Legislature:
Category:
Reset
Active:

Flooding

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex tiġi rimedjata l-problema eċċessiva ta' flooding li jkun hemm f'Rue D'Argens, l-Imsida minħabba ċerti culverts li saru dan l-aħħar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31838 (Seduta 708).

Qormi — Wied il-Kbir

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda u jispiċċa x-xogħol tat-tħaffir tat-trinka biex jitqegħdu l-mains ta' l-ilma f'Wied il-Kbir, Ħal Qormi, skond l-offerta mħabbra fil-gazzetta tal-Gvern, tat-12/10/2001, nru 17,150, Kwot. Nru. 68/2001?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol kellu jibda fil-5 ta' Frar 2002, u jieħu tlett ġimgħat xogħol kumplessivament. Sa llum 75% huwa lest.

Santa Venera — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda u jispiċċa x-xogħol tat-tiswija tad-drenaġġ fi Triq il-Brunżar, Santa Venera, skond l-offerta mħabbra fil-gazzetta tal-Gvern, tat-12/10/01, nru 17,150, Kwot nru 72/2001?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tiswija fi Triq Brunżar, Santa Venera sar bejn il-5 u t-8 ta' Diċembru 2001.

Qormi — Wied il-Kbir

Question

Jista' l-Ministru jgħid x-xogħol se jsir permezz tal-provista u tqegħid ta' planki pre-stressed tal-konkos f'Wied il-kbir, Ħal Qormi, skond l-offerta mħabbra fil-gazzetta tal-Gvern , tat-12/10/01 nru 17,150, kwot nru 73/2001? Meta huwa ppjanat li jibda u jitlesta x-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet ma kienet irċeviet ebda offerti. L-offerta reġgħet ħarġet bħala Kwotazzjoni 81/01, li qed tirreferi għaliha fil-mistoqsija tiegħek numru 32135.

Boundary Wall

Question

Jista' l-Ministru jara li jieħu passi biex jinbena boundary wall madwar dawk iż-żewġ plots abbandunati li hemm fi Triq Indri Grima, Swatar minħabba il-perikli li qed jikkawżaw għat-tfal li jkunu jilgħabu fl-inħawi, aktar u aktar minħabba bir, nofsu mikxuf, li hemm f'wieħed minnhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31835 (Seduta 708).

Pubblikazzjonijiet — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-posta, stationeries, reklamar, pubblikazzjonijiet għas-sena 2001 tal-Ministeru u Dipartimenti, Dekasteri, Korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ambjent? Kemm tħallsu minn dawn l-ispejjes u kemm għadhom pendenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhija l-problema tad-drenaġġ li qed ifur fi Triq il-Kaċċatur, Ħal Qormi quddiem il-maħżen tal-Sigma, kull meta tagħmel ix-xita? X'azzjoni se ttieħed?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ser isir it-tindif neċessarju fuq is-sewer main fi Triq il-Kaċċatur, Qormi.

Swatar — Triq Indri Grima

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistgħax tieħu passi biex jinbena boundary wall madwar dawk iż-żewġ plots abbandunati li hemm fit-Triq Indri Grima, Swatar minħabba l-perikli li qed jikkawżaw għat-tfal li jkunu jilgħabu fl-inħawi, aktar u aktar minħabba bir, nofsu mikxuf li hemm ġo wieħed minnhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31692 (Seduta 702).

Msida — Rue D'Argens

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistawx jittieħdu passi biex tiġi rimedjata l-problema eċċessiva ta' flooding li jkun hemm f'Rue D'Argens, l-Msida minħabba ċerti culverts li saru dan l-aħħar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31692 (Seduta 702).

Kirkop — Fossa

Question

B'riferenza għall-PQ 29933, dwar x'passi ttieħdu dwar fossa li tħaffret minn impjegati tal-Gvern qrib għalqa fil-limiti ta' Ħal Kirkop li hija bi qbiela għand persuna li d-dettalji tajthom mal-mistoqsija oriġinali, u li fil-fossa qed jintrema' kull xorta ta' ħmieġ, meta l-art f'idejhom fl-inħawi fejn tinsab l-art indikata tħallsu l-kumpens talli tħaffret fossa fl-istess art tagħhom pero' l-persuna msemmija ma tħallset xejn u aktar minn hekk donnu l-art tagħha qegħda tkun immirata għal kull rimi li jsir? Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-fossa li qed tissemma fil-mistoqsija ma hi fossa xejn iżda sempliċi manhole fuq il-main tad-drenaġġ u mhux li tħaffret issa iżda ilha hemm minn meta sar il-main. Rigward kull xorta ta' ħmieġ li qiegħed jiġi allegat illi qiegħed jintrema, l-Onorevoli Interpellant hija mitluba tispeċifika x'inhu dan il-ħmieġ, għax sa fejn hu konċernat id-Dipartiment tad-Drenaġġ, din il-manhole, illi hija discharge point, jintefa' fiha drenaġġ likwidu mill-bowsers u li dan id-drenaġġ imur ġol-main u mhux fl-għalqa msemmija. Rigward il-kumpens illi l-persuna qed titlob, mhux magħruf x'inhu, jekk hux għal meta sar il-main tad-drenaġġ jew għal xi ħaġa oħra.

Pilastri

Question

Peress li l-fanali li twaħħlu mal-Pilastri fi Triq ix-Xatt, Bormla huma żgħar ħafna għal triq bħal din , jista' jiġi ikkonsidrat li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-pilastri msemmija mill-Onorevoli Interpellant ser jinbidlu u minflok jitwaħħlu oħrajn aktar addattati.

Quarterly Control Laboratory

Question

Jista' l-Ministru jispjega eżatt x'qiegħed jigri fil-Quarterly Control Laboratory li d-divizjoni tax-xogħol pubbliċi għandha f'Kordin għax il-ħaddiema huwa inkwetati dwar il-futur tagħhom? Fejn tidħol id-ditta Harrison f'dan kollu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31520 (Seduta 700). Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Awtorita' Maltija — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari nru. 31784?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-kuntratti ta' l-impjegati għadhom ma ġewx finalizzati, ma nħossx li għandha tingħata l-informazzjoni mitluba.

Msida

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 31556?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għadu qed jiġi investigat fejn qed tinġabar informazzjoni minn entitajiet oħra, għaldaqstant tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment tad-Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li sar fis-Swan Laundry sabiex jiġi konvertit f'uffiċju għad-Dipartiment tad-Drenaġġ huwiex komplut? Jekk fl-affermattiv, min għamel dan ix-xogħol u kemm ġie jiswa? Meta se jsir it-trasferiment tad-dipartiment għal dawn l-uffiċji ġodda?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li dak li qiegħed jiġi msejjaħ bħala 'Swan Laundry' huwa kumpless li qiegħed jiġi konvertit f'Ċentru għas-Servizzi ta' l-Inġinerija tad-Drenaġġ - ċentru li ser jiġbor fih sezzjonijiet tad-Dipartiment tad-Drenaġġ li sa llum huma sparpaljati f'diversi nħawi. Ix-xogħol f'dan il-kumpless jinsab fi stadju avvanzat fl-ewwel fażi tiegħu. Fil-fatt, diġa' ġiet trasferita sezzjoni ta' ħaddiema ta' dan id-Dipartiment. Ix-xogħol qiegħed isir parti minn ħaddiema tal-Gvern u parti oħra minn kuntratturi privati.

Pjazza Santa Margerita

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li żmien ilu kien hemm pjanijiet li Pjazza Santa Margerita, Bormla tingħata dehra aħjar, jista' l-Ministru jgħid x'sar minnhom dawn il-pjanijiet, b'kemm waqgħu lura, x'inhi r-raġuni li waqgħu lura u jekk hemmx il-ħsieb li dan il-proġett isir?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

B'Buġia — Qasam tal-Bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu ntiż li jsir bl-ispazju li hemm quddiem il-maisonettes appena kostruiti fil-Qasam tal-Bini B'Buġia? Jista' l-Ministru jara li dan l-ispazju jintuża għal skop ta' rikreazzjoni sew għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar dato n-nuqqas ta' l-istess?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.