Legislature:
Category:
Reset
Active:

Riżorsi u Infrastruttura — Diretturi/Chairpersons

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma d-diretturi u ċ-chairpersons tal-kumpanniji, enti u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandhom kull wieħed minnhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Diviżjoni tax-xogħlijiet — Direttur ġenerali

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk ġiex maħtur it-tieni direttur ġenerali tad-diviżjoni tax-xogħlijiet? Jekk fl-affermattiv, kif ġie maqsum ix-xogħol bejn iż-żewġ diretturi ġenerali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nikkonferma li fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ġie maħtur Direttur Ġenerali ġdid għat-Taqsima tas-Servizzi. Id-Direttur Ġenerali għat-Taqsima tax-Xogħlijiet ser jibqa’ responsabbli għad-Dipartimenti tal-Bini u l-Inġinerija, tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni u d-Dipartiment ta’ Immaniġjar Finanzjarju. Id-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tas-Servizzi huwa responsabbli għad-Dipartiment għas-Servizzi ta’ l-Indafa u d-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi.

Bormla — Mina ta' Sta Liena

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol qed isir fil-mina ta' Sta Liena, Bormla? Kemm hu mistenni jdum dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li dan ix-xogħol jikkonsisti f’pavimentar bil-ġebla tal-qawwi u nstallazjoni ta’ sistema ġdida tad-dawl. Sal-llum tlestew il-livelli fuq il-post u beda t-tqiegħed tal-kurduna bil-ġebla tal-qawwi. Qegħdin jitqiegħdu wkoll il-PVC pipes li ser jintużaw għas-sistema tad-dawl u ser jinbeda l-pavimentar bil-ġebla tal-qawwi. Sakemm ma jinqalgħux problemi relatati ma provista ta' materjal/fittings eċċ., dan ix-xogħol huwa programmat li jkun lest fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena.

Re-numbering

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx bord għar-re-numbering? Min huma l-membri tal-bord? X'inhi l-politika tal-gvern fejn jidħol re-numbering? X'sistema tintuża vis-a-vis numri fuq il-bibien meta jinbena post f'zona diġa' mibnija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li r-re-numbering jitwettaq mid-Door Numbering Unit fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet u dan ix-xogħol isir b’konsultazzjoni ma’ l-Uffiċju Elettorali. Hemm policy stabbilita b’kollaborazzjoni ma’ l-Uffiċju Elettorali li fuqha jsir ir-re-numbering. Meta jinbena post f’żona diġa’ mibnija u n-numri l-oħra eżistenti taż-żona ma jkunx jeħtieġ li jsir re-numbering fuqhom, allura tingħata ittra jew ittri ta’ l-alfabett wara n-numru li jmiss mal-binja l-ġdida. F’każ li jkun hemm bżonn isir re-numbering tat-triq kollha minħabba nuqqasijiet fin-numri l-oħra, allura jsir dan ir-re-numbering.

Isla u Birgu — Re-numbering fuq il-bibien

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex fl-Isla u fil-Birgu nħass li għandu jsir re-numbering fuq il-bibien eżistenti bil-konsegwenza ta' ħafna inkonvenjenti għar-residenti, speċjalment l-anzjani u persuni li jgħixu bir-relief?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi minn spezzjonijiet li saru mill-ħaddiema tad-Door Numbering Unit, irriżulta li numru ta’ toroq fl-Isla u l-Birgu kien jeħtieġ li jsir re-numbering fihom minħabba li n-numri tal-bibien ma kienux isegwu b’mod konsekuttiv kif suppost.

Enti Pubbliċi

Question

Jista' il-Ministru jagħti risposta għall-mistoqsijiet parlamentari 16611 u 16423 li huma relatati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Rigward Mistoqsija Parlamentari Numru 16611 nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat f'Seduta 344 fl-24 ta' Jannar 2006, u cioe` li r-risposta ser tingħata f'PQ 16423. Rigward Mistoqsija Parlamentari Numru 16423, din ir-risposta ser tingħata f'Seduta Numru 349.

Bormla — Pjazza G Gulia

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir xi ħaġa biex l-ispralli u kaptelli li hemm jaqsmu Pjazza G Gulia, Bormla, jiġu rranġati u ma jibqgħux ta' periklu kif inhuma issa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Riżorsi u Infrastruttura — Enti pubbliċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-enti pubbliċi, awtoritajiet u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn l-enti eċċ, jagħmlu outsourcing ta' xogħol legali (legal advice and litigation) tagħhom? Fil-każ li jsir outsourcing ta' xogħol legali, min huma l-avukati mqabbda? Kemm jitħallsu kull sena jew perjodikament dawn l-avukati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi hija l-Awtorita’ li taqa’ taħt il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Din l-Awtorita’ tagħmel outsourcing ta’ xogħol legali minħabba li ma’ l-Awtorita’ m’hemmx avukati ngaġġati permanenti. L-avukati mqabbda bħala Legal Advisors huma Gatt, Frendo, Tufigno. M’hemmx ħlas fiss perjodikament. Dan jiddependi fuq is-servizz li jagħtu lill-Awtorita’. L-Awtorita’ tqabbad ukoll xi avukati oħra fuq bażi ndividwali. Matul is-sena 2004 – 2005 l-avukati mqabbda u l-ħlasijiet li sarulhom kienu:- Lm Gatt, Frendo, Tufigno 4,811 Avv. Paul Micallef 500 Avv. Robert Attard 1,000 Avv. Louise Farrugia 80

Riżorsi u Infrastruttura — Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel fuq mobile phones matul is-sena 2005?

Response (ZAMMIT, NINU)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.

EU — Energy policy

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li ser tiġi approvata energy policy ibbażata fuq l-obbliġi ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li d-draft ta' l-Energy Policy huwa lest. Il-Gvern flimkien ma' l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi qegħdin jirrevedu xi punti mportanti u meta jittieħdu d-deċiżjonijiet fuq dawn, il-policy document ikun jista' jiġi ppubblikat għal konsultazzjoni. Jien infurmat ukoll illi ma jeżisti l-ebda obbligu Komunitarju li jiġi prodott dokument ta’ dan it-tip. Xorta waħda iżda, dan id-dokument ser ikun konsistenti ma dak kollu li Malta nnegozjat u/jew qed tinnegozja ma' l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' din il-materja.

Riżorsi u Infrastruttura — Enti pubbliċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji jew awtoritajiet/corporations li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma d-diretturi tal-bord, jew membri tal-bord, ta' kull waħda mill-enti imsemmija aktar 'il fuq? X'inhu l-ħlas annwali ta' kull membru u direttur?

Response (ZAMMIT, NINU)

B'riferenza għall-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija, nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li ser tingħata f'seduda 349 għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16423. Għat-tielet parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tinġabar biex tingħata b'mod komplet fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16423.

Riżorsi u Infrastruttura — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati ġodda tul is-sena 2005 mad-dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jaqsamhom skond il-grad?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ser tingħata f'xi seduta oħra.

Enerġija elettrika — Ilma tax-xorb

Question

Jista’ il-Ministru jindika l-ammont ta' enerġija elettrika li pajjiżna kellu jipproduci s-sena l-oħra biex jipproduċi l-ilma tax-xorb (f'termini ta' ratio jew proporzjon)?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fis-sena 2004 ħamsa fil-mija (5%) ta' l-enerġija elettrika prodotta mill-powerstations kienet użata fil-produzzjoni ta' l-ilma.

Produzzjoni u użu tal-biogas

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta l-provvedimenti ta' Direttiva 2003/30/EC dwar il-produzzjoni u l-użu tal-biogas ser ikunu parti mil-Liġi Maltija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Legal Notice 528/2004 tagħmel il-provediment tad-Direttiva 2003/30, parti mill-liġi Maltija u ġiet fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2004.

Riżorsi u Infrastruttura — Konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Bormla — Sprall fi Triq ix-Xatt

Question

Jista' il-Ministru jara li jiġi rranġat sprall li hemm fi Triq ix-Xatt, Bormla u dan peress li hu ogħla mit-triq u kull meta tagħmel ħalba xita, dan flok jinżel fl-isprall jibqa' fit-triq?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li dawn ix-xogħlijiet ma jaqawx taħt il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Minn investigazzjoni li saret fuq il-post, irriżulta li x-xogħol tat-triq (concrete road surface)sar mill-kuntrattur privat li ħadem dan ix-xogħol f’isem il-Kunsill Lokali u l-konkos li ngħata mhux qed jaqleb għal ġo l-isprall.

Esplorazzjoni taż-żejt

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn Ottubru 2003 sal-lum sarux proġetti ta' koperazzjoni bejn Malta u l-Libja fil-qasam ta' l-esplorazzjoni taż-żejt? Jekk iva, liema proġetti saru?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li minn Ottubru 2003 sa llum ma sarux proġetti ta' koperazzjoni bejn Malta u l-Libja fil-qasam ta' l-esplorazzjoni taż-żejt.

Esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati ma' l-awtoritajiet Libjani u Tuneżini dwar il-qsim ta' l-ibħra ta' bejnietna għal skop ta' esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li n-negozjati ma' l-awtoritajiet Libjani u Tuneżini dwar il-qsim tal-blata kontinentali għadhom għaddejjin.

Birkirkara — Rizzo service station - passaġġ ta' l-ilma tax-xita

Question

Jista' il-Ministru jara jistax jiġi re-routed il-passaġġ ta' l-ilma tax-xita minn fuq il-bejt għal ġewwa ta' Rizzo service station, f'Birkirkara?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant hu ġentilment mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.