Legislature:
Category:
Reset
Active:

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

San Ġiljan — Ġrieden ħdejn appartamenti tal-gvern

Question

Jistgħu jittieħdu passi minn uffiċjali tas-Sanita' biex jinqerdu l-ġrieden li hemm jiġru ħdejn blokki ta' appartamenti f'Ta' Ġiorni, San Ġiljan?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema tal-Pest Control fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għamlu trattament intensiv fl-akkwati msemmija fit-2 ta' Frar 207. Din iż-żona ser tinżamm taħt sorveljanza minn din is-sezzjoni. Ninforma wkoll illi t-Taqsima Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika rċiviet ilment wieħed biss dwar dawn l-akkwati matul ix-xahar ta' Jannar 2007.

Mtarfa — Infestazzjoni ta' ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga s-sitwazzjoni ta' infestazzjoni ta' ġrieden fi Triq Prosperina fl-Imtarfa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li waqt spezzjoni minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma rriżultax li hemm xi infestazzjoni ta' ġrieden u l-anqas akkumuli ta' żibel fi Triq Prosperina, l-Imtarfa. Nixtieq ninforma wkoll illi t-Taqsima Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma rċiviet l-ebda lment minn dawn l-akkwati matul ix-xahar ta' Jannar 2007, sal-ġurnata ta' llum. Madankollu, ħaddiema tal-Pest Control għamlu trattament intensiv fl-akkwati msemmija fid-9 ta' Frar 2007. Din iż-żona ser tinżamm taħt sorveljanza minn din is-sezzjoni.

Taxxi/Tariffi/Miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.

Posponiment ta' operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew posposti operazzjonijiet is-sena l-oħra u x'tip kienu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Skond is-Surgical Operations Register ta' l-Isptar San Luqa, kien hemm 83 intervent li ġew reġistrati bħala posposti għal raġunijiet mediċi matul 2006. It-tabella ta' hawn taħt turi n-numru totali ta' operazzjonijiet li ġew ikkanċellati. Ir-raġunijiet prinċipali kienu: - Acute medical condition - High INR - Severe Bronchitis - Sudden arrhythmia - Un-cooperative patient - Difficult Intubation Year 2006 Operating Theatre Source: Surgical Operations Register Total number Postponed / cancelled SLH - Main 15 SLH - Orthopaedic 6 SLH - Endoscopy 22 KGH - Paediatric 10 KGH - Gynae 4 KGH - Ophthalmic 13 KGH - ENT 11 KGH - Gynae Minor Ops. 2 Fis-Surgical Operations Register, ma jiġux rekordjati textual description of operation ta' l-episodji posposti jew kanċellati għaliex dan jista jiġi ndikat bi svista bħala operazzjoni li saret (eg. TURP cancelled for acute medical condition).

Sptar Zammit Clapp — Impjegati

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23095, jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsistu "l-problemi interni ta' konflitt" li hemm referenza għalihom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-problemi nterni kienu jqumu meta mpjegati li jaħdmu f'dipartimenti separati riedu jaħdmu l-istess shift.

Sptar Zammit Clapp — Ħaddiema fuq xogħol part-time

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23088, jista' l-Ministru jagħti l-istess tagħrif mitlub għas-snin 2003, 2004 u 2005?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fl-2003 kienet saret sejħa għal Part-time Nursing Aides, liema sejħa kienet miftuħa għall-ħaddiema kollha. Fl-2004 kienet saret sejħa għal Part-time Nursing Aides, liema sejħa kienet miftuħa għall-ħaddiema kollha. Fl-2005 ma saret l-ebda sejħa.

Tqassim ta' ikel lill-pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ikla jingħata kull pazjent kull jum u kemm tiswa lill-gvern għar-residenti ta':- a) SVPR, b) St. Luke's, c) Mount Carmel u d) homes oħra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Karozzi uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għal manutenzjoni/repairs tal-karozza uffiċjali tiegħu u tas-second car tiegħu matul is-sena 2006?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ispiża għall-manutenzjoni / tiswija tal-karozza uffiċjali tal-Ministru matul is-sena 2006 kienet ta' Lm2,750.92c. Ma kienx hemm infieq fuq manutenzjoni / tiswija tat-tieni karozza tiegħu matul is-sena 2006

Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn djar ta' l-anzjani privati? Liema huma u fejn qegħdin u kemm hu n-numru ta' anzjani residenti f'kull waħda? Liema huma dawk id-djar li fihom jingħata sussidju?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għad hemmx ħlasijiet pendenti għad-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm huma u lil min huma dovuti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemm l-ebda ħlasijiet pendenti għad-dar ta' l-anzjani ta' Bormla.

Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqum l-ispiża għall-gvern għal kull anzjan fl-SVPR u fid-dar ta' Bormla u ż-Żejtun?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għal din il-mistoqsija qegħda tinġabar u ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Anzjani residenti fi djar privati — Għajnuna/sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'forma ta' għajnuna u/jew sussidju qed jagħti l-gvern, f'dawk il-każi ta' nies anzjani li qegħdin fil-homes privati u kulma għandhom hija l-pensjoni u m'għandhom xejn aktar u qegħdin jintalbu jħallsu Lm18 kuljum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-unika sussidju li jagħti l-Gvern hu għal dawk l-anzjani li qegħdin taħt l-iskema tal-Private Public Partnership Scheme.

Ċimiterju Santa Maria Addolorata

Question

Jaf il-Ministru li hemm ħsara konsiderevoli fil-bieb taċ-ċimiterju ta' Santa Maria Addolorata? Jista' jinforma jekk attwalment il-gvern huwiex qed jieħu miżuri biex isiru t-tiswijiet neċessarji? Peress illi ċ-ċimiterju huwa ta' stil gotiku u l-parti l-antika hija inondata b'siġar, jidhirlu li għandu jsir l-istess fil-parti l-ġdida ta' l-istess ċimiterju?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Matul il-ġimgħa d-dieħla huwa mistenni li jitwaħħal kanċell ieħor temporanju waqt li dak preżenti li ġarrab ħsarat minn xi vandali jittieħed għat-tiswijiet neċessarji. Fil-frattemp saret applikazzjoni mal-MEPA sabiex ikunu jistgħu jsiru tiswijiet ta' natura strutturali u ta' restawrazzjoni fil-ġebel tad-daħla ta' dan iċ-ċimiterju. Fil-pjanijiet ta' l-estenzjoni taċ-ċimiterju ttieħdu nkonsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta' landscapping u tħawwil ta' siġar li jkopru wkoll il-parti ta' l-aħħar estenzjoni fin-naħa ta' lvant ta' dan iċ-ċimiterju.

Għaqda persuni neqsin mis-smiegħ — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif x'relazzjoni ġuridika teżisti bejn l-għaqda persuni neqsin mis-smiegħ u l-gvern? Jista' jagħti iżjed dettalji dwar x'tip ta' kuntratt jeżisti konċernanti l-għalliema ta' din l-għaqda li qed jagħtu servizz lill-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati s-segretarju parlamentari responsabbli mill-anzjani? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat peress li fil-Guidelines on the Employment of Staff for Ministers' Secretariatma tingħatax din ir-risposta kompluta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23012.

Sptar San Luqa — Persuni li ddaħlu b'overdose

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu persuni b'overdose bejn l-24 ta' Diċembru 2006 u t-2 ta' Jannar 2007? Jista' jaqsamhom skond il-ġurnata u l-eta' li kellhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minħabba li n-numri għal kull jum huma żgħar qed nagħti informazzjoni globali. Fil-jiem indikati kien hemm 6 każi ta' overdose fejn 3 kienu rġiel u 3 kienu nisa.