Hemm xi skema biex anzjani li jkunu qed jgħixu fil-komunita` fi djar substandard u li ma jkunux iridu joħorgu mid-dar tagħhom, jigu megħjuna biex itejbulhom fejn ikunu qed jgħixu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita’ tad-Djar tamministra tlett Skemi li permezz tagħhom kemm sidien kif ukoll inkwilini jistgħu jingħataw somma sa massimu ta’ Lm3,500 fil-każ ta’ postijiet perikolużi u sa massimu ta’ Lm2,500 fil-każ ta’ postijiet sub-standard biex isiru xogħolijiet ta’ rranġar u titjib f’dawn il-postijiet.
Dawn l-iskemi huma:
Skema Z, dwar sussidju fuq xogħolijiet ta’ rranġar u titjib f’residenzi privati okkupati mis-sidien;
Skema 5, dwar sussidju fuq xogħolijiet ta’ rranġar u titjib f’residenzi privati okkupati mill-inkwilini jew ċenswalisti; u
Skema W, dwar sussidju fuq xogħolijiet ta’ rranġar fi djar proprjeta’ tal-Gvern. Taħt din l-iskema l-massimu ta’ l-għotja ma jeċċedix l-Lm1,000.
Jista' il-Ministru jara li l-każ ta' l-anzjana biex tidħol SVPR li l-partikularijiet tagħha qed jintbagħatu separatament jitmexxa peress li din il-persuna tgħix waħedha? Tista' tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet eżaminata mill-Admission Board u ser tingħata priorita’ meta jkun hemm post battal fir-Residenza San Vinċenz de Paule.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed iżomm lid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali milli joħroġ id-derekwiżizzjoni fuq il-fondi: 118, Flat 1 (RO27008); Old Governor; 118, Flat 2 (RO49184); Palace Street; u 118, Flat 5 (RO33407); Birgu li huma substandard, mhux adegwati għal dawn iż-żmenijiet u anke kkundannati?
X'passi se jieħu biex titwaqqaf din id-diskriminazzjoni kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali mhux bi ħsiebu ineħħi r-rekwiżizzjoni minn fuq il-postijiet imsemmija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex id-dħul mis-servizzi soċjali tnaqqsu lil persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
X'passi se jieħu d-dipartiment biex tiġi rimedjata din il-problema mill-aktar fis possibbli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.
Akkomodazzjoni soċjali — Tqassim ta' postijiet tal-gvern
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'sistema juża d-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali biex iqassam postijiet tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali juża sistema ta’ punti u rapporti minn nies professjonali biex jgħinuh jiddeċiedi fl-allokazzjoni ta’ postijiet vojta li jkollu f’idejħ fil-mument.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid minn liema kategorija tas-soċjeta' Maltija tista' tapplika biex tieħu post tal-gvern mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li f’każijiet ordinarji Persuni li għandhom problemi dwar akkomodazzjoni u li d-dħul tagħhom fis-sena ma jaqbiżx Lm3,000 jekk persuni weħedhom jew bejn Lm4,000 u Lm5,000 jekk koppji bit-tfal u l-assi kapitali ma jaqbżux Lm12,000, jistgħu japplikaw mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inċident seħħ fit-30 ta' Ġunju, 2003 fuq proġett tal-housing f'nru. 41, Triq l-Iljun, Floriana? Jekk weġġa' xi ħadd, xi ħsarat saru anke vis-a-vis terzi?
X'passi ttieħdu biex jirranġaw dawn il-ħsarat?
Kemm hi s-somma tal-ħsarat?
Min kien il-kuntrattur involut?
Huwa minnu li wara dan l-inċident ix-xogħol twaqqaf fuq dan il-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-inċident li fl-inċident li rrefera għalih l-Onor. Interpellant waqgħu xi knaten fuq saqaf ta’ post biswit fejn kien qed isir xogħol ta’ twaqqiegħ tal-bini mill-kuntrattur, Asset Investments Ltd, fuq il-proġett ta’ Urban Renewal fi Triq l-Argotti, l-Floriana.
Jien infurmat ukoll li ma weġġa’ ħadd f’dan l-inċident u li l-ħsara ġiet irranġata għas-spejjeż tal-kuntrattur stess.
Il-proġett ma waqafx minħabba l-inċident iżda biex jiġu kkunsidrati problemi tekniċi li nqagħlu waqt ix-xogħolijiet.
Bormla — Care & repair unit - spezzjoni f'dar ta' anzjana
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-unit tal-care & repair fi ħdan l-awtorita' tad-djar qed jieħu żmien twil biex jagħmel spezzjoni lil persuna anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant fil-fatt saret f’Awissu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex qed issir diskriminazzjoni mal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fl-għoti ta' akkomodazzjoni alternattiva? X'passi qed jittieħdu biex din id-diskriminazzjoni tieqaf?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni hi waħda serja u l-Onor. Membru jrid jerfa r-responsabbilita’ ta’ dak li qiegħed jgħid billi jissostanzjha jew jirtirha mmedjatament.
Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Każ bil-file no. H14668
Question
Jista' il-Ministru jgħid fejn wasal il-każ bin-nru. H14668 fi ħdan id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? X'rimedji qed joffri d-dipartiment lil dawn l-applikanti li għandhom problema kbira familjari, iżjed u iżjed meta l-applikant joħroġ mill-faċilita' korrettiva ta' Kordin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat illi l-każ qed jiġi kkunsidrat flimkien ma’ oħrajn simili li għandu quddiemu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħarġu l-applikazzjonijiet għal staff nurse fl-SVPR rispettivament? Jaf li sabiex nurses jieħdu leave anke ta' nautra importanti bħal honeymoon, mard fil-familja, safar, eċċ jridu jsibu replacement b'nurses oħra huma stess inkella l-istess leave jiġi rrifjutat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.
B’referenza għall-mistoqsija numru 827, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' nies li bħalissa huma fuq il-Methadone Maintenance Programme? Kemm qam dan il-programm fl-ewwel sitt xhur tas-sena? Kemm huwa stmat li jqum matul din is-sena finanzjarja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li huma fuq il-Methadone Maintenance Programme hu ta’ 535.
Fl-ewwel sitt xhur tas-sena dan il-Programm, inkluż is-salarji tal-professjonisti u l-istaff, qam Lm23,697. Hu stmat li matul din is-sena dan il-Programm ser iqum madwar Lm62,000.
Jista' il-Ministru jgħid min huma ż-żewġ technical officers li ġew impjegati ma l-Awtorita' tad-Djar bejn it-13 ta' April 2003 u l-15 ta' Lulju 2003 u min huma ż-żewġ impjegati oħra li tterminaw l-impjieg tagħhom ma' l-Awtorita' tad-Djar? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tal-kuntratt li l-Awtorita' tad-Djar għamlet ma dawn iż-żewġ impjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma nħossx li għandi nippubblika l-ismijiet ta’ l-impjegati konċernati.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ż-zewġ ħaddiema ġodda li għamel referenza għalihom l-Onor. Interpellant ma ġewx impjegati b’kuntratt u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma skond il-Ftehim Kollettiv eżistenti ta’ l-Awtorita’ tad-Djar.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nefqet flus l-awtorita' tad-djar f'kampanji biex tippromwovi l-awtorita' stess (bħal fuq it-televiżjoni, fuq il-gazzetti, fuq ir-radju, fuq billboards, eċċ. fis-snin 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 u din is-sena s'issa? Jista' jgħid ukoll kemm hemm ivvotati fondi għal dan l-iskop għas-sena kurrenti (2003)? Dan ix-xogħol ta' marketing qed isir mill-istess awtorita' tad-djar jew mis-settur privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija hi kif ġej:
1998 Xejn
1999 Lm36
2000 Lm236
2001 Lm1,300
2002 Lm3,444
2003 Lm13,590
Ma jiġux ivvutati fondi speċifikament għall-marketing ta’ l-Awtorita’ tad-Djar. Fondi għal dan l-iskop jagħmlu parti mill-ispejjeż amministrattivi ta’ l-Awtorita’.
Ninsab infurmat ukoll li dan ix-xogħol ta’ marketing qed isir mill-Awtorita’.
Ta’ min jgħid li din is-sena ngħatat spinta fir-rigward ta’ reklamar ta’ bejgħ ta’ appartamenti tal-Gvern li huma mikrija kif ukoll dawk li nbnew ġodda. Bis-saħħa ta’ dan il-bejgħ l-Awtorita’ tad-Djar ikollha dħul aktar biex tkun tista’ tiffinanzja l-bini ta’ appartamenti ġodda kif ukoll l-irranġar ta’ residenzi sub-standard.
Din is-sena ngħatat ukoll prominenza lill-inizjattiva tal-Care and Repair tant li l-konkorrenza għal din l-inizjattiva kibret b’mod qawwi minn 32 talba fl-2001 għal 54 talba fl-2002, u sa nofs Awissu ta’ din is-sena kien hemm diġa’ 179 talba. B’riżultat tar-reklamar, l-applikazzjonijiet għall-irranġar u titjib ta’ residenzi sub-standard żdiedu minn 323 fl-2001 għal 406 fl-2002 u sa nofs Awissu ta’ din is-sena kien hemm 401 applikazzjoni.
Malta Drydocks — Ħaddiema li qed jagħmlu xogħol fuq il-La Salle
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Health & Safety Authority sabiex ikun żgurat li l-ebda ħaddiem ma jkun espost għall-asbestos minn fuq il-vapur La Salle?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bastiment tal-gwerra li jappartjeni lil xi stat barrani ma jaqgħax taħt l-interpretazzjoni ta’ post tax-xogħol kif mogħtija f’artiklu 2 tal-Att ta’ l-2000 dwar l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol. Għal din ir-raġuni ma jistgħux isiru spezzjonijiet minn uffiċċjali tal-Awtorita’ fuq il-vapur La Salle.
L-Awtorita’ dejjem saħqet illi f’okkażjonijiet bħal dawn, il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-miżuri li għandhom jittieħdu għandhom ikunu ikkunsidrati fil-fażi ta’ tendering għall-kuntratti għal tiswijiet ta’ vapuri li jaqgħu taħt din il-kategorija, u speċifikati fl-eventwali kuntratti b’mod li jorbtu liż-żewġ partijiet involuti, jiġifieri lill-klijent u lil min ikun ser jagħmel ix-xogħol.
Nonostante, l-Awtorita’ kitbet lit-Tarzna biex tindaga dwar il-miżuri li qegħdin jittieħdu u biex tenfasiżża l-ħtieġa ta’ dawn l-istess miżuri.
Jista' il-Ministru jgħid fid-dawl tad-diskors mill-Eċċellenza tiegħu il-professur Guido De Marco fl-okkażjoni tal-ftuħ ta' l-għaxar parlament rigward reviżjoni sħiħa tal-liġijiet tal-kera, x'għandu maħsub il-Gvern fuq dan il-qasam?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern jippubblika l-pjanijiet tiegħu dwar is-suġġett kif dawn jiġu finaliżżati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet quddiem il-MEPA għall-bini tal-Gvern (Housing ġdid) mill-Awtorita' tad-Djar u mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar minn Jannar 2002 sal-15 ta' Lulju 2003? Liema huma il-lokalitajiet? Liema xahar saru l-applikazzjonijiet? Liema proġetti diġa ħareġ il-permess tagħhom u meta ħareġ il-permess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jattendu għall-kura fiċ-Ċentru tad-Detox fis-snin 1995, 1996, 1997, 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 (sal-31 ta' Awissu) sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġu rranġati l-problemi strutturali li hemm fil-fond nru. 19, San Filippu, l-Isla li ġew kaġunati bix-xogħol li qed jagħmel il-gvern fil-binja l-ġdida li qed tinbena fl-istess triq? Id-dettalji qed jintbagħtu separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li t-tiswijiet meħtieġa fl-indirizz indikat huma ta’ natura żgħira u dawn ser isiru fil-futur qrib.