Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta' Giorni — Kaxxa postali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kaxxa postali li hemm f' Ta' Giorni biswit il-Merħba Pharmacy ġiet issiġilata biex ma tintużax aktar? Peress li din il-kaxxa postali kienet ta' użu għall-mijiet ta' familji u anzjani li jgħixu fil-Qasam residenzjali ta' Ta' Giorni, jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex dan is-servizz jerġa' jibda għall-benefiċċju ta' dawn il-persuni?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-ilment ta' l-Onor. Interpellant ser jiġi nvestigat mill-Maltapost.

Minsiteru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Private securities

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kuntratti għal securities privati li għandu l-Ministeru, dipartimenti, kumpanniji, eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' sigħat u ta' flus li tħallsu għal dawn il-kuntratti matul is-snin 2002, 2001 u 2000, separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-0nor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Siġġiewi — Triq Dun Ġuże' Delia

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li Triq Dun Ġuże' Delia, fis-Siġġiewi baqgħet nofs leħja u ċioe' ix-xogħlijiet ta' l-asfalt ma tkomplewx? X'qed iżomm milli jsiru dawn ix-xogħlijiet? Jista' l-Ministru jara li fil-ġimgħat li ġejjin isiru x-xogħlijiet pendenti ħalli r-residenti in kwestjoni jkollhom triq adekwata minn fejn jgħaddu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi għad hemm parti mit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant li għadha ma żviluppatx u għalhekk it-triq ma setatx issir. Tajt struzzjonijiet lill-awtorita' dwar it-Trasport sabiex ikun jista jsir survey fit-triq biex ikun jista jiġi stabilit xinhu l-aħjar li jsir.

Triq San Luqa G'Manġia — Tiswija tat-triq

Question

Peress li ambulanzi jgħaddu minn Triq San Luqa G'Mangia, jistax il-wiċċ ta' din it-triq jinżamm fi stat aħjar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi Triq San Luqa ġewwa G'Manġia hija triq asfaltata u għalhekk il-manutenzjoni tagħha hija responsabbilita tal-Kunsill Lokali.

Triq ta' Burmarrad

Question

Hemm data meta t-Triq ta' Burmarrad se tkun lesta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant wasal fl-aħħar fażi tiegħu u għalhekk hu mistenni li x-xogħol jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Faxxi bojod — Toroq

Question

Kemm iħoss li hjawn faxxi bojod tat-traffiku skond raħal, belt, jew taqsima? Humiex dawn kollha mdawla u biċ-ċrieki żgħar ileqqu qabilhom u kull kemm jinżebgħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Inħoss illi kif jaf l-Onor. Interpellant, in-numru ta' faxxi bojod tant hu vast li mhux possibbli li tingħata stima tagħhom fil-pajjiż kollu, kif ukoll ta' kull meta jinżebgħu.

Madliena/Għargħur — Tiswija ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata t-triq li tieħu mill-Madliena għall-Għargħur inkluż il-pont ta' quddiem Busietta Gardens, peress li din it-triq tinsab fi stat diżastruż?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-triq imsemmija kienet ġiet asfaltata żmien ilu, u għalhekk hija responsabbilta tal-Kunsill Lokali. Madanakollu l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tispezzjona diversi toroq madwar Malta kollha, fosthom ukoll it-triq indikata mill-Onor. Interpellant sabiex tħejji programm separat għar-restawr ta' diversi toroq li għalkemm m'humiex arterjali għandhom linking function għat-trasport bejn l-istat u l-irħula.

Msida — Triq Santa Venera

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi nvestigata l-qagħda ta' Triq Santa Venera, fl-Imsida qrib numru 21, billi minħabba kif tinsab maqluba, spiss qed ikun hemm flooding fil-kantina tad-dar kull meta tagħmel ix-xita?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi wara li ġiet spezzjonata t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant irriżulta illi l-bankina quddiem ir-residenza hija f'livell iktar baxx mill-kumplament tal-bankini. Biex il-problema ta' flooding tiġi eliminata l-bankina trid togħla madwar 2 jew 3 pulzieri. Dan ikun jista' jsir wara li s-sid ta' din ir-residenza jgħolli l-għetibi tal-post u tar-remissa tiegħu.

Ħal Tarxien — Asfaltar ta' toroq

Question

Jogħġbu l-Ministru, invista tad-diversi domandi parlamentari li għamilt fuq l-istess suġġett jinformani bl-iżviluppi li kien hemm fuq il-proċess ta' asfaltar tat-toroq ta' wara Carters f' Ħal Tarxien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport lestiet l-istejjem neċessarji sabiex jitlestew ix-xogħlijiet f'dawn it-toroq. Peress illi din hija żona residenzjali u anke kummerċjali, x-xogħlijiet ser ikunu phased f'diversi stadji biex it-toroq ma jinqalgħux f'daqqa u b'hekk jiġi evitat kull inkonvenjent. Il-ħsieb huwa li x-xogħol jinbeda min-naħa ta' fuq u għalhekk l-ewwel sejħa għall-offerti ser tkun biex issir Triq ix-Xewk.

Belt — Park and Ride Scheme

Question

B'refernza għar-risposta ta' mistoqsija numru 37846 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rotta tal-Park and Ride Scheme li hi proposta għall-Belt?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi r-rotta tat- trolley buses tal- Park & Ride għada qed tiġi maħduma peress li din it-triq tkun adattata għal dawn it-tip ta' vetturi li ser ikunu jaħdmu bl-elettriku.

Venda tal-linja — Arloġġ u Kaxxa tat-telefon

Question

Jaħsibx il-Ministru li ħdejn kull venda tal-karozzi tal-linja għandu jitwaħħal arloġġ għal ġid tal-passiġġieri u qrib żewġ metri bogħod kaxxa tat-telefon?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-parti l-kbira tal-vened għandhom arloġġ pubbliku, fil-fatt, b'kollox hawn 42 arloġġ f'Malta u 3 f'Għawdex. Fejn tikkonċerna kaxxa tat-telefon, din ma taqax taħt ir-responsabbilta' tad-Direttorat għat-Trasport Pubbliku.

Gwardjani Lokali — Taħrik lid-Delivery men

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir xi ħaġa biex id-delivery men ma jibqgħux jiġu mħarrka daqshekk ta' spiss meta jkunu qegħdin jgħabbu jew iħottu x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill- Ministru kkonċernat.

Mellieħa — Triq ta' fuq il-Widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq ta' Fuq il-Widien, Santa Marija Estate, fil-Mellieħa taqax taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għal dak li jirrigwarda road surfacing u tiswija ta' l-istess triq? Jaf il-Ministru li fl-istess akkwata ġewwa l-istess Estate u ċioe' Triq tax-Xagħra ta' Barra tingħata t-tiswija li jkollha bżonn filwaqt li qed ikun hemm rifjut fil-każ ta' Triq ta' Fuq il-Widien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-Triq ta' fuq il-Widien u Triq ix-Xagħra ta' Barra huma uħud mit-toroq li l-Kunsill fetaħ kawża dwarhom kontra l-kumpanija Cenmed biex din tagħmel manutenzjoni fihom. Fil-każ ta' Triq tax-Xagħra ta' Barra rriżulta illi snin ilu kien isir xi patching fiha mill-ħaddiema tal-Gvern u għalkemm dan ix-xogħol mhux responsabbilta tal-Kunsill dan min-naħa tiegħu baqa' jagħmel patching f'din it-triq biex isegwi l-passi li kienu inbdew.

Trasport pubbliku — Rotta minn Taż-Żwejt għall-Belt

Question

Tista' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku tinvestiga jekk tistax tiqsar ir-rotta tal-karozzi tal-linja minn Taż-Żwejt għall-Belt minħabba li l-biċċa l-kbira tar-rotot jieħdu madwar siegħa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li r-rotta 41 minn Taż-Żwejt għall-Belt li tgħaddi mill-lokalitajiet ta' San Ġwann, Sliema (Savoy), Gżira u tal-Qroqq ma tistax tiġi mqassra jekk mhux għad-detriment li taqdi l-lokalitajiet imsemmija.

Valletta — Park and Ride Scheme

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti approvati mill-MEPA għall-Park and Ride Scheme fil-Belt?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tal- Park and Ride Scheme hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

Mosta — Triq il-Pont - bankini

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru l-bankini ġodda fi Triq il-Pont, fil-Mosta li jsiru wkoll sleeping policemen minħabba li f'din it-triq jinżlu vetturi bi speed qawwi b'mod li jikkawżaw inċidenti serji lin-nies li jużaw din it-triq u b'mod speċjali lit-tfal li jattendu l-iskola viċin, jiġifieri dik ta' Lilly of the Valley, Mosta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-Awtorita' Dwar it-Trasport għaddiet l-osservazzjonijiet ta' l-Onor. Interpellant lill-Kunsill Lokali peress li x-xogħlijiet imsemmija jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill.

Mosta — Triq Prinċipali - parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax isir parking għall-karozzi tar-residenti ta' Main Street, il-Mosta fil-biċċa li tagħti minn Lord Nelson Bar & Restaurant għall-istatwa ta' San Ġużepp, fuq in-naħa tax-xellug inti u tiela' u mhux fuq in-naħa tal-lemin inti u tiela' lejn in-Naxxar u dan minħabba kif joqgħod l-ilma fit-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Kunsill Lokali tal-Mosta ma għamel l-ebda lment jew rikjesta skond kif qed jiġi mitlub f'din il-Mistoqsija Parlamentari.

Ħal Għaxaq

Question

B'referenza għall korrispondenza hwan annessa, jista' il-Ministru jgħid x'possibilita' hemm li din it-triq titwessa'. (Rigward post tan-nar San Ġużepp Ħal Għaxaq)

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari nru. 37211.