Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35625, ċioe' jgħid jekk hux minnu li qed isir fencing madwar dock 2 u dock 3 tat-Tarzna ta' Bormla? X'inhi r-raġuni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minħabba raġuni ta' sigurta' qed isir fencing madwar il-baċir numru tlieta fit-Tarzna ta' Bormla.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li titwaħħal bozza f'side street li r-residenti li hemm fiha, li l-indirizz qed jintbagħat separatament, ilhom joqogħdu hemm 20 sena u għadhom sal-lum fi triq mudlama?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tkun ikkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili. Minħabba n-numru ta' talbiet ta' din ix-xorta u minħabba fatturi oħra, mhux possibbli li l-Korporazzjoni tintrabat b'dati.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35586?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li kien hemm każ fejn uffiċjal ta' l-Air Malta li kien jaħdem f'Dubai kien suspettat li kien ipparteċipa fi frodi għad-dannu tal-Kumpanija. Kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, l-ammont involut ma kienx ta' "mijiet ta' eluf ta' liri". Appena l-każ sar magħruf, l-uffiċjal ikkonċernat kellu l-impjieg tiegħu ma' l-Air Malta itterminat. Wara investigazzjoni li saret f'Malta, f'Dubai u fl-Ingilterra ma ġiex stabbilit fejn toqgħod din il-persuna.
Jista' il-Ministru jgħid kemm nefqet flus il-Gozo Channel f'dawn l-aħħar sentejn f'reklami li qed tagħmel fuq il-media? Liema hi dik l-aġenzija tar-reklamar li ħadet il-kuntratt biex il-Gozo Channel tagħmel dawn ir-reklami?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn Ottubru ta' l-2000 u Awissu ta' din is-sena, il-kumpanija Gozo Channel nefqet is-somma ta' Lm56,012 f'reklamar fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni. L-ebda aġenzija ma kienet involuta f'dawn ir-riklami.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'dawn l-aħħar erba' snin fuq advertising inkluż il-posters li jidhru fit-toroq mill-kumpannija Maltacom?
Lil min ingħata l-kuntratt u f'kull każ jekk ħarġitx offerta?
Jista' jgħid mingħand min ġew ordnati l-posters?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-aġenzija tar-reklamar tal-Maltacom ġiet appuntata mill-Board tad-Diretturi tal-Maltacom wara sejħa pubblika li kienet dehret fil-gazzetti lokali. Il-Maltacom ordnat posters fuq bażi ta' offer and acceptance mingħand Paza Ċo. Ltd., MPS Ltd. u Network Publications. Minħabba n-natura kummerċjali tal-Maltacom, ma jidhirlix li għandi nagħti aktar dettalji dwar reklamar.
Jista' il-Ministru jara li jiġu investigati u rimedjati l-ilmenti tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba li l-ħsarat f'oġġetti domestiċi u inkonvenjent kbir li qed ikolhom kawża ta' qtugħ fil-provvista tad-dawl u minn provvista ta' dawl baxx? Jista' jara li din il-problema tiġi rimedjata immedjatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta, irriżulta li kien hemm bżonn ta' manutenzjoni. Dan ix-xogħol sar u l-provvista ta' l-elettriku ġiet għan-normal kif stabbilit mir-regolamenti ta' l-elettriku.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-gvern qed ineħħi l-protezzjoni tal-levies tal-biedja meta l-UE stess ħalliet u cioe' baqgħet timponi tagħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 35275 waqt is-Seduta numru 793.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura fuq l-għoti ta' l-unpaid leave ġewwa t-tarzna ta' Bormla (Malta Drydocks)? Speċifikament jistax jikkonferma u jagħti raġunijiet għaliex ħaddiema qed isibu diffikultajiet f'dan ir-rigward?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-għoti ta' "leave bla ħlas" huwa regolat permezz ta' klawsola 24 tal-Ftehim Kollettiv. Din il-klawsola tispeċifika li:
"Leave bla ħlas mhux permess ħlief f'ċirkustanzi speċjali. Leave bla ħlas jista' jittieħed biss wara li l-leave opzjonali jkun intuża kollu u f'ċirkustanzi li ma humiex koperti bil-leave speċjali. Leave bla ħlas jista' jiġi awtorizzat wara laqgħa bejn il-Personnel u l-Line Divisional Manager flimkien ma' l-impjegat għall-ġustifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni. Fil-każ ta' impjegati nisa, it-twelid ta' tarbija jingħata attenzjoni speċjali. Leave mhux awtorizzat jiġi kkunsidrat bħala assenteiżmu."
Il-"leave bla ħlas" fl-aħħar jiġi approvat jew miċħud mill-Manager Riżorsi Umani wara li flimkien mal-Line Manager iwieżen in-natura tat-talba mill-ħaddiem u l-eżiġenzi tax-xogħol fid-dipartiment konċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 35463?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li mhuwiex il-ħsieb ta' l-Air Malta li timpjega fuq bażi permanenti lil dawk l-istewardesses li għal dawn l-aħħar erba' snin kienu mpjegati fuq bażi temporanja. Il-persuni li għalihom qed issir riferenza ġew impjegati fuq bażi permanenti b'effett mit-9 ta' Settembru 2002.
Rigward it-tielet parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpelant għat-tweġiba li tajt għall-ewwel parti ta' din l-istess mistoqsija. Dawn iż-żewġ persuni intgħażlu fuq bażi ta' anzjanita' fost il-Cabin Crew impjegati fuq bażi temporanja. Fil-fatt huma kien ilhom seba' u sitt snin jaħdmu fuq din il-bażi.
Mhux minnu li l-Ground Staff ħadmu għal sena biss. Għalissa ma hemm ebda pjanijiet biex toħroġ sejħa interna għall-applikazzjonijiet jew biex isiru trasferimenti għall-Cabin Crew.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk nutara u avukati humiex tenuti li jimlew il-business statistics questionnaire li qed tintbagħat għall-fini tal-Malta Statistics Authority Act 2002, anke peress li n-nutara huma uffiċjali pubbliċi u bħala tali ma jingħaddux bħala business enterprise?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Business Register jiġi kkumpilat minn tagħrif li l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika jiġbor permezz tal-kwestjonarju msemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Il-metotoloġija tal-Eurostat li jsegwi dan l-Uffiċċju biex ikun ikkompilat il-Business Register tagħmel użu mill-klassifikazzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi għall-fini ta' statistika ta' l-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-NACE, li taħt "Division 74": Other Business Activities jidħlu attivitajiet ta' natura legali.
Għaldaqstant avukati u nutara għandhom jimlew il-kwestjonarju dwar business statistics.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-Gvern ma laqgħax it-talba tal-FOI cioe', li l-protezzjoni tal-biedja titneħħa wara s-sħubija u mhux qabel kif fuq kollox qed tagħmel l-UE stess ma pajjiżna? Jista' jinfurmani x'sens jagħmel li Malta tneħħi l-protezzjoni tal-biedja qabel tidħol u l-UE tneħħi l-protezzjoni tal-biedja tagħha ma Malta wara li pajjiżna jsir membru sħiħ?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-tneħħija tal-levies fuq il-prodotti ta' l-ikel u dawk agrikoli kien is-suġġett ta' stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi fit-13 ta' Settembru ta' din is-sena.
Kif ġie spjegat f'dik l-istqarrija:
1. Bħala medja, huwa biss daqs tletin fil-mija tal-valur tal-levy li ser jitneħħa qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.
2. Anke wara dan it-tnaqqis fil-levy, fil-każ tal-maġġoranza kbira tal-prodotti konċernati, il-protezzjoni lokali tkun għadha ferm għola minn dik applikata bħalissa mill-Unjoni Ewropea.
3. Hemm prodotti li fuqhom Malta għadha qed timponi levies li mhux suġġetti għall-protezzjoni min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea.
4. Finalment, il-materja bilfors trid tiġi inkwadrata fl-istampa kumplessiva tat-tariffi applikati anke fuq prodotti mhux agrikoli. Wieħed irid jiftakar li ser ikun biss mill-1 ta' Jannar 2003 li Malta ser tkun neħħiet il-levies minn fuq bosta prodotti industrijali, filwaqt ilhom snin twal li dawn l-istess prodotti jistgħu jiġu esportati minn Malta lejn l-Unjoni Ewropea mingħajr il-ħlas ta' ebda tariffi
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35467, jista' jgħid x’inhi r-raġuni li kontijiet tad-dawl u l-ilma li tħallsu b’cheque fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju għadhom ma ntbagħtux irċevuti għalihom? Possibli hemm bżonn xahrejn biex il-klijenti jirċievu irċevuta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tintroduċi sistema ġdida li permezz tagħha l-proċess ta' l-irċevuti ser jibda jsir b'mod elettroniku. Naturalment, sakemm din is-sistema tkun implimentata, ix-xogħol ta' ipproċessar ta' l-irċevuti waqa lura. Hu ttamat li fi żmien qasir is-sitwazzjoni tiġi għan-normal.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu sabiex numru ta' arbli jiġu mibdula minħabba fil-kundizzjoni ħażina li jinsabu fiha fl-inħawi tar-range tal-Bidnija u dan anke fid-dawl tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li ser isiru f'Malta s-sena d-dieħla?
Jista' il-Ministru jikkonferma li uffiċjal għoli li kien jaħdem ma' l-Air Malta u li kien ibbażat Dubai iffroda lil Air Malta mijiet ta' eluf ta' liri? Jista' jgħid jekk il-Gvern jafx fejn tinstab din il-persuna? Jekk fl-affermattiv x'passi ħa l-Gvern biex din il-persuna tinġieb lura minn fejn hi sabiex tħallas ta' għemielha?
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 34975, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li l-Enemalta f'każ ta' estenzjoni ta' dawl għal ġewwa kamra ta' għalqa fi Triq Ħ'Attard, Ħaż-Żebbuġ, l-arbli ġew mgħoddija mill-għelieqi waqt li għall-farmhouse fi Triq bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi, l-uffiċjal qiegħed jirrifjuta li jgħaddi l-arbli mill-għelieqi bħal fil-każ imsemmija hawn fuq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret min-nies tal-Korporazzjoni Enemalta, ma jirriżultax li l-arbli li intużaw biex jingħata servizz ta' l-elettriku fi Triq H'Attard, Ħaż-Żebbuġ ġew mgħoddija minn għalqa, iżda minn passaġġ eżistenti. Fil-każ tas-servizz ta' l-elettriku mitlub f'Farmhouse li tinsab bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi, il-proposta ta' kif għandu jsir ix-xogħol saret skond il-prattika normali tax-xogħol u l-Electricity Supply Regulations.
Jista' il-Ministru jgħid x'kordinament sar bejn l-Enemalta u dawk l-entitajiet kollha konċernati sabiex isir xogħol ta' tqegħid ta' cable f'Ħaż-Żabbar li jolqot Triq is-Santwarji, Triq il-Kbira, Misraħ is-Sliem, Triq il-Marloċċ u toroq oħra fil-qalba tal-Belt Hompesch?
Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm l-Enemalta biex jgħaddu l-cable tad-dawl minn Triq il-Marloċċ f'Ħaż-Żabbar sabiex il-kunsill lokali Żabbar ikun f'pożizzjoni li jirranġa din it-triq li tant hi fi stat ħażin li wieħed jevita li jgħaddi minn hemm?
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35476, jista' jgħid x’passi ħadet jew se tieħu l-Air Malta dwar impjegat fuq il-kotba tagħha akkużat bil-pedufilja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-impjegat ikkonċernat ġie sospiż b'nofs paga appena l-Air Malta saret taf bil-każ.
Jista' il-Ministru jara jekk hux possibli li l-Maltacom issewwi l-ħsara fit-telefon li qed nehmeż under seperate cover, għax din hi anzjana li tgħix waħedha u dan it-telefon issa ilu ftit bil-ħsara?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-ħsara li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant fil-fatt diġa' ssewwiet.