Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ittieħed overtime minn tobba, nurses u kull kategorija oħra ta' impjegati separatament matul dawn l-aħħar tmien snin, sena b'sena, ġewwa l-Isptar Monte Carmeli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ittieħed overtime minn tobba, nurses u kull kategorija oħra ta' impjegati separatament matul dawn l-aħħar tmien snin, sena b'sena, ġewwa l-Isptar Boffa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tiġi miġbura u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex jitneħħa l-inkonvenjent li hemm fi Triq San Gorg, Bormla, peress li minn sprall f'din it-Triq kantuniera ma' Triq M. Grima qed joħorġu ġrieden kbar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li trattament għal kontra l-ġrieden fl-ispralli ndikati fi Triq San Ġorġ, Bormla kantuniera ma' Triq M. Grima, sar fis-26 ta' Settembru 2002 minn uffiċċjali tar-'Rodent Control' tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika wara ilmenti li saru minn residenti ta' l-istess lokal fl-24 ta' Settembru 2002.
Ser jibqa' jiġi mqiegħed velenu fuq bażi regolari fil-lok indikat sakemm tiġi kkontrollata l-problema.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex iċ-ċimiterju ta' Santa Margherita fir-Rabat qed jinżamm magħluq (eg. l-Erbgħa 18 ta' Settembru sas-Sibt 21 ta' Settembru)? Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu kkontrollati l-ammont ta' wirdien li qed ikun hemm fil-wiċċ u li l-istess ċimiterju jinfetah kuljum u mhux biss għal ftit minuti sakemm isir dfin jew waqt it-tindif?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat illi fis-17 ta' Settembru, ħaddiema tad-Dipartiment tas-Saħħa għamlu trattament ta' disinfestazzjoni fiċ-Ċimiterju msemmi.
Fit-18 ta' Settembru, l-persuna nkarigata minn dan iċ-Ċimiterju irraporta 'sick', u għalhekk intbagħat ħaddiem ieħor sabiex indaddaf iċ-Ċimietrju minn xi wirdien li seta' kien hemm wara id-disinfestazzjoni. Dak inhar iċ-Ċimiterju infetaħ fl-10 ta' filgħodu.
Dan l-istess persuna tqabbad ukoll sabiex jiftaħ u jattendi f'dan iċ-Ċimiterju sakemm il-persuna li normalment tiftaħ iċ-Ċimiterju jirritorna għax-xogħol.
Wara t-18 ta' Settembru, iċ-Ċimiterju nfetaħ kuljum bejn is-7 ta' filgħodu u 2.15 ta' wara nofsinhar.
Ninforma wkoll li f'dan iċ-Ċimiterju ssir disinfestazzjoni fuq bażi regolari sabiex jiġu kkontrollati n-numru ta' wirdien.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm barranin rikoverati fl-isptar San Luqa f'dawn l-aħħar sentejn? Kemm minn dawn il-barranin ma kenux koperti bil-ftehim reċiproku li għandha Malta dwar is-saħħa kif għandha ma' l-Ingilterra u mal-Belġju? Kemm minn dawn il-barranin li ma kenux koperti bi ftehim bħal dan kellhom insurance?
Huwa minnu li l-awtoritajiet ta' l-isptar naqsu li jibagħtu l-kontijiet lill-
insurances
ta' dawn il-persuni u huwa minnu li dawn il-kontijiet dovuti lill-poplu Malti jlaħħqu miljuni ta' liri? Jekk dan hu minnu, x'passi se jieħu l-Ministru kontra dawk responsabbli minn dan in-nuqqas kriminali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn pazjenti Maltin li talbu li jingħataw il-Gleevic bħala kura kontra l-mard tal-kanċer? Jista' jgħid hemmx possibilta' li dawn in-nies jiġu akkomodati fil-viċin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li kien hemm erba' pazjenti li għalihom saret talba għall-mediċina imatinib (Glivec) skond il-protokoll li ġie stabbilit mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Dawn il-pazjenti kollha bdew jingħataw din il-mediċina.
Jista' il-Ministru jagħti rapport dettaljat dwar x'kien ix-xogħol ta' refurbishment li sar fl-isptar Monte Carmeli f'dawn l-aħħar tliet snin? Kemm intefqu flus f'dan ir-refurbishment? X'hemm ippjanat li jsir fil-futur bħal benefiċċju għall-pazjenti u għall-atmosfera ġenerali tal-lok?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jagħti informazzjoni jekk il-mediċina Dibenyline waqfitx tingħata fuq l-ischedule V u jekk waqfet fuq liema kriterji u hemmx il-ħsieb li terġa tiddaħħal?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-mediċina phenoxybenzamine (Dibenyline) kienet inkluża fil-Formularju tad-Dipartiment tas-Saħħa għat-trattament tal-'benign prostatic hypetrophy'. Fuq talba tal-konsulenti kkonċernati d-Drug and Therapeutics Committee irrakomanda li minflok il-phenoxybenzamine tintuża 'selective alpha blocker' u kif ġie speċifikat fiċ-Ċirkulari tad-Dipartiment ts-Saħħa numru 200/02 li ntbagħat lit-tobba kollha huwa rakommandat li l-pazjenti li kienu jieħdu l-phenoxybenzamine jinqalbu fuq id-Doxazosin.
Il-kundizzjoni 'benign prostatic hypertrophy' mhix fost il-mard kroniku speċifikat fuq Schedule V, pero`, pazjenti li għandhom kartuna roża huma ntitolati għat-trattament ta` din il-kundizzjoni.
Jista’ il-Ministru jgħid meta se jiddaħħlu ward clerks mad-dipartiment tas-saħħa u kemm fin-numru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li wara sejħa mill-Management & Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f'Diċembru tas-sena 2001 għall-mili ta' vakanzi fil-grad ta' Ward Clerical Assistant fid-Diviżjoni tas-Saħħa, tliet kandidati kienu għaddew b'suċċess l-eżami kompetittiv li kien sar. Sussegwentement, tnejn minn dawn it-tliet kandidati aċċettaw il-kariga.
Fit-8 ta' Lulju 2002 inħarġet sejħa oħra sabiex jimtlew tnejn u erbgħin (42) vakanza f'dan il-grad. Dan il-proċess għadu għaddej.
Jista’ il-Ministru jgħid meta se jiddaħħlu health care assistants biex jaħdmu fl-isptarijiet tal-gvern mad-dipartiment tas-saħħa, u kemm fin-numru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-mili ta' vakanzi fil-grad ta' Assistant Care Workers fid-Diviżjoni tas-Saħħa għadha qed tiġi pproċessata mill-Management & Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista` il-Ministru jgħid għalfejn persuni li kienu taħt terapija psikjatrika ġewwa l-isptar Monte Carmeli u ngħataw xi xogħol flok tpoġġew ġo half way house, ġie terminat l-impieg tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Persuni jistgħu ma jitħallewx jipparteċipaw fir-rehabilitation scheme ta` l-isptarMonte Carmeli għal xi waħda mir-raġunijiet msemmija hawn taħt:
a. b'ordni tal-konsulent tagħhom.
b. jekk l-ammont ta` flus li jkunu jaqilgħu mill-iskema jkun laħaq il-massimu stabbilit mill-liġi.
ċ. jekk ikollhom xi penzjoni li ma tippermettilhomx li jkollhom xi dħul finanzjarju ieħor.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'benefiċċji, kumpens finanzjarju, kundizzjonijiet, mobile phones, karozzi eċċ għandhom il-membri tal-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
BORD
KUMPENS/BENEFIĊ
Ċ
JI
Fondazzjoni għ
as-Servizzi
Mediċ
i
Chairperson: Lm7,000 fis-sena
Użu ta' karozza (inklużfuel),
Mobile Phone u aċċess għall-
Internet
Vice-Chairperson: Lm4,500 fis-sena
Mobile Phone, Laptop u
Aċċess għall-Internet
Membri: 6 jieħdu Lm2,500 fis-sena
1 xejn
Kunsill tas-Saħ
ħ
a
Chairperson: Xejn
Membri: Xejn
Kunsill Mediku
Chairperson: Lm2,000 fis-sena
Membri: 5 jieħdu Lm4.50 kull seduta
6 jieħdu Lm6.00 kull seduta
Bord dwar il-Professjonijiet
Supplimentari għ
all-Mediċ
ina
Chairperson: Lm6.00 kull seduta
Membri: Xejn
Bord dwar l-Ispiż
jara
Chairperson: Lm6.00 kull seduta
Membri: 3 jieħdu Lm5.00 kull seduta
12 xejn
Tribunal ta' Reviż
joni dwar
Saħ
ħ
a Mentali
Chairperson: Lm14.00 kull seduta
Membri: Lm12.00 kull seduta
Kumitat Maniġ
erjali ta' l-
Isptar Zammit Clapp
Chairperson: Xejn
Membri: 3 jieħdu Lm1,000 fis-sena
1 jieħu Lm2,500 fis-sena
1 Xejn
Bord tal-Infermiera u Qwiebel
Chairperson: Lm6.00 kull seduta
Membri: Xejn
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm imwiet fl-ewwel tmien xhur tas-sena - direttament/indirettament mit-tipjip? Kemm kienu irġiel u kemm nisa? Jista' jelenka l-kawża proprja tal-mewt?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fl-ewwel seba' xhur tas-sena 2002 ġew irreġistrati 228 imwiet li huma kunsidrati direttament jew indirettament ikkawżati mit-tipjip. Minn dawn, kien hemm 159 raġel u 69 mara.
Il-kawżi propji tal-imwiet kienu: kankru tal-pulmun u tal-pajp tan-nifs, mard kroniku tal-pulmun bħal bronkite kronika, u mard kroniku tal-qalb li jinkludi attakki tal-qalb.
Iċ-ċifri għax-xahar ta' Awwissu 2002 għadhom qiegħdin jinġabru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu out of stock il-lotion tar-ras Minoxidil 5% solution (jew Rogaine 5%) li jqum mal-Lm14 u li jird jintuża kull xahar minn xi pazjenti? Jaf li minn Awissu tas-sena l-oħra lill-ċerta pazjenta ilhom jgħidulha li out of stock minkejja li hija ntitolata għalih u mniżżel fil-karta s-safra tagħha u ġie approvat? Jaf li f'dan il-każ il-persuna kkonċernata anzjana qed ikollha toħroġ Lm14 kull xahar għal dan il-prodott mill-pensjoni tagħha li tbatija għaliha u għas-sieħeb tagħha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li Minoxidil 5% solution jinstab 'in stock' fl-Ispiżerija ta' Boffa.
Minoxidil 5% kien out of stock bejn Jannar u April 2002.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa tad-dipartiment konċernat tul dawn l-aħħar ħames snin, xahar b'xahar tal-constant watch fl-isptar Monte Carmeli? Fuq liema kriterji u taħt liema kundizzjonijiet jingħata constant watch? Jista' jgħid jekk constant watch issirx minn persuni li jkunu parti mill-full compliment ta' l-istaff jew minn persuni li jkunu off duty?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm fl-ewwel tmien xhur tas-sena ġew identifikati każi ta' aids? Kemm kien hemm każi ta' HIV positive? X'inhu n-numru totali ta' każi ta' aids u ta' HIV positive li ġew identifikati f'pajjiżna? Kemm minn dawn kienu barranin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fl-ewwel tmien xhur tas-sena 2002 ġew notifikati żewġ każi ta` AIDS u tliet każi HIV positive. Wieħed mill-HIV positive kien barrani.
In-numru totali ta` każi AIDS identifikati f'pajjiżna sa l-aħħar ta` Awissu 2002 kien ta` 53. Il-figuri għall-AIDS huwa għal residenti Maltin biss. In-numru ta` każi ta` HIV positive sa l-aħħar ta` Awissu 2002 kien ta` 197. Minn dawn, tnejn kienu barranin.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwettqu l-iżviluppi li semma', sabiex jerġgħu jiftħu fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum iċ-ċentri tas-saħħa tar-Rabat, Bormla, Qormi u B'Kara? Kemm fil-fatt ilhom li ssospendew dan is-servizz fuq bażi ta' 24 siegħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma hemm l-ebda żvilupp ġdid li jippermetti il-ftuħ taċ-Ċentri tas-Saħħa msemmija fuq bażi ta` 24 siegħa. Dawn iċ-Ċentri ilhom joperaw fuq servizz ristrett minn Mejju 2000.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34717, li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u cioe', b'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 19834, jista' jgħid jekk il-liġi msemmija ġietx emendata jew le? Jekk iva, dan sar b'liema avviż legali? Jekk le, meta hu maħsub li dan isir?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Liġi tal-kontroll tat-tipjip tat-tabakk għadha ma ġietx emendata u l-abbozz għad irid jiġi diskuss fil-Parlament.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-uffiċju tas-sanita' f'Ħal Qormi ġie trasferit għal Ħaż-Żebbug?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-uffiċċju tas-Sanita` f'Ħal Qormi ġie magħluq bħala parti minn proċess ta` ċentralizzazjoni tas-servizzi tas-Sanita` f'Reġjuni speċifiċi madwar Malta u Għawdex. Ħal Qormi, ma` diversi rħula oħra ta` l-istess inħawi, jaqa` taħt ir-Reġjun tal-Punent. L-uffiċċju ta` dan ir-Reġjun jinsab ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Din ir-riforma saret f'April 2001 biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi li għandu d-dipartiment u biex tiżdied l-effiċjenza.