppost għax wasluli lmenti li ġieli tfal imorru kmieni biex jagħmlu sessjoni ta' taħriġ u jsibuha kiesħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Pixxina Nazzjonali qed tiġi msaħħna kif meħtieġ, jiġifieri bejn 26.5 u 27 grad celcius. Minn mindu reġgħet fetħet għall-pubbliku, wara xogħol ta' manutenzjoni, din it-temperatura nżammet b'mod konsistenti.
Leg 9 PQ #13584 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħamrun

Question

Jista' tifel bil-kondizzjoni ADHD (Hyperactivity) fil-Kindergarten fl-iskola primarja f'School Street, Ħamrun li l-file no.tiegħu qed ngħaddih b'mod kunfidenzjali u separatament, jingħata l-opportunita' ta' facilitator kif ġie rakkmandat diġa'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tifel imsemmi ġie referut fis-26 ta' Novembru (STM 257/99) u l-każ tiegħu għadu pendenti.
Leg 9 PQ #13649 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Festi tal-Millenju — Furjana - Ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta r-rapport dwar l-istima ta' ħsarat li saru fl-arena ta' l-Indipendenza fil-Furjana fil-festi tal-millenju? Meta hu maħsub li jinbdew ix-xogħlijiet meħtieġa? Jistgħu jsiru konsultazzjonijiet ma' l-għaqdiet sportivi konċernati li jużaw il-faċilitajiet fl-arena, bl-iskop li jsir l-upgrading meħtieġ ta' l-istess faċilitajiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-rapport preliminari dwar l-istima ta' ħsarat li saru fl-Arena ta' l-Indipendenza fil-Furjana fil-Festi tal-Millennju tlesta u qed jiġi analizzat. Ix-xogħlijiet meħtieġa mistennija jibdew hekk kif jitlestew il-formalitajiet amministrattivi meħtieġa. Informat ukoll li f'dan l-istadju mhux posibbli li ssir stima tax-xogħol li jrid isir fuq il-ħaxix tal-pitch, billi l-Kumitat tal-Floriana Football Club irrakkomanda li dan l-eżerċizzju għandu jitħalla għal wara Marzu, meta t-temp ikun aktar jippermetti li ssir evalwazzjoni xierqa tax-xogħlijiet u ta' l-ispejjeż involuti. Madanakollu għaddejja konsultazzjoni regolari mal-Kumitat tal-Floriana F.C. dwar l-'upgrading' tal-faċilitajiet fl-Arena.
Leg 9 PQ #13253 Sitting 234 2000-02-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Systems of Knowledge

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess deċiżjonali dwar jekk is-systems of knowledge hux se jibqa' suġġett obbligatorju għad-dħul fl-Universita' jew isirx optional?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li s-Senat qed jikkunsidra l-materja u l-Universita` għandha tgħarraf lill-Awtoritajiet ta' l-Edukazzjoni bil-konklużjonijiet. Beħsiebni nsegwi sew id-diskussjonijiet bejn l-Universita`, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Bord tal-MATSEC.
Leg 9 PQ #13254 Sitting 234 2000-02-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni Sportiva — Eżami SEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom ittieħdet id-deċiżjoni li mhux se jkun hemm eżami SEC fl-edukazzjoni sportiva?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proposta li jkun hemm eżami fil-livell SEC fl-edukazzjoni fiżika kienet diskussa fit-tul fl-aħħar laqgħa tas-Senat. Kien hemm argumenti kemm favur u kemm kontra, tant li kellu jittieħed vot li rriżulta kuntrarju li jkun offrut kif kien qed jiġi propost.
Leg 9 PQ #13255 Sitting 234 2000-02-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Birżebbuga

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk ġiex deċiż x'isem se jingħata lill-iskola primarja ta' Birżebbuga? Se tiġi rispettata l-għażla ta' ħafna li tissemma għal Suor Maria Theuma?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt li jressqu għall-konsiderzzjoni tiegħi l-proposti li qed isiru.
Leg 9 PQ #13257 Sitting 234 2000-02-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Subject co-ordinators

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm subject co-ordinators fl-iskejjel Statali? X'inhu l-complement mitlub mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Meta se jintgħażlu? Fejn se jkunu bbażati u liema skejjel se jservu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa hemm 96 post ta' Subject Fo-ordinator fis-settur sekondarju, u se toħroġ dalwaqt sejħa għall-applikazzjonijiet biex jinħatru 24 Subject Co-ordinator fis-Settur Primarju. Mhux possibli għal issa ngħid fejn se jkunu bbażati, iżda se jservu l-iskejjel kollha.
Leg 9 PQ #13217 Sitting 232 2000-02-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Guardian Angel

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux qed jiġi ppjanat xi tibdil fir-rigward ta' Guardian Angel School?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li huwa ppjanat li dawk l-iskejjel hekk imsejħa speċjali li matul is-snin taw il-kontribut xieraq tagħhom, sabiex studenti b'diżabilita`, jiġu edukati, issa jibdew jagħtu kontribut iktar wiesgħa fl-isfond tal-policy preżenti ta' edukazzjoni inklussiva. Qed jibdew għalhekk diskussjonijiet ma' dawk kollha kkonċernati, sew staff kif ukoll ġenituri u għaqdiet volontarji fil-qasam tad-diżabilita`, sabiex jiġi spjegat lilhom x'tibdil, mifrux f'medda ta' snin ser ikun meħtieġ.
Leg 9 PQ #13242 Sitting 232 2000-02-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior College

Question

Jista'l-Ministru jgħid għaliex xi studenti fl-ewwel sena tal-Junior College (Sixth Form) ingħataw il-marka zero fl-aħħar assessment fil-lingwa Ingliża meta dawn lanqas biss kellhom għalliem regolari fit-term li għadda u saru biss bejn tnejn u tlett lezzjonijiet? X'inhi s-sitwazzjoni bħalissa f'dan is-suġġett fil-Junior College f'dak li hu nuqqas ta' għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minħabba ċ-ċirkostanzi spjegati fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlametnari Numru 12400, kien hemm numru ta' studenti li ma ħadux il-lezzjonijiet kollha fl-Ingliż Intermediate bejn Ottubru u Diċembru. Hija prassi normali illi l-assessment jiġi bbażat fuq l-attendenza, tests u progress matul il-kors. Bħala miżura ta' urġenza biex dawn l-istudenti jiġu assessjati, ġie deċiż li jingħata kompitu li l-korrezzjoni tiegħu saret volontarjament minn membri kollha tad-dipartiment ta' l-Ingliż. Jidher li bi svista ma kienetx irreġistrata l-marka ta' madwar għoxrin student. Appena l-awtoritajiet tal-Kulleġġ indunaw b'din is-sitwazzjoni ittieħdu passi sabiex dan l-iżball ikun rimedjat. L-istudenti li għamlu dan il-kompitu regolarment jistgħu jserrħu moħħhom li l-marka li suppost ħadu fl-ewwel assessment sejra tidher flimkien mal-marka tat-tieni assessment li toħroġ f'April li ġej. Informat ukoll li dawn l-istudenti jistgħu jaraw il-marka tagħhom fuq in-Notice Board tad-Dipartiment ta' l-Ingliż. Fl-aħħarnett informat li issa li l-lecturers kollha rritornaw għax-xogħol, l-istudenti qegħdin jirċievu s-siegħat kollha kif stipulat.
Leg 9 PQ #13243 Sitting 232 2000-02-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Ġużeppi Despott

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx xi deċiżjoni dwar il-bini mill-ġdid ta' l-iskola Ġużeppi Despott (Verdala)? Jista' jindika f'liema stadju waslu l-preparamenti biex ix-xogħol jibda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni sejra timxi mad-Development Brief li sar mill-Periti Joseph Falzon u Joseph Spiteri. Għal dan il-għan fis-sottomissjonijiet li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għamlet għal infieq kapitali fl-iskejjel lill-Ministeru tal-Finanzi, l-iżvilupp tal-Liċeo Ġużeppi Despott ġie inkluż u skond l-allokazzjoni finanzjarja li d-Diviżjoni sejjer ikollha, ikun jista' jinbeda x-xogħol.