Jista' l-Ministru jistħarreġ is-sitwazzjoni tal-każ li qed jintbagħat separatament? Jista' jistħarreġ x'alternattiva tista' tiġi rikomandata sabiex il-bdiewa kkonċernati ma jitkeċċewx il-barra minn din l-art u razzett li jokkupaw?
Response (BORG, TONIO)
Il-każ jirrigwarda kawża bejn żewġ partijiet fuq proprjeta` privata fejn kien hemm deċiżjoni tal-Qorti.
Għaldaqstant, ma nista` nirrikomanda l-ebda alternattiva.
Jista' l-Ministru jgħid mindu beda jaħdem ir-rażżett tat-tonn f'pajjiżna x'monitoraġġ sar mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tara li l-vapuri li jipproċessaw it-tonn qed jarmu l-imsaren u l-iskart l-ieħor fl-ibħra internazzjonali?
Kemm-il darba sar dan il-monitoraġġ? F'liema dati? X'metodi qed jintużaw f'dan il-monitoraġġ?
Response (BORG, TONIO)
L-uniku razzett tat-trobbija tat-tonn li għandu permess huwa dak li nħareġ is-sena l-oħra lil Azzopardi Fisheries f`San Pawl il-Baħar. Permessi ta` l-irziezet approvati mill-Bord ta` l-Awtorita` fl-aħħar ġimgħat għadhom ma nħarġux peress li l-iżviluppaturi għadhom fil-proċess illi jottemporaw ruħhom ma` numru ta` punti li kkundizzjonaw il-ħruġ tal-permess, u speċifikament li jsiru l-garanziji bankarji mitluba; għalhekk kull gaġġa u vapuri oħra (barra minn dawn ta` Azzopardi Fisheries li kienu msemmija) li qegħdin fl-ibħra Maltin huma koperti minn permess temporanju għall-irmiġġ li nħareġ lilhom mill-Malta Maritime Authority.
Skond il-kundizzjonijiet li ġew approvati għal kull razzett, il-vapuri għandhom jaħdmu f`ibħra `l barra mix-xatt, f`post indikat mill-Malta Maritime Authority. Għandhom joqgħodu wkoll għall-kundizzjonijiet ta` l-istess Awtorita`, li għandhom x`jaqsmu mal-portijiet, kif ukoll mar-regoli tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent li għandhom x`jaqsmu mar-rimi ta` l-iskart.
Ir-rimi ta` msaren u nterjuri oħra għandu jsir skond il-kundizzjonijiet tal-permess għall-iżvilupp li ġie approvat mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar,jiġifieri:
i. ħut morda u l-imsaren jiġu mormija `l barra mill-ibħra territorjali Maltin; il-vapuri li għandhom ikunu armati b`xi forma ta` 'tracking facility' biex ikun hemm provi illi dawn il-vapuri ħarġu `l barra mill-ibħra territorjali Maltin biex jarmu dan l-iskart;
ii. monitoraġġ ambjentali tal-kwalita` ta` l-ilma baħar fl-inħawi fejn jintremew l-imsaren.
Il-monitoraġġ li kellu jsir (kemm tat-'tracking' u kemm tal-kwalita` ta` l-ilma) ma sarx mill-applikant minkejja l-pressjoni li għamlet l-Awtorita` f`dan ir-rigward. Għalhekk, permessi ġodda li kienu approvati f`dawn l-aħħar xhur (inkluż dak ta` Azzopardi Fisheries li talab estensjoni tar-razzett, liema estensjoni ġiet approvata mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar) kellhom kundizzjonijiet iżjed stretti. Il-monitoraġġ ser jsir minn konsulenti mqabbda mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, bi spejjeż għas-sidien tal-irziezet, biex jiġi assigurat li dan il-monitoraġġ isir.
Biex tinstab soluzzjoni rigward il-problemi li huma marbuta ma` l-industrija tal-akwakultura, l-Awtorita`, flimkien ma` agenziji oħra tal-Gvern - Malta Maritime Authority, Environment Protection Department, Department of Aquaculture and Fisheries, Veterinary Services Department u Malta Development Corporation - qegħda taħdem fuq National Aquaculture Policy, li għandha titlesta sa Frar ta` l-2002.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm kien id-dħul ta' l-uffiċjali tal-Faċilita Korrettiva Ta' Kordin li isimhom qiegħed jintbagħat separatament, b'indikazzjoni wkoll ta' allowances, bonuses, u overtime mill-1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru 1999, mill-1 ta' Jannar 2000 sat-31 ta' Diċembru 2000, u mill-1 ta' Jannar 2001 sat-30 ta' Settembru 2001, sena, sena, xahar, xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ghar-rigward is-snin imsemmija fid-domanda, id-dhul gross ta' l-ewwel persuna indikara mill-Onorevoli Interpellant kien ta' Lm8391, Lm9087 u Lm10.339, u tat-tieni persuna Lm9,450, Lm10,346 u Lm8,052.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jaqbilx li għandu jibqa l-Ministru, u mhux Maġistrat jew Mħallef, li jawtorizza li jsir telephone tapping mis-Servizzi Sigrieti? Jista' l-Ministru jeskludi kategorikament li sar telephone tapping mis-servizzi sigrieti għall-insaputa u mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Ministri?
Response (BORG, TONIO)
L-arranġament legali preżenti huma tajbin u jaħdmu sewwa fuq il-mudell tal-liġi Ingliża.
Għadni ma nistax nifhem kif l-Onor. Interpellant jippretendi li jiena ngħidlu x`jiġri "ad insaputa" tiegħi. Il-liġi tikkontempla pieni mhux żgħar għal interċetazzjonijiet mhux skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Armata baqgħetx tgħasses l-inħawi ta' madwar il-Faċilita Korrettiva ta' Kordin matul il-ġurnata u matul il-lejl? Jekk le, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Armata waqqfet milli tagħmel l-għassa ma` l-inħawi ta` madwar il-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin fit-12 ta` Marzu 2001.
Il-ftehim oriġinali kien li l-Armata tagħmel għassa sa l-aħħar tas-sena 2000. Kien ittawwal iż-żmien u f`Marzu kienet twaqqfet għal kollox.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha vetturi t-Taqsima tal-Mobile tal-Korp tal-Pulizija?
Kemm minnhom bħalissa mhux qegħdin jintużaw?
Kemm ilhom ma jintużawx?
Għaliex mhux qegħdin jintużaw?
U jekk bil-ħsara, jispeċifika n-natura tal-ħsara?
Jista' l-Ministru jwieġeb l-istess mistoqsijiet fir-rigward tal-vetturi li jintużaw, mit-taqsimiet l-oħrajn kollha tal-Korp tal-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima tal-Mobile tal-Korp tal-Pulizija ghandha ghad-dispozizzjoni taghha 20 vettura, li 6 minnhom bhalissa jinsabu ghat-tiswija. Dettalji dwar vetturi ohra tal-Korp li jissewwew huma kif jidhru fuq it-Tabella li qieghed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta' min ighid ukoll illi matul dawn l-ahhar sentejn inxtraw mhux anqas minn 31 vettura u 24 mutur gdid sabiex jintuzaw fid-diversi taqsimiet tal-Korp, filwaqt li din is-sena ser jinxtraw 35 vettura u 7 muturi ohra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mwettaq serq f'Awwisu 2001 u f'Settembru 2001? Jista' jikklassifika s-serq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif jista' jinnota l-Onorevoli Interpellant kien hemm tnaqqis ta' 12.5% bejn Awissu 2000 u 2001, u tnaqqis ta' 11.2% bejn Settembru 2000 u 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati kriminali f'Awissu 2001 u f'Settembru 2001? Jista' l-Ministru jikklassifika r-reati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif jista' jinnota l-Onorevoli Interpellant kien hemm tnaqqis fic-cifri ta' reati ta' 17.2% bejn Awissu 2000 u Awissu 2001, u ta' 13.8% bejn Settembru 2000 u Settembru 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa hold ups bejn Jannar u Settembru 1998, Jannar u Settembru 1999, Jannar u Settembru 2000, Jannar u Settembru 2001
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Jannar u Settembru tas-snin 1998 sal-2001 ġew irrapurtati 119-il hold-up lill-Pulizija. Dawn kienu kif ġej:-
1998
1999
2000
2001
37
37
23
22
Kif jista jinnota l-Onorevoli Interpellant kien hemm tnaqqis ta' 37.8% bejn 1998 u s-sena 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew solvuti każijiet kriminali bejn
(1) 1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru 1999
(2) 1 ta' Jannar 2000 sal-31 ta' Diċembru 2000
(3) 1 ta' Jannar 2001 sat-30 ta' Settembru 2001
sena, sena u xahar, xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuni misjuba ħatja ta` reati kriminali fil-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant, kienu:
(1) 1999 - 5,699
(2) 2000 - 6,096
(3) 2001* - 3,867
*Sat-30 ta` Settembru.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tat-tenders kollha li ġew awarded għal kull ordni jew xogħol mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin bejn Settembru 1998 u Settembru 2001? Jista' jispeċifika liema tenders ngħataw b'talba għall-offerta jew b'direct order? Jista' l-Ministru jgħid lil min ġew awarded it-tenders, il-prezz kwotat, id-ditti jew il-persuni kollha li tefgħu l-offerti, preferibbilement għal kull tender b'dettalji tal-prezzijiet minnhom ikkwotati? Jista' jgħid min kien jew kienu l-persuni responabbli mill-awards?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Settembru 1998 u Settembru 2001 ma ġew 'awarded' l-ebda tenders mid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi.
Fl-istess perijodu ingħatat 'Direct Order' ta` sistema ta` katnazzi għall-prezz ta` Lm6,537.16 lill-Messrs. J. Grima & Co. Ltd. bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.
Ingħata wkoll kuntratt ta` maintenance tas-sistema tal-Closed Circuit Television bir-rata ta` Lm185 fix-xahar (VAT mhux inkluż) lill-Correct Termination Ltd. Din ir-rata tkun revedibbli kull sena għal perijodu ta` tlett snin skond in-numru ta` cameras li jkunu installati fis-sistema. Dan l-ammont kien jipprovdi għal polza ta` sigurta` għal dawn il-cameras.
Dan il-kuntratt ingħata wara li tqiesu żewġ offerti oħra minn Dedicated Micros (bil-prezz ta` Lm350 fix-xahar) u Philip Toledo (bil-prezz ta` Lm433 fix-xahar). Dawn il-prezzijiet ikkwotati ma kienux jinkludu il-VAT u l-polza ta` sigurta`.
L-approvazzjoni ta` dan il-kuntratt ingħatat mis-Segretarju Permanenti għall-Ministeru ta` l-Intern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew investigati lmenti mill-pubbliku dwar l-istrip searches mwettqa minn uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija?
X' passi ittieħdu?
Min investiga l-ilmenti?
Jista' l-Ministru jikkonferma li saru diversi lmenti fil-konfront ta' l-uffiċjal li n-numru tiegħu qiegħed jintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm ilmenti minn membri tal-pubbliku dwar strip searches imwettqa minn membri tal-Korp tal-Pulizija, izda saru xi ilmenti lill-istampa. Dwar dan nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li tajt ghall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 28432 u Nru. 28433.
Jista' l-Ministru jgħid xi tweġiba ta' d-Dipartiment ta' l-Artijiet lill-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan fl-ittra urġenti mibgħuta bid-data tat-2 ta' Awissu 2001 dwar ix-xatt tas-sajjieda f'San Ġiljan, peress li kopja ta' din l-ittra ntbagħtet lili mill-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan u bqajt bla ebda risposta mid-Dipartiment ta' l-Artijiet?
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet, l-awtoritajiet, l-kummissjonijiet mwaqqfa mill-gvern? X' inhu n-numru ta' nisa u ta' rġiel li huma membri ta' dawn il-bordijiet, awtoritajiet u kummissjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Għal dak li jikkonċerna d-dekasteru ta` l-Intern, ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara għaliex anzjana fil-wheelchair li l-partikolaritajiet tagħha jidhru separatament min din il-mistoqsija ma ngħatatx permess biex tagħmel drive-in mad-dar?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Membru jara r-rapport imhejji mill-Case Officer.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dan id-dewmien kellu biex ir-residenti ta' Triq il-Kaħwiela Santa Luċija jsir il-kuntratt ta' l-art wara l-1983 kien sar il-konvenju fuqha? Jista l-Ministru jagħti spjegazjoni dwar fiex waslu ex-negozjati u meta jista' jsir il-kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kuntratti mar-residenti fi Triq il-Kaħwiela, Santa Luċija għadhom ma sarux minħabba li l-kuntratt ta` l-akkwist ta` l-art ma` dominium directum, li hija l-Knisja għadu ma ġiex iffinalizzat. Infurmat ukoll illi dan il-kuntratt ser jiġi ffirmat dalwaqt.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ħaddiema li għandha van u taħdem bħala street hawker fis-suq ta' Raħal Ġdid qiegħda tiġi mkeċċija meta hija għandha liċenzja biex tbigħ?
Jista' d-day centre f'46/47 Triq San Publju, Floriana li ilu jintuża mill-Floriana Senior Citizens għal 6 snin jingħatalhom b'titlu? Hux meħtieġ li din titressaq quddiem il-parlament? Jekk fl-affermattiv, jista' isir hekk fl-ewwel opportunita' li fiha jkun se jitressqu talbiet simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li għamlet it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern jirriżulta li l-post 46/47 Triq San Publiju huwa mikri lid-Diviżjoni ta` l-Edukazzjoni. Il-'Floriana Senior Citizens' qegħdin jużaw dan il-post b`arranġament mal-istess diviżjoni. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-Luqa Park Development Brief?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tal-Luqa Park Development Brief. Aktar kopji ta` dan il-brief jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar (www.pa-malta.org).
Jista' l-Ministru jgħid x' passi ħa l-Ministru biex jinvestiga rapporti li dehru fil-ġurnali lokali dwar strip searches abbużivi li sar mill-pulizija fil-ġimgħat li għaddew?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dakinhar tal-party fil-Marsa kien hemm diversi uffiċjali tal-Pulizija preżenti l-ħin kollu tul il-party u wara, partikolarment viċin ħafna ta` fejn kienu qed isiru t-tfittxijiet. Tul dak il-ħin kollu, ebda uffiċjal tal-Pulizija ma ġie avviċinat minn ħadd u ma sar ebda rapport dwar xi mġieba ħażina minn xi membru tal-Korp tal-Pulizija waqt dawn l-istrip searches jew fit-tfittxijiet l-oħrajn li saru. Anqas wara ma saru ebda rapporti f`dan is-sens.