Legislature:
Category:
Reset
Active:

Espropriazzjoni

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 34990, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra f'liema stadju waslu l-proċeduri għar-rigward il-post 27, 28, 29 Strait Str, Valletta billi l-post jidher abbandunat u ma huwiex tajjeb għall-abitazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Kif għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34990, il-post nru. 27 Strait Street, Valletta huwa proprjeta` tal-Gvern waqt li l-postijiet nru. 28 u 29 Strait Street, Valletta kienu ddikjarati meħtieġa għal skop pubbliku taħt l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta` Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi. Id-Dipartiment qiegħed fil-proċess li jistabbilixxi min huma s-sidien tal-proprjeta` imsemmija biex ikun jista` jsir il-kuntratt tal-akkwist.
Leg 9 PQ #35869 Sitting 804 2002-10-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Oġġetti Misruqa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati mobile phones, misruqa jew mitlufa din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru 2002, il-Pulizija kellha 1,590 rapport ta` mobile phones li ġew misruqa, filwaqt li 562 oħra ġew irrappurtati mitlufa.
Leg 9 PQ #35870 Sitting 804 2002-10-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Żweġijiet Ċivili

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru żweġijiet ċivili din is-sena u kemm minn dawn kienu bejn Maltin u Maltin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar żwiġijiet ċivili matul din is-sena s`issa hu kif ġej: Malta Għawdex Żwiġijiet Ċivili 506 38 Dawk minnhom bejn Maltin 52 6
Leg 9 PQ #35871 Sitting 804 2002-10-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

ETC — Barranin jaħdmu Malta.

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn barranin jaħdmu Malta llum u kemm hemm applikanti? X'tip ta' xogħol jagħmlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-aħħar lista aġġornata li dehret fuq l-internet (website tad-Dipartiment ta` l-Informazzjoni) in-numru ta` persuni barranin li bħalissa għandhom liċenzja ta` impjieg huwa 2,360. Ix-xogħol li qed jagħmlu dawn il-persuni jidher fl-istess lista. In-numru ta` applikazzjonijiet pendenti huwa ta` 861. Dwar dawn, iżda, ma tinżammx statistika tat-tip ta` xogħol li qed jitolbu.
Leg 9 PQ #35873 Sitting 804 2002-10-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati persuni lill-pulizija li weġġgħu waqt inċidenti tat-traffiku? Kemm mietu, weġġgħu gravi u ħafif din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena ġew irrappurtati lill-Pulizija li weġgħu 989 persuna b`riżultat ta` inċidenti tat-traffiku. Minn dawn 14 tilfu ħajjithom, 221 ġarrbu ġrieħi gravi u 754 ġarrbu ġrieħi ta` natura ħafifa.
Leg 9 PQ #36027 Sitting 804 2002-10-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Immigranti llegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kien l-uffiċjal inkarigat mill-pulizija li kienu qed jakkumpanjaw lill-immigranti illegali li ntbagħtu lura l-Eritrea fuq ajruplan tal-Air Malta nhar it-Tlieta 1 ta' Ottubru? Sar xi rapport minn dan l-uffiċjal dwar inċident li ġara fuq l-ajruplan huma u ġejjin lura mill-Eritrea? Sar xi rapport dwar id-dagħa u kliem ħażin minn xi pulizija u membri ta' l-Armata wara li lembuba ta' wieħed mis-suldati nstabet li kienet nieqsa u li fil-fatt instabet wara li l-ajruplan wasal Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fuq it-titjira imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kien hemm Supretendent inkarigat mill-membri tal-Korp tal-Pulizija, filwaqt li l-membri ta` l-Armata kienu taħt il-kmand ta` Maġġur. Infurmat ukoll illi fuq din it-titjira mar kollox kif ippjanat u ma ġew irrapurtati ebda inċidenti. Dwar l-allegazzjoni ta` lembuba nieqsa, peress li kif allegat fil-Mistoqsija din kienet tappartjeni lill-membru ta` l-Armata, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 9 PQ #36038 Sitting 804 2002-10-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Immigranti Klandestini

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-membri tal-korp tal-pulizija li jintbagħtu biex jeskortaw immigranti illegali lejn pajjiżhom jagħmlu dan fuq bażi volontarja? Jekk ma jkunx hemm min ikun irid imur kif jintagħżlu? Jingħataw xi kumpens extra għal dan ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kull meta kien hemm il-bżonn tas-servizz hekk kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, dan dejjem ġie provdut. Naturalment jekk ikun il-każ, dawn il-Pulizija jitħallsu tal-ħinijiet li jaħdmu extra.
Leg 9 PQ #36103 Sitting 804 2002-10-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Xiri ta' Art — Għargħur

Question

B'referenza għall-mistoqsija tiegħi 35455 dwar Triq Caravaggio fil-Għargħur, u t-tweġiba tal-ministru għat-trasport fejn qal li x-xogħlijiet ma jistgħux isiru minħabba li trid tinxtara xi parti mill-art inkwestjoni mingħand il-privat, jista' il-Ministru jinvestiga s-sitwazzjoni u possibilment jirremedja b'soluzzjoni sabiex tiġi solvuta din il-problema fil-Għargħur? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi diġa` kien hemm diversi partijiet fi Triq Caravaggio li ġew dikjarati meħtieġa għal skop pubbliku sabiex issir din it-triq. Fil-fatt dawn il-partijiet intużaw mid-Dipartiment tat-Toroq għal dan l-iskop. Id-Dipartiment tal-Artijiet lest li jesproprja dawk il-partijiet fejn għad trid tiġi iffurmata t-triq, jekk jiġi mitlub li jagħmel dan mid-Dipartiment tat-Toroq.
Leg 9 PQ #36290 Sitting 804 2002-10-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Insinwa — Sentenzi ta' Separazzjoni Kontenzjuża

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sentenzi ta' separazzjoni kontenzjuża li jkunu għaddew f'ġudikat, kollha insinwati? Hemm sistema li biha jiġi aċċertat li tali sentenzi jiġu fil-fatt insinwati? Mill-1995 sal-lum, kemm-il sentenza ta' separazzjoni kontenzjuża mogħtija mill-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili li ma sarx appell minnha, baqgħet ma ġietx insinwata?

Response (BORG, TONIO)

L-insinwazzjoni ta` sentenzi mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fir-rigward ta` separazzjonijiet kontenzjużi hija l-għażla tal-partijiet fil-kawża, u mhux possibli li wieħed jagħti n-numru ta` dawk il-każijiet fejn ma ssirx tali insinwazzjoni għar-raġuni sempliċi li d-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku m`għandux mezz li jikkontrollhom, u huwa biss depositarju ta` dawk il-mandati li jsiru f`tali kawżi fuq istanza ta` xi waħda mill-partijiet.
Leg 9 PQ #35795 Sitting 803 2002-10-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Vetturi - VRT

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il vettura tal-pulizija m'għaddietx mill-VRT din is-sena? X'tip ta' vettura kienet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena, minn total ta` 32 vettura li ittellgħu għal VRT, kien hemm erba' (4) vetturi tal-Pulizija li m'ghaddewx. Dawn kienu zewg saloons u zewg vannijiet. Ingħataw struzzjonijiet sabiex dawn il-vetturi isirilhom mingħajr dewmien ix-xogħol meħtieġ sabiex jerġgħu jittellgħu għal VRT.
Leg 9 PQ #35796 Sitting 803 2002-10-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Prostituzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq każi relatati ma' prostituzzjoni din is-sena? X'weħlu individwalment? Kemm minn dawn kienu reċedivi u kemm-il darba individwalemt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena tressqu quddiem il-Qorti 36 persuna, bosta minnhom diversi drabi, fuq tlajjar għal skop ta` prostituzzjoni. Is-sentenzi mogħtija f`dawk il-każi deċiżi kienu jinkludu priġunerija, sentenza sospiża, multa u twiddiba.
Leg 9 PQ #36077 Sitting 803 2002-10-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm seħħew inċidenti tat-traffiku din is-sena? Kemm minnhom kienu fatali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija 10,580 l-inċident tat-traffiku. Minn dawn 12 kienu fatali.
Leg 9 PQ #36226 Sitting 803 2002-10-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Swieqi - Triq il-Faxxina

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiebja li hemm fi Triq it-Tiben biswit Triq il-Faxxina, Swieqi għandhiex il-permessi meħtieġa ta' l-awtorita` ta' l-ippjanar u tad-dipartiment tat-toroq? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġu dawn il-permessi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi iż-żewġ ġwiebi fil-viċinanza tal-post indikat, ċioe` fi Triq i-Tiben biswit Triq il-Faxxina, huma koperti bil-permess ta` żvilupp meħtieġ, PA 4412/93, maħruġ fil-31 ta` Jannar 1995. Dan il-permess jispeċifika il-bini ta` żewġ ġwiebi fuq kull naħa ta` Triq it-Tiben.
Leg 9 PQ #36229 Sitting 803 2002-10-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Trobbija tal-Ħamiem

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemm'x il-ħsieb li l-liġi dwar it-trobbija tal-ħamiem fuq il-bjut ta' residenti tinbidel fis-sens li ma' tibqax l-anomalija, jew aħjar diskriminazzjoni, li teżisti bejn diversi lokalitajiet u l-lokal ta' Tas-Sliema?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għal liema liġi qiegħed jirreferi.
Leg 9 PQ #36236 Sitting 803 2002-10-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Casinos Maltin — Working Permits

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36094 cioe', jgħid kemm ġew approvati working permits biex jiġu impjegati barranin fil-casinos Maltin tul l-aħħar sentejn? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol għamlu jew qed jagħmlu?

Response (BORG, TONIO)

Tagħrif dettaljat - l-isem tal-persuna, il-post fejn taħdem, ix-xogħol li tagħmel u l-validita` tal-permess tax-xogħol (work permit) jidher fil-lista tal-Persuni Barranin li għandhom Liċenzja ta` Impjieg li tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern mid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni kull l-ewwel Tnejn ta` kull xahar (minn din is-sena l-lista qed tidher fuq l-Internet). Ninsab infurmat li bħalissa hemm erbatax-il persuna barranija li għandhom liċenzja ta` impjieg biex jaħdmu fil-casinos li qed joperaw f`Malta. Il-liċenzji msemmija ngħataw għal diversi tipi ta` xogħol li huma: Casino Manager, Assistant Casino Manager, Financial Controller, Slots Manager, Gaming Manager, Cash Desk Manager, Gaming Consultant, Surveillance Officer, Table Games Trainer, Dealer Inspector u Pit Boss.

Bormla — Għassa tal-Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jara jekk hux possibbli li l-għassa tal-pulizija ta' Bormla jkollha żieda fil-pulizija billi qed ikun hemm diffikulta` sabiex ikun hemm pulizija l-ħin kollu waqt id-dħul u l-ħruġ ta' l-istudenti ta' l-iskola G Despott, Verdala li qiegħda fuq arterja prinċipali li terġa' jiżdidilha l-volum billi arterji oħra jingħalqu billi jkun hemm tfal ta' skejjel oħra ħerġin? Jista' jara wkoll li jkun hemm makna tal-fotokopji u tal-fax aktar aġġornati maż-żmenijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma` l-iskola imsemmija qed ikun hemm Pulizija waqt id-dħul u ħruġ ta` l-istudenti. Biex ma jkunx hemm, irid jinqala xi ħaġa urġenti li tkun tenħtieġ il-preżenza tal-Pulizija. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma hemm l-ebda talba f`dan il-kuntest mill-uffiċjal inkarigat minn din l-Għassa.

Kalkara — Fortizza tas-Salvatur

Question

Jista' il-Ministru jara jekk hux possibbli li jsiru trattativi mas-sidien preżenti sabiex il-Bieb u l-fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara, li kien mogħti lil terzi b'ċens perpetwu u li sussegwentement infeda fis-snin tmenin taħt amministrazzjoni Laburista , jingħata lura billi dan jinsab abbandunat totalment u qed issirlu ħsara kbira?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment tal-Artijiet lest li jitratta mas-sidien jew jakkwista lura il-proprjeta` sabiex tiġi restawrata taħt il-Kapitolu 88 "Ordinanza dwar l-Akkwist tal-Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi" meta jiġi mitlub li jagħmel dan.
Leg 9 PQ #35781 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Dipartiment ta' l-Ambjent — Tjur

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm waqgħu f'idejn id-dipartiment ta' l-ambjent tajr ferut din is-sena? Kemm hemm illum? Kemm mietu, kemm intelqu u x'tip kienu?

Response (BORG, TONIO)

Mhux normali li tajr ferut jinġieb lid-Direttorat għall-Ħarsien ta` l-Ambjent. Il-pubbliku is-soltu li jirrikorri għas-servizzi volontarji mogħtija minn għaqdiet ambjentali u dawk favur l-annimali, fosthom Birdlife Malta u International Animal Rescue.
Leg 9 PQ #36072 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-lista tas-supretendenti fil-korp tal-pulizija bis-seniority kif qegħdin illum? Meta ġie appuntat kull wieħed minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar Supretendenti fil-Korp tal-Pulizija bis-seniority u bid-data ta` meta ġie appuntat kull wieħed minnhom kif ukoll id-data ta` l-ewwel ħatra, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.